Eżodu 29:1-46
29 “Qaddishom ħalli jaqdu bħala qassisin għalija billi tagħmel hekk: Ħu barri żgħir,* żewġ imtaten bla difett,
2 ħobż bla ħmira, ħobż bla ħmira forma taʼ ftira mħallat biż-żejt, u galletti bla ħmira biż-żejt fuqhom. Trid tagħmilhom mid-dqiq fin tal-qamħ
3 u tpoġġihom f’qoffa u ġġibhom quddiemi flimkien mal-barri u ż-żewġ imtaten.
4 “Int iġġib lil Aron u lit-tfal tiegħu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa u taħsilhom bl-ilma.
5 Imbagħad libbes lil Aron il-libsa twila, il-libsa bla kmiem tal-efod,* l-efod, u l-pettoral,* u orbot sew iċ-ċinturin minsuġ tal-efod maʼ qaddu.
6 Qegħedlu t-turban fuq rasu u poġġi s-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni* fuq it-turban,
7 u ħu ż-żejt tad-dlik, ferrgħu fuq rasu, u inkarigah.
8 “Imbagħad ġib lit-tfal tiegħu quddiemi u libbishom l-ilbiesi twal
9 u dawwar it-trieħi m’Aron kif ukoll mat-tfal tiegħu, u poġġilhom it-turban* tagħhom, u huma jkunu qassisin, din hi l-liġi tiegħi għal dejjem. B’dan il-mod għandek tinkariga lil Aron u lit-tfal tiegħu biex jaqdu bħala qassisin.*
10 “Imbagħad tippreżenta l-barri quddiem it-tinda tal-laqgħa, u Aron u t-tfal tiegħu jqiegħdu jdejhom fuq ras il-barri.
11 Oqtol il-barri quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.
12 Ħu ftit mid-demm tal-barri fuq sebgħek u poġġih fuq il-qrun tal-artal, u dak kollu li jibqaʼ mid-demm ferrgħu man-naħa t’isfel tal-artal.
13 Imbagħad ħu x-xaħam kollu li jiksi l-imsaren, ix-xaħam taʼ mal-fwied, u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam taʼ fuqhom, u aħraqhom* fuq l-artal.
14 Imma l-laħam tal-barri, il-ġilda tiegħu, u l-ħmieġ tiegħu taħraqhom bin-nar ’il barra mill-kampijiet. Din hi offerta għad-dnub.
15 “Imbagħad ħu wieħed mill-imtaten, u Aron u t-tfal tiegħu jqiegħdu jdejhom fuq rasu.
16 Oqtlu u ħu demmu u roxxu fuq kull naħa tal-artal.
17 Qattaʼ l-muntun kull biċċa għaliha, u aħsel imsarnu u saqajh* u qiegħed il-biċċiet flimkien maʼ rasu fuq l-artal.
18 Aħraq il-muntun kollu kemm hu fuq l-artal. Din hi offerta tal-ħruq għalija, Ġeħova, u r-riħa tagħha hi pjaċevoli għalija.* Hi offerta li tiġi maħruqa għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom.
19 “Imbagħad ħu l-muntun l-ieħor, u Aron u t-tfal tiegħu jqiegħdu jdejhom fuq rasu.
20 Oqtlu u ħu ftit minn demmu u poġġih fuq id-dendula tal-widna l-leminija t’Aron u fuq id-dendula tal-widna l-leminija tat-tfal tiegħu, u fuq is-subaʼ l-kbir taʼ idhom il-leminija u s-subaʼ l-kbir taʼ sieqhom il-leminija, u roxx id-demm fuq kull naħa tal-artal.
21 Imbagħad ħu ftit mid-demm li hemm fuq l-artal u ftit miż-żejt tad-dlik, u roxxhom fuq Aron u l-ħwejjeġ tiegħu, u fuq it-tfal tiegħu u l-ħwejjeġ tagħhom. B’hekk, huma u l-ħwejjeġ tagħhom ikunu qaddisin.
22 “Imbagħad mill-muntun ħu x-xaħam, id-denb oħxon, ix-xaħam li jiksi l-imsaren, ix-xaħam taʼ mal-fwied, iż-żewġ kilwiet u x-xaħam taʼ fuqhom, u s-sieq il-leminija, għax hu muntun offrut biex jiġu inkarigati l-qassisin.
23 Ħu wkoll ħobża tonda u ħobża biż-żejt forma taʼ ftira u galletta mill-qoffa tal-ħobż bla ħmira li qiegħda quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom.
24 Trid tpoġġihom kollha fuq idejn Aron u fuq idejn it-tfal tiegħu, u xxejjirhom ’il quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom.
25 Imbagħad ħudhom minn idejhom u aħraqhom fuq l-artal, fuq l-offerta tal-ħruq bħala riħa pjaċevoli* quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom. Din hi offerta li tiġi maħruqa għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom.
