Eżodu 25:1-40
25 Ġeħova mbagħad qal lil Mosè:
2 “Għid lin-nies t’Iżrael biex jiġbruli kontribuzzjoni. Għandkom tiġbruha mingħand kull min jixtieq jagħti.
3 Din hi l-kontribuzzjoni li għandkom taċċettaw mingħandhom: deheb, fidda, ram,
4 ħajt blu, suf vjola,* ħajt aħmar jgħajjat,* għażel fin, xagħar tal-mogħoż,
5 ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, ġlud tal-bumerin, injam tal-akaċja,
6 żejt għal-lampi, balzmu għaż-żejt tad-dlik u għall-inċens ifuħ,
7 u ħaġar tal-oniċi u ħaġar ieħor biex jitqiegħdu fuq l-efod* u l-pettoral.*
8 Għandhom jagħmluli santwarju, u jien ngħix f’nofshom.
9 It-tabernaklu u l-għamara u l-għodda kollha tiegħu jridu jsiru eżatt bħall-mudell* li qed nurik.
10 “Għandhom jagħmlu arka* mill-injam tal-akaċja, twila żewġ kubiti* u nofs, wiesgħa kubitu u nofs, u għolja kubitu u nofs.
11 Imbagħad iksiha b’deheb pur. Trid tiksiha minn ġewwa u minn barra, u tagħmlilha bordura tad-deheb mad-dawra kollha.
12 U tagħmlilha erbaʼ ħolqiet mid-deheb u tpoġġihom ’il fuq mill-erbaʼ saqajn tagħha, ħolqa f’kull kantuniera.
13 U tagħmel lasti mill-injam tal-akaċja u tiksihom bid-deheb.
14 U tgħaddi l-lasti minn ġol-ħoloq fuq il-ġnub tal-Arka sabiex tinġarr bihom.
15 Il-lasti għandhom jibqgħu fil-ħoloq tal-Arka. M’għandhomx jitneħħew minnha.
16 U fl-Arka trid tqiegħed it-Testimonjanza* li se nagħtik.
17 “U tagħmel għatu tad-deheb pur, twil żewġ kubiti u nofs u wiesaʼ kubitu u nofs.
18 Għandek tagħmel żewġ kerubini tad-deheb. Iridu jkunu maħdumin bil-martell fuq iż-żewġt itruf tal-għatu.
19 Agħmel il-kerubini fuq iż-żewġt itruf, wieħed fuq kull tarf tal-għatu.
20 Il-kerubini jridu jkunu biż-żewġ ġwienaħ tagħhom miftuħin ’il fuq, jgħattu l-għatu bi ġwinħajhom, u jkunu faċċata taʼ xulxin. L-uċuħ tal-kerubini jkunu jħarsu lejn l-għatu.
21 Int tqiegħed l-għatu fuq l-Arka, u fl-Arka tqiegħed it-Testimonjanza li se nagħtik.
22 U nidhirlek hemmhekk u nkellmek minn fuq l-għatu. Minn bejn iż-żewġ kerubini li qegħdin fuq l-arka tat-Testimonjanza nagħtik il-kmandamenti kollha li għandek tgħaddi lill-Iżraelin.
23 “Tagħmel ukoll mejda mill-injam tal-akaċja, twila żewġ kubiti, wiesgħa kubitu, u għolja kubitu u nofs.
24 Trid tiksiha b’deheb pur u tagħmlilha bordura tad-deheb mad-dawra kollha.
25 U tagħmlilha xifer mad-dawra kollha daqs il-wisaʼ taʼ id* u bordura tad-deheb mad-dawra kollha tax-xifer.
26 Tagħmel għaliha erbaʼ ħolqiet tad-deheb u tpoġġihom fl-erbaʼ kantunieri fejn hemm l-erbaʼ saqajn imwaħħlin.
27 Il-ħoloq għandhom ikunu qrib ix-xifer biex jidħlu l-lasti fihom ħalli tinġarr il-mejda.
28 Il-lasti tagħmilhom mill-injam tal-akaċja, tiksihom bid-deheb, u ġġorr il-mejda bihom.
29 “Tagħmel ukoll il-platti, it-tazzi, il-buqari, u l-iskutelli tagħha li bihom iferrgħu l-offerti tax-xorb. Għandek tagħmilhom tad-deheb pur.
30 U tpoġġi l-ħobż tal-preżenza fuq il-mejda quddiemi l-ħin kollu.
31 “Tagħmel gandlier tad-deheb pur. Il-gandlier għandu jinħadem bil-martell. Il-bażi, iz-zokk, il-friegħi, il-fjuri, il-boċċi, u l-petali tiegħu għandhom ikunu magħmulin minn biċċa waħda.
32 U sitt fergħat joħorġu mill-ġnub tal-gandlier, tliet fergħat minn ġenb wieħed u tliet fergħat mill-ġenb l-ieħor.
33 Tliet fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż ikunu fuq il-friegħi taʼ ġenb wieħed, bil-boċċi u l-petali bejniethom, u tliet fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż ikunu fuq il-friegħi tal-ġenb l-ieħor, bil-boċċi u l-petali bejniethom. Hekk għandhom joħorġu s-sitt fergħat miz-zokk tal-gandlier.
34 U fuq iz-zokk tal-gandlier ikun hemm erbaʼ fjuriet forma taʼ fjuri tal-lewż, bil-boċċi u l-petali tiegħu bejniethom.
35 Ikun hemm boċċa taħt l-ewwel żewġ fergħat li joħorġu miz-zokk, boċċa taħt iż-żewġ fergħat li jmiss, u boċċa taħt iż-żewġ fergħat taʼ wara, għas-sitt fergħat li joħorġu miz-zokk.
36 Il-boċċi, il-friegħi, u l-gandlier kollu għandhom ikunu minn biċċa deheb pur waħda u maħduma bil-martell.
37 Tagħmillu sebaʼ lampi, u meta l-lampi jkunu mixgħulin, dawn idawlu l-parti taʼ quddiemu.
38 L-imqassijiet u r-reċipjenti għall-ftejjel maħruqin tiegħu jridu jkunu tad-deheb pur.
39 Il-gandlier u dawn l-għodod għandhom isiru minn talent* deheb pur.
40 U qis li tagħmilhom skont il-mudell* li qed nurik fuq il-muntanja.
Noti taʼ taħt
^ Jew “suf miżbugħ vjola ħamrani.”
^ Iż-żebgħa użata għal dan il-ħajt tiġi mill-insett tal-kukku.
^ Jew “bħad-disinn.”
^ Jew “kaxxa.”
^ Jew “id-disinn.”

