Eżodu 37:1-29

37  Besalel imbagħad għamel l-Arka mill-injam tal-akaċja. Din kienet twila żewġ kubiti* u nofs, wiesgħa kubitu u nofs, u għolja kubitu u nofs. 2  Hu ksieha b’deheb pur minn ġewwa u minn barra u għamlilha bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 3  Imbagħad għamlilha erbaʼ ħolqiet mid-deheb biex jitpoġġew ’il fuq mill-erbaʼ saqajn tagħha, żewġ ħolqiet fuq ġenb u żewġ ħolqiet fuq il-ġenb l-ieħor. 4  Wara għamel lasti mill-injam tal-akaċja u ksiehom bid-deheb. 5  Imbagħad għadda l-lasti minn ġol-ħoloq fuq il-ġnub tal-Arka biex tinġarr minnhom. 6  Hu għamel l-għatu tad-deheb pur. Dan kien twil żewġ kubiti u nofs u wiesaʼ kubitu u nofs. 7  Imbagħad għamel żewġ kerubini tad-deheb maħdumin bil-martell fuq iż-żewġt itruf tal-għatu. 8  Kien hemm kerubin fuq tarf u kerubin fuq it-tarf l-ieħor. Il-kerubini għamilhom fuq iż-żewġt itruf tal-għatu. 9  Iż-żewġ kerubini kellhom ġwinħajhom miftuħin ’il fuq, jgħattu l-għatu bi ġwinħajhom. Kienu faċċata taʼ xulxin, u wiċċhom kien iħares lejn l-għatu. 10  Imbagħad għamel il-mejda mill-injam tal-akaċja. Din kienet twila żewġ kubiti, wiesgħa kubitu, u għolja kubitu u nofs. 11  Hu ksieha b’deheb pur u għamlilha bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 12  Imbagħad għamlilha xifer daqs il-wisaʼ taʼ id* mad-dawra tagħha u bordura tad-deheb mad-dawra tax-xifer. 13  Barra minn hekk, għamlilha erbaʼ ħolqiet mid-deheb u poġġa l-ħoloq fl-erbaʼ kantunieri fejn kien hemm l-erbaʼ saqajn imwaħħlin. 14  Il-ħoloq kienu qrib ix-xifer biex jidħlu l-lasti fihom ħalli tinġarr il-mejda. 15  Imbagħad għamel lasti mill-injam tal-akaċja u ksiehom bid-deheb biex tinġarr il-mejda. 16  Mid-deheb pur għamel l-għodod taʼ fuq il-mejda: il-platti, it-tazzi, l-iskutelli, u l-buqari tagħha li bihom kienu se jferrgħu l-offerti tax-xorb. 17  Imbagħad għamel il-gandlier tad-deheb pur u ħadmu bil-martell. Il-bażi, iz-zokk, il-fjuri, il-boċċi, u l-petali tiegħu kienu biċċa waħda. 18  Sitt fergħat kienu ħerġin miz-zokk tal-gandlier, tliet fergħat minn ġenb u tliet fergħat mill-ġenb l-ieħor. 19  Tliet fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż kienu fuq il-friegħi taʼ ġenb wieħed, bil-boċċi u l-petali bejniethom, u tliet fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż kienu fuq il-friegħi tal-ġenb l-ieħor, bil-boċċi u l-petali bejniethom. Hekk saru s-sitt fergħat li kienu ħerġin miz-zokk tal-gandlier. 20  U fuq iz-zokk tal-gandlier kien hemm erbaʼ fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż, bil-boċċi u l-petali bejniethom. 21  Kien hemm boċċa taħt l-ewwel żewġ fergħat li kienu ħerġin miz-zokk, boċċa taħt iż-żewġ fergħat li jmiss, u boċċa taħt iż-żewġ fergħat taʼ wara, għas-sitt fergħat li kienu ħerġin miz-zokk tal-gandlier. 22  Il-boċċi, il-friegħi, u l-gandlier kollu kienu minn biċċa deheb pur waħda maħduma bil-martell. 23  Imbagħad għamel mid-deheb pur is-sebaʼ lampi tiegħu, l-għodod li jitfu l-ftila bihom, u r-reċipjenti tiegħu għall-ftejjel maħruqin. 24  Il-gandlier u l-għodod kollha tiegħu għamilhom b’talent* deheb pur. 25  Imbagħad għamel l-artal tal-inċens mill-injam tal-akaċja. Dan kien kwadru, twil kubitu, wiesaʼ kubitu, u għoli żewġ kubiti. Il-qrun tiegħu kienu parti minnu. 26  Hu kesa bid-deheb pur il-wiċċ, il-ġnub kollha, u l-qrun tiegħu, u għamillu bordura tad-deheb mad-dawra kollha. 27  U għamillu żewġ ħolqiet tad-deheb ’l isfel mill-bordura tiegħu fuq iż-żewġt iġnub faċċata taʼ xulxin biex jidħlu l-lasti fihom u jġorruh minnhom. 28  Wara dan, għamel il-lasti mill-injam tal-akaċja u ksiehom bid-deheb. 29  Għamel ukoll iż-żejt tad-dlik qaddis u l-inċens pur ifuħ, imħalltin bis-sengħa.*

Noti taʼ taħt

^ Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.
^ Madwar 7.4 ċentimetri. Ara App. B14.
^ Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.
^ Jew “maħdumin minn wieħed li jagħmel żejt ifuħ.”