26 “Imbagħad mill-muntun offrut biex Aron jiġi inkarigat bħala qassis, ħu s-sidra u xejjirha ’l quddiem u lura bħala offerta li tiġi mxejra quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, u din issir sehmek.
27 Qaddes is-sidra tal-offerta li tiġi mxejra u s-sieq tas-sehem sagru li ġiet imxejra u li ttieħdet mill-muntun offrut biex jiġu inkarigati Aron u t-tfal tiegħu bħala qassisin.
28 U jsiru t’Aron u tat-tfal tiegħu b’regola għal dejjem li l-Iżraelin għandhom iżommu magħha, għaliex huma sehem sagru li l-Iżraelin għandhom jagħtu. Huma s-sehem sagru tagħhom għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom, mis-sagrifiċċji tal-paċi tagħhom.
29 “Il-ħwejjeġ qaddisa t’Aron se jintużaw mit-tfal tiegħu warajh meta jiġi mferraʼ ż-żejt fuqhom u jiġu inkarigati bħala qassisin.
30 Il-qassis minn fost it-tfal tiegħu li jilħaq minfloku u li jidħol fit-tinda tal-laqgħa biex jaqdi fil-post qaddis, jilbes dawn il-ħwejjeġ għal sebat ijiem.
31 “Int tieħu l-muntun offrut biex jiġu inkarigati l-qassisin u tgħalli l-laħam tiegħu f’post qaddis.
32 Aron u t-tfal tiegħu jieklu l-laħam tal-muntun u l-ħobż li jkun fil-qoffa fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.
33 U jieklu dak li bih tkun saret it-tpattija biex jiġu inkarigati bħala qassisin* u biex jitqaddsu. Imma ebda individwu mhux awtorizzat* ma jistaʼ jieklu, għaliex hu xi ħaġa qaddisa.
34 Jekk xi laħam mis-sagrifiċċju li ġie offrut u xi ħobż jibqgħu sa filgħodu, trid taħraqhom bin-nar. M’għandhomx jittieklu, għaliex huma xi ħaġa qaddisa.
35 “Lil Aron u lit-tfal tiegħu għandek tagħmlilhom skont kulma kkmandajtek. Trid tieħu sebat ijiem biex tinkarigahom bħala qassisin.*
36 Kuljum għandek toffri barri bħala offerta għad-dnub biex tpatti għad-dnubiet, u b’hekk tippurifika l-artal mid-dnub. Barra minn hekk, għandek tferraʼ ż-żejt fuq l-artal biex tqaddsu.
37 Trid tieħu sebat ijiem biex tagħmel tpattija għall-artal, u trid tqaddsu biex isir artal mill-iktar qaddis. Kull min imiss l-artal għandu jkun qaddis.
38 “Għandek toffri fuq l-artal żewġ imtaten taʼ sena kuljum, b’mod regolari.
39 Offri muntun minnhom filgħodu u l-ieħor bejn inżul ix-xemx u d-dlam.
40 Mal-ewwel muntun, jiġu offruti għaxra fil-100 taʼ kejl t’efa* dqiq fin imħallat maʼ kwart taʼ ħinn* żejt taż-żebbuġa, u offerta tax-xorb taʼ kwart taʼ ħinn inbid.
41 Għandek toffri t-tieni muntun bejn inżul ix-xemx u d-dlam, flimkien mal-istess offerti taċ-ċereali* u tax-xorb bħal taʼ filgħodu. Toffrihom bħala riħa pjaċevoli,* offerta li tiġi maħruqa għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom.
42 Din għandha tkun offerta tal-ħruq regolari matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa quddiemi, Ġeħova l-Alla tagħkom, fejn se nidher biex inkellmek.
43 “Jien nidher hemmhekk lill-Iżraelin, u l-post jitqaddes bil-glorja tiegħi.
44 Inqaddes it-tinda tal-laqgħa u l-artal, u nqaddes lil Aron u lit-tfal tiegħu biex jaqdu bħala qassisin għalija.
45 Jien se ngħix fost il-poplu t’Iżrael, u nkun l-Alla tagħhom.
46 U żgur li jkunu jafu li jien Ġeħova l-Alla tagħhom, li ħriġthom mill-art tal-Eġittu sabiex ngħix fosthom. Jien Ġeħova l-Alla tagħhom.
Noti taʼ taħt
^ Jew “għoġol.”
^ Jew “il-kuruna qaddisa.”
^ Dan it-turban kien magħmul mid-drapp u kien ikun imdawwar maʼ ras il-qassisin l-oħra. Kellu forma differenti mit-turban tal-qassis il-kbir.
^ Letteralment “imla id Aron u id it-tfal tiegħu.”
^ Letteralment “agħmilhom idaħħnu.”
^ Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.
^ Jew “tikkalma.” Letteralment “u hi riħa li sserraħ.”
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
^ Letteralment “timlielhom idhom.”
^ Letteralment “ebda stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.
^ Letteralment “timlielhom idhom.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”