Eżodu 2:1-25
2 F’dak iż-żmien, raġel minn dar Levi żżewweġ waħda mill-bniet taʼ Levi.
2 U l-mara ħarġet tqila u welldet tifel. Meta rat kemm kien gustuż, żammitu moħbi għal tliet xhur.
3 Meta ma setgħetx taħbih iktar, ħadet qoffa* tal-papiru, ksietha bil-qatran u biż-żift, u poġġiet it-tifel fiha. Imbagħad qegħditha qalb il-qasab max-xatt tax-Xmara Nil.
4 Imma oħtu qagħdet ftit ’il bogħod biex tara x’se jsir minnu.
5 Meta bint il-Fargħun marret tinħasel fix-Xmara Nil, il-qaddejja nisa tagħha kienu mexjin mal-ġenb tax-xmara. Hi rat il-qoffa qalb il-qasab u mill-ewwel bagħtet lill-ilsira tagħha biex iġġibhielha.
6 Meta fetħitha, rat it-tarbija u t-tifel kien qed jibki. Hi tħassritu, imma qalet: “Dan wieħed mit-tfal tal-Lhud.”
7 Imbagħad oħtu qalet lil bint il-Fargħun: “Tridx immur insiblek mara mil-Lhud biex tagħtih x’jixrob u tgħinek tieħu ħsiebu?”
8 Għalhekk, bint il-Fargħun wiġbitha: “Mur!” U minnufih it-tfajla marret u għajtet lil omm it-tifel.
9 Bint il-Fargħun imbagħad qaltilha: “Ħu lil dan it-tifel miegħek, agħtih x’jixrob u ħu ħsiebu għalija, u jien inħallsek.” Għalhekk, il-mara ħadet it-tifel u għamlet hekk.
10 Meta t-tifel kiber, hi ħaditu għand bint il-Fargħun, u hu sar bħat-tifel tagħha. Hi semmietu Mosè* u qalet: “Għaliex tellajtu mill-ilma.”
11 Issa meta Mosè sar adult,* hu ħareġ ħdejn ħutu l-Lhud biex jara t-tagħbijiet li kienu qed iġorru, u ra Eġizzjan isawwat wieħed minnhom.
12 Għalhekk, ħares madwaru u peress li ma ra lil ħadd, qatel lill-Eġizzjan u ħbieh fir-ramel.
13 L-għada ħareġ u kien hemm żewġt irġiel Lhud jiġġieldu bejniethom. Għalhekk, hu qal lil dak li kellu t-tort: “Għala għandek issawwat lil sieħbek?”
14 U dak wieġbu: “Min għamlek mexxej u mħallef fuqna? Jaqaw bi ħsiebek toqtolni bħalma qtilt lill-Eġizzjan?” Mosè issa beżaʼ u qal: “Żgur li saru jafu x’għamilt!”
15 Imbagħad il-Fargħun semaʼ b’dan, u pprova joqtol lil Mosè. Imma Mosè ħarab mill-Fargħun u mar fl-art taʼ Midjan. Hemmhekk sab bir u poġġa ħdejh.
16 Issa l-qassis taʼ Midjan kellu sebat ibniet, u dawn marru jtellgħu l-ilma biex jimlew il-ħwat u jagħtu x’jixorbu lill-merħla taʼ missierhom.
17 Imma bħas-soltu, ġew ir-ragħajja u keċċewhom. Xħin Mosè ra dan, qam u għen* lin-nisa u ta l-ilma lill-merħla tagħhom.
18 Meta marru d-dar għand missierhom Regħwel,* dan staqsiehom: “Kif ġejtu d-dar daqshekk malajr illum?”
19 Huma wiġbuh: “Wieħed Eġizzjan qabeż għalina meta ġew ir-ragħajja u saħansitra tellgħalna l-ilma u ta lill-merħla x’tixrob.”
20 Hu qal lill-bniet tiegħu: “Imma fejn hu? Għala ħallejtuh warajkom? Għajtulu ħa jiekol magħna.”
21 Wara dan, Mosè aċċetta li jgħix mar-raġel, u dan żewwiġlu lil bintu Sefora.
22 Iktar tard, hi welldet tifel u hu semmieh Gersom* għax qal, “Sirt resident barrani f’art barranija.”
23 Wara ħafna żmien, ir-re tal-Eġittu miet, imma l-Iżraelin baqgħu jibku u jgħajtu minħabba l-jasar, u baqgħu jgħajtu lill-Alla l-veru għall-għajnuna.
24 U Alla semagħhom u ftakar fil-patt tiegħu m’Abraham, Iżakk, u Ġakobb.
25 Għalhekk, Alla ra t-tbatija tal-Iżraelin u ddispjaċieh għalihom.
Noti taʼ taħt
^ Jew “arka; kaxxa.”
^ Ifisser “Imtellaʼ,” jiġifieri salvat mill-ilma.
^ Jew “hekk kif Mosè kien qed isir b’saħħtu.”
^ Jew “iddefenda.”
^ Jiġifieri Ġetro.
^ Ifisser “Resident Barrani Hemmhekk.”

