Eżodu 31:1-18

  • Irġiel tas-sengħa jirċievu l-ispirtu t’Alla (1-11)

  • Is-Sabat, sinjal bejn Alla u Iżrael (12-17)

  • Iż-żewġ twavel tal-ġebel (18)

31  Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2  “Jien għażilt* lil Besalel mit-tribù taʼ Ġuda. Hu t-tifel taʼ Uri u n-neputi taʼ Ħur. 3  Se nagħtih l-ispirtu tiegħi* sabiex ikollu l-għerf, l-għarfien, ikun kapaċi jifhem, u jkun tas-sengħa f’kull tip taʼ xogħol: 4  biex jagħmel disinji artistiċi, biex jaħdem bid-deheb, il-fidda, u r-ram, 5  biex jaqtaʼ u jqiegħed il-ħaġar prezzjuż, u biex jagħmel kull tip t’oġġett bl-injam. 6  Iktar minn hekk, bħala għajnuna għalih jien inkarigajt lil Oħolijab, bin Aħisamak mit-tribù taʼ Dan, u qed nagħti l-għerf lil kull min hu tas-sengħa,* biex ikunu jistgħu jagħmlu kulma kkmandajtek: 7  it-tinda tal-laqgħa, l-arka tat-Testimonjanza u l-għatu taʼ fuqha, l-għodod kollha tat-tinda, 8  il-mejda u l-għodod tagħha, il-gandlier tad-deheb pur u l-għodod kollha tiegħu, l-artal tal-inċens, 9  l-artal tal-offerta tal-ħruq u l-għodod kollha tiegħu, il-vaska u l-bażi tagħha, 10  il-ħwejjeġ minsuġin bl-aqwa mod, il-ħwejjeġ qaddisa għal Aron il-qassis, il-ħwejjeġ tat-tfal tiegħu biex jaqdu bħala qassisin, 11  iż-żejt tad-dlik, u l-inċens ifuħ għas-santwarju. Huma se jagħmlu kulma kkmandajtek.” 12  Ġeħova qal ukoll lil Mosè: 13  “Kellem lill-Iżraelin u għidilhom, ‘Għandkom tobdu bir-reqqa l-liġi tiegħi dwar is-Sabat, għax dan hu sinjal bejni u bejnkom matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom sabiex tkunu tafu li jien, Ġeħova l-Alla tagħkom, qed inqaddiskom. 14  Tridu żżommu s-Sabat, għax hu xi ħaġa qaddisa għalikom. Min jikser il-liġi tas-Sabat għandu jinqatel. Jekk xi ħadd jagħmel xi xogħol fih irid jiġi maqtul.* 15  F’sitt ijiem jistaʼ jsir ix-xogħol, imma s-sebaʼ jum ikun sabat li fih għandkom tistrieħu għalkollox. Hu xi ħaġa qaddisa għalija, Ġeħova l-Alla tagħkom. Kull min jagħmel xi xogħol f’jum is-Sabat għandu jinqatel. 16  L-Iżraelin iridu jżommu s-Sabat. Għandhom josservaw is-Sabat matul il-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom. Hu patt għal żmien twil. 17  Hu sinjal li jibqaʼ bejni u bejn il-poplu t’Iżrael, għaliex f’sitt ijiem jien, Ġeħova l-Alla tagħkom, għamilt is-sema u l-art u fis-sebaʼ jum waqaft mix-xogħol u straħt.’” 18  Malli spiċċa jitkellem miegħu fuq il-Muntanja Sinaj, hu ta lil Mosè żewġ twavel tat-Testimonjanza, twavel tal-ġebel miktubin bis-subaʼ t’Alla.

Noti taʼ taħt

^ Letteralment “għajjatt b’ismu.”
^ Letteralment “t’Alla.”
^ Letteralment “qed inqiegħed l-għerf f’qalb dawk kollha li għandhom qalbhom għarfa.”
^ Jew “maqtugħ minn fost il-poplu tiegħu.”