Eżodu 38:1-31

  • L-artal tal-offerta tal-ħruq (1-7)

  • Il-vaska tar-ram (8)

  • Il-bitħa (9-20)

  • Il-lista tal-materjal għat-tabernaklu (21-31)

38  Hu għamel l-artal tal-offerta tal-ħruq mill-injam tal-akaċja. Dan kien kwadru, twil ħames kubiti,* wiesaʼ ħames kubiti, u għoli tliet kubiti. 2  Imbagħad għamel qarn fuq kull kantuniera tiegħu. L-erbat iqrun kienu parti mill-artal. Wara hu ksieh bir-ram. 3  Wara dan, għamel l-għodod kollha tal-artal, il-bramel, il-pali, l-iskutelli, il-frieket, u r-reċipjenti għall-ġamar. Dawn l-għodod kollha għamilhom tar-ram. 4  Hu għamel ukoll gradilja tar-ram għall-artal, taħt ix-xifer tiegħu. Din kienet tasal sa nofs l-għoli tiegħu. 5  U għamel erbaʼ ħolqiet tar-ram fl-erbaʼ kantunieri ħdejn il-gradilja tar-ram, biex jidħlu l-lasti fihom. 6  Wara dan, għamel il-lasti mill-injam tal-akaċja u ksiehom bir-ram. 7  Hu għadda l-lasti minn ġol-ħoloq fuq il-ġnub tal-artal biex jinġarr minnhom. L-artal għamlu forma taʼ kaxxa magħmula mit-twavel u vojt minn ġewwa. 8  Imbagħad għamel il-vaska u l-bażi tagħha tar-ram. Hu uża l-mirja* li taw bħala kontribuzzjoni n-nisa li kienu organizzati biex jaqdu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 9  Imbagħad hu għamel il-bitħa tat-tabernaklu. Għan-naħa tan-Nofsinhar, hu għamel purtieri mdendlin tal-għażel fin, twal 100 kubitu. 10  Kien hemm 20 pilastru b’20 pedestall tar-ram b’toqba fihom, u l-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda. 11  Ukoll, għan-naħa tat-Tramuntana kien hemm 100 kubitu taʼ purtieri mdendlin. L-20 pilastru u l-20 pedestall tagħhom b’toqba fihom kienu tar-ram. Il-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda. 12  Imma għan-naħa tal-Punent, il-purtieri mdendlin kienu twal 50 kubitu. Kien hemm għaxar pilastri u għaxar pedestalli b’toqba fihom, u l-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda. 13  Il-wisaʼ tal-bitħa għan-naħa tal-Lvant kienet 50 kubitu. 14  Kien hemm 15-il kubitu taʼ purtieri mdendlin fuq naħa waħda, bi tliet pilastri u tliet pedestalli b’toqba fihom. 15  U għan-naħa l-oħra tad-daħla tal-bitħa, kien hemm 15-il kubitu taʼ purtieri mdendlin, bi tliet pilastri u tliet pedestalli b’toqba fihom. 16  Il-purtieri mdendlin taʼ madwar il-bitħa kienu kollha tal-għażel fin. 17  Il-pedestalli għall-pilastri kienu tar-ram, il-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda, il-parti taʼ fuq kienet miksija bil-fidda, u kien hemm irbit tal-fidda għall-pilastri kollha tal-bitħa. 18  Il-purtiera tad-daħla tal-bitħa kienet minsuġa minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. Kienet twila 20 kubitu u għolja ħames kubiti, l-istess għoli tal-purtieri mdendlin tal-bitħa. 19  L-erbaʼ pilastri tagħha bl-erbaʼ pedestalli b’toqba fihom kienu tar-ram. Il-ganċijiet tagħhom kienu tal-fidda u l-parti taʼ fuq tagħhom u l-irbit* tagħhom kienu miksijin bil-fidda. 20  L-imsiemer kollha tat-tinda għat-tabernaklu u taʼ madwar il-bitħa kienu tar-ram. 21  Mosè kkmanda li ssir lista tal-materjal użat biex jinbena t-tabernaklu, jiġifieri t-tabernaklu tat-Testimonjanza. Il-Leviti għamlu dan taħt id-direzzjoni taʼ Itamar bin Aron il-qassis. 22  Besalel, it-tifel taʼ Uri u n-neputi taʼ Ħur, mit-tribù taʼ Ġuda, għamel kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 23  Miegħu kien hemm Oħolijab, bin Aħisamak mit-tribù taʼ Dan. Hu kien raġel tas-sengħa u wieħed li jirrakkma u wieħed li jinseġ il-ħajt blu, is-suf vjola, il-ħajt aħmar jgħajjat, u l-għażel fin. 24  Id-deheb kollu li ntuża għax-xogħol kollu tal-post qaddis kien daqs id-deheb tal-offerta li tiġi mxejra, 29 talent* u 730 xekel* skont ix-xekel tal-post qaddis.* 25  U l-fidda taʼ dawk mill-ġemgħa li kienu rreġistrati kienet 100 talent u 1,775 xekel skont ix-xekel tal-post qaddis.* 26  Kull individwu minn 20 sena ’l fuq li kien irreġistrat ta nofs xekel skont ix-xekel tal-post qaddis,* u b’kollox kien hemm 603,550 raġel. 27  Intużaw 100 talent fidda biex isiru l-pedestalli b’toqba fihom għall-post qaddis u l-pedestalli b’toqba fihom għall-purtiera; 100 pedestall kienu jiżnu 100 talent, talent għal kull pedestall. 28  Mill-1,775 xekel, għamel ganċijiet għall-pilastri, ksielhom il-parti taʼ fuq bil-fidda, u għaqqadhom flimkien. 29  Ir-ram tal-offerta* kien 70 talent u 2,400 xekel. 30  B’dan hu għamel il-pedestalli b’toqba fihom għad-daħla tat-tinda tal-laqgħa, l-artal tar-ram u l-gradilja tiegħu tar-ram, l-għodod kollha tal-artal, 31  il-pedestalli b’toqba fihom taʼ madwar il-bitħa, il-pedestalli b’toqba fihom tad-daħla tal-bitħa, u l-imsiemer kollha tat-tinda tat-tabernaklu u tat-tinda taʼ madwar il-bitħa.

Noti taʼ taħt

^ Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.
^ Jiġifieri mirja minn metall illostrat sew.
^ Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”
^ Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”
^ Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”
^ Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”
^ Jew “il-ħoloq; l-anelli; il-qfieli.”
^ Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
^ Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
^ Jew “skont ix-xekel qaddis.”
^ Jew “skont ix-xekel qaddis.”
^ Jew “skont ix-xekel qaddis.”
^ Jew “tal-offerta li tiġi mxejra.”