Eżodu 3:1-22

  • Mosè u l-għollieqa taqbad (1-12)

  • Ġeħova jispjega ismu (13-15)

  • Ġeħova jagħti istruzzjonijiet lil Mosè (16-22)

3  Mosè sar ragħaj tal-merħla tal-kunjatu tiegħu Ġetro, il-qassis taʼ Midjan. Waqt li kien qed jieħu l-merħla lejn in-naħa tal-Punent tad-deżert, wasal ħdejn il-muntanja tal-Alla l-veru, f’Ħoreb.  Imbagħad l-anġlu taʼ Ġeħova deherlu fi fjamma tan-nar f’nofs għollieqa. Hekk kif baqaʼ jħares, hu ra li din kienet qed taqbad, u madankollu ma bdietx tinħaraq.  U Mosè qal: “Ħa nersaq viċin sabiex nara x’inhi din il-ħaġa tal-għaġeb u għala l-għollieqa mhix tinħaraq.”  Meta Ġeħova rah jersaq viċin biex jara x’inhi, għajjatlu mill-għollieqa u qallu: “Mosè! Mosè!” u dan wieġbu: “Hawn jien.”  Qallu: “Tersaqx iktar qrib. Neħħi s-sandli, għax qiegħed fuq art qaddisa.”  U kompla jgħidlu: “Jien l-Alla taʼ missierek, l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb.” Imbagħad Mosè ħeba wiċċu, għax beżaʼ jħares lejn l-Alla l-veru.  Ġeħova żied: “Jien rajt it-tbatija tan-nies tiegħi li qegħdin l-Eġittu, u smajt l-għajta tagħhom minħabba dawk li qed iġegħluhom jaħdmu iebes. Naf tajjeb kemm qed ibatu.  Se ninżel neħlishom minn id l-Eġizzjani u noħroġhom minn dik l-art għal ġo art tajba u spazjuża, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, l-art tal-Kangħanin, tal-Ħittin, tal-Amurrin, tal-Pereżin, tal-Ħiwwin, u tal-Ġebusin.  L-għajta tal-poplu t’Iżrael waslet għandi, u rajt ukoll il-mod aħrax li bih qed jaħqruhom l-Eġizzjani. 10  Għalhekk, ejja ħa nibagħtek għand il-Fargħun biex toħroġ il-poplu tiegħi Iżrael mill-Eġittu.” 11  Madankollu, Mosè qal lill-Alla l-veru: “Jien min jien biex immur għand il-Fargħun u noħroġ lill-Iżraelin mill-Eġittu?” 12  Hu wieġbu: “Jien inkun miegħek, u dan ikun is-sinjal għalik li kont jien li bgħattek: Wara li tkun ħriġt il-poplu mill-Eġittu, intom se taqdu* lili, l-Alla l-veru, fuq din il-muntanja.” 13  Imma Mosè qal lill-Alla l-veru: “Issa ejja ngħidu li mmur għand l-Iżraelin u ngħidilhom, ‘L-Alla taʼ missirijietkom bagħatni għandkom,’ u huma jistaqsuni, ‘X’jismu?’ X’għandi ngħidilhom?” 14  B’hekk, Alla qal lil Mosè: “Jien Se Nsir Dak li Rrid* Insir.”* U żied: “Dan għandek tgħidilhom lill-Iżraelin, ‘Jien Se Nsir bagħatni għandkom.’” 15  Imbagħad Alla reġaʼ qal lil Mosè: “Dan għandek tgħidilhom lill-Iżraelin, ‘Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom, l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb, bagħatni għandkom.’ Dan hu ismi għal dejjem, u b’dan l-isem insir magħruf minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. 16  Issa mur, u iġbor l-anzjani* t’Iżrael u għidilhom, ‘Deherli Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom, l-Alla t’Abraham, Iżakk, u Ġakobb, u qalli: “Jien żgur li tajt kaskom u rajt dak li qed jagħmlulkom fl-Eġittu. 17  Għalhekk, inwegħedkom li se neħliskom mit-tbatija li qegħdin fiha minħabba l-Eġizzjani u niħodkom lejn l-art tal-Kangħanin, tal-Ħittin, tal-Amurrin, tal-Pereżin, tal-Ħiwwin, u tal-Ġebusin, lejn art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel.”’ 18  “Huma żgur li se jisimgħu minn kliemek, u int u l-anzjani t’Iżrael għandkom tmorru għand ir-re tal-Eġittu u tgħidulu: ‘Ġeħova, l-Alla tal-Lhud, kellimna. Allura, jekk jogħġbok, ħallina nagħmlu vjaġġ taʼ tlett ijiem fid-deżert sabiex noffru sagrifiċċji lil Ġeħova l-Alla tagħna.’ 19  Imma jien naf tajjeb li r-re tal-Eġittu mhux se jħallikom tmorru sakemm ma jiġix imġiegħel jagħmel dan. 20  B’hekk, jien se nuża l-qawwa tiegħi u nikkastiga lill-Eġittu bl-affarijiet tal-għaġeb kollha li se nagħmel hemm, u wara dan hu jibgħatkom. 21  U se nġiegħel lill-Eġizzjani jħennu għalikom, u żgur li ma titilqux b’idkom vojta. 22  Kull mara trid titlob mingħand il-ġara tagħha u l-mara li qed toqgħod f’darha oġġetti tal-fidda u tad-deheb kif ukoll ħwejjeġ, u tridu tlibbsuhom lit-tfal tagħkom subien u bniet; u tieħdu r-rikkezzi tal-Eġizzjani.”

Noti taʼ taħt

Jew “tqimu.”
Jew “Nagħżel li.”
Jew “Jien Se Nuri li Jien Dak li Se Nuri li Jien.” Ara App. A4.