Eżodu 40:1-38

  • Jiġi armat it-tabernaklu (1-33)

  • Il-glorja taʼ Ġeħova timla t-tabernaklu (34-38)

40  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 2  “Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar, għandek tarma t-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa. 3  Poġġi l-arka tat-Testimonjanza fih u dendel il-purtiera li tifred biex l-Arka ma tidhirx. 4  Daħħal il-mejda u qiegħed l-affarijiet li għandhom ikunu fuqha u daħħal il-gandlier u ixgħel il-lampi tiegħu. 5  Imbagħad poġġi l-artal tad-deheb għall-inċens quddiem l-arka tat-Testimonjanza u dendel f’postha l-purtiera tad-daħla tat-tabernaklu. 6  “Poġġi l-artal tal-offerta tal-ħruq quddiem id-daħla tat-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa, 7  u qiegħed il-vaska bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal u itfaʼ l-ilma fiha. 8  Imbagħad arma l-purtieri tal-bitħa mad-dawra kollha u dendel il-purtiera tad-daħla tal-bitħa. 9  Wara, ħu ż-żejt tad-dlik u idlek it-tabernaklu u kulma fih, u qaddes lilu u l-għodod kollha tiegħu. 10  Għandek tidlek l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu u tagħmlu artal mill-iktar qaddis. 11  U idlek il-vaska u l-bażi tagħha u qaddisha. 12  “Imbagħad ħu lil Aron u lit-tfal tiegħu ħdejn id-daħla tat-tinda tal-laqgħa u aħsilhom bl-ilma. 13  U lil Aron libbsu l-ħwejjeġ qaddisa, idilku,* u qaddsu biex jaqdi bħala qassis għalija. 14  Wara ġib lit-tfal tiegħu qrib u libbishom l-ilbiesi twal. 15  Inkarigahom billi tidlikhom bħalma dlikt lil missierhom biex jaqdu bħala qassisin għalija. U peress li jiġu midlukin, huma jirċievu d-dritt li jkunu qassisin għal żmien twil, matul il-ġenerazzjonijiet tagħhom.” 16  Mosè għamel skont kulma kien ikkmandah Ġeħova. Għamel preċiż hekk. 17  Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar tat-tieni sena, intrama t-tabernaklu. 18  Meta Mosè rama t-tabernaklu, hu qiegħed il-pedestalli b’toqba fihom, poġġa l-frejms magħmulin mit-twavel f’posthom, daħħal il-lasti, u poġġa l-kolonni. 19  Hu firex it-tinda fuq it-tabernaklu u fuqha qiegħed il-ġlud meħjutin flimkien, bħalma Ġeħova kien ikkmandah. 20  Wara dan, ħa t-Testimonjanza u poġġieha fl-Arka u daħħal il-lasti tal-Arka u poġġa l-għatu fuqha. 21  Hu daħħal l-Arka fit-tabernaklu u dendel il-purtiera li tifred f’postha biex l-arka tat-Testimonjanza ma tidhirx, bħalma Ġeħova kien ikkmandah. 22  Imbagħad, poġġa l-mejda ’l barra mill-purtiera fit-tinda tal-laqgħa, fuq in-naħa tat-Tramuntana tat-tabernaklu, 23  u qiegħed ir-ringiela tal-ħobż fuqha quddiem Ġeħova, bħalma kien ikkmandah Ġeħova. 24  Hu qiegħed il-gandlier fit-tinda tal-laqgħa quddiem il-mejda, fuq in-naħa tan-Nofsinhar tat-tabernaklu. 25  Hu xegħel il-lampi quddiem Ġeħova, bħalma kien ikkmandah Ġeħova. 26  Wara qiegħed l-artal tad-deheb fit-tinda tal-laqgħa quddiem il-purtiera, 27  biex jaħraq l-inċens ifuħ fuqu, bħalma Ġeħova kien ikkmandah. 28  Imbagħad dendel il-purtiera tad-daħla tat-tabernaklu f’postha. 29  U qiegħed l-artal tal-offerta tal-ħruq fid-daħla tat-tabernaklu, jiġifieri t-tinda tal-laqgħa, biex joffri fuqu l-offerta tal-ħruq u l-offerta taċ-ċereali,* bħalma Ġeħova kien ikkmandah. 30  Imbagħad qiegħed il-vaska bejn it-tinda tal-laqgħa u l-artal u tefaʼ l-ilma fiha. 31  Mosè, Aron, u t-tfal tiegħu ħaslu jdejhom u saqajhom hemm. 32  Kull meta kienu jidħlu fit-tinda tal-laqgħa jew jersqu lejn l-artal, kienu jinħaslu, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 33  Fl-aħħar, rama l-bitħa madwar it-tabernaklu u l-artal, u dendel il-purtiera għad-daħla tal-bitħa. Għalhekk, Mosè lesta x-xogħol. 34  U s-sħaba bdiet tgħatti t-tinda tal-laqgħa, u l-glorja taʼ Ġeħova mliet it-tabernaklu. 35  Mosè ma setax jidħol fit-tinda tal-laqgħa għax is-sħaba baqgħet fuqha, u l-glorja taʼ Ġeħova mliet it-tabernaklu. 36  U meta s-sħaba kienet togħla minn fuq it-tabernaklu, l-Iżraelin kienu jżarmaw il-kampijiet minn fejn ikunu. Dan għamluh matul il-vjaġġ kollu tagħhom fid-deżert. 37  Madankollu, jekk is-sħaba ma togħliex, ma kinux iżarmaw il-kampijiet sa dakinhar li kienet togħla. 38  Għax matul il-vjaġġ kollu, il-poplu kollu t’Iżrael setaʼ jara li s-sħaba taʼ Ġeħova kienet tkun fuq it-tabernaklu matul il-jum, u matul il-lejl kien ikun hemm nar fuqu.

Noti taʼ taħt

^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.