Eżodu 26:1-37

  • It-tabernaklu (1-37)

    • Id-drappijiet tat-tinda (1-14)

    • Il-frejms magħmulin mit-twavel u l-pedestalli b’toqba fihom (15-30)

    • Il-purtiera li tifred u l-purtiera tad-daħla (31-37)

26  “It-tabernaklu għandek tagħmlu b’għaxar biċċiet drapp tat-tined tal-għażel fin, ħajt blu, suf vjola, u ħajt aħmar jgħajjat. Għandek tagħmilhom b’disinji taʼ kerubini rrakkmati. 2  Kull biċċa drapp tkun twila 28 kubitu* u wiesgħa erbaʼ kubiti. Id-drapp kollu għandu jkun l-istess qies. 3  Għaqqad ħames biċċiet drapp waħda m’oħra biex tiġi biċċa drapp kbira u agħmel l-istess bil-ħames biċċiet drapp l-oħra. Hekk ikollok biċċtejn drapp kbar. 4  Fuq kull biċċa drapp kbira, mat-tarf tal-ġenb, ħit ħoloq mill-ħajt blu sabiex it-tnejn ikunu jistgħu jingħaqdu flimkien. 5  Tagħmel 50 ħolqa fuq biċċa waħda mid-drapp tat-tined, u 50 ħolqa f’tarf il-biċċa l-oħra tad-drapp tat-tined sabiex ikunu faċċata taʼ xulxin fejn jingħaqdu. 6  Agħmel 50 ganċ tad-deheb u għaqqad id-drappijiet tat-tined ma’ xulxin bil-ganċijiet, u b’hekk isiru biċċa drapp waħda għat-tabernaklu. 7  “Int tagħmel ukoll biċċiet tad-drapp mix-xagħar tal-mogħoż għat-tinda taʼ fuq it-tabernaklu. Tagħmel 11-il biċċa drapp tat-tined. 8  Kull biċċa drapp trid tkun twila 30 kubitu, u wiesgħa erbaʼ kubiti. Il-11-il biċċa drapp iridu jkunu l-istess qies. 9  U minnhom għaqqad ħames biċċiet flimkien u agħmel l-istess bis-sitta l-oħra, u itwi min-nofs is-sitt waħda li tgħatti l-parti taʼ quddiem tat-tinda. 10  Agħmel 50 ħolqa fit-tarf taʼ waħda mid-drappijiet tat-tinda, fit-tarf nett tal-biċċa drapp kbira, u 50 ħolqa fit-tarf tal-biċċa drapp l-oħra fejn jingħaqdu flimkien. 11  Agħmel 50 ganċ tar-ram u poġġi l-ganċijiet fil-ħoloq u għaqqad id-drappijiet tat-tinda flimkien, u b’hekk isiru biċċa drapp waħda għat-tabernaklu. 12  U nofs dak li jifdal mid-drappijiet tat-tinda jrid jiddendel għal fuq in-naħa taʼ wara tat-tabernaklu. 13  Il-kumplament tat-tul tad-drappijiet tat-tinda jrid jiddendel għal fuq it-tabernaklu kubitu fuq kull naħa, biex ikun mgħotti. 14  “Trid tgħatti t-tinda wkoll b’materjal magħmul mill-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor meħjutin flimkien u fuqhom qiegħed materjal magħmul mill-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien. 15  “U agħmel frejms weqfin magħmulin minn twavel tal-injam tal-akaċja għat-tabernaklu. 16  Kull frejm ikun twil għaxar kubiti u wiesaʼ kubitu u nofs. 17  Kull frejm ikollu żewġ minċotti* mwaħħlin bi dritt xulxin. Hekk għandek tagħmilhom il-frejms kollha tat-tabernaklu. 18  Trid tagħmel 20 frejm għan-naħa tax-xellug* tat-tabernaklu. 19  “Trid tagħmel 40 pedestall tal-fidda b’toqba fihom taħt l-20 frejm: żewġ pedestalli taħt kull frejm għaż-żewġ minċotti tiegħu. 20  U għall-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, in-naħa tal-lemin,* agħmel 20 frejm 21  bl-40 pedestall tal-fidda b’toqba fihom: żewġ pedestalli taħt kull frejm. 22  Għan-naħa taʼ wara* tat-tabernaklu, tagħmel sitt frejms magħmulin mit-twavel. 23  U tagħmel żewġ frejms bħala pilastri għaż-żewġ kantunieri tan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu. 24  Dawn il-frejms għandu jkollhom żewġ twavel minn isfel sa fuq, li jmissu flimkien fejn hemm l-ewwel ħolqa. Għandhom ikunu hekk it-tnejn li huma u jifformaw iż-żewġ pilastri tal-kantunieri. 25  U jkun hemm tmien frejms bis-16-il pedestall tal-fidda b’toqba fihom: żewġ pedestalli taħt kull frejm. 26  “U agħmel lasti mill-injam tal-akaċja, ħamsa għall-frejms taʼ ġenb wieħed tat-tabernaklu, 27  ħamsa għall-frejms tal-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, u ħamsa għall-frejms tan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu. 28  U l-lasta tan-nofs, li tgħaddi minn nofs il-frejms, trid tkun minn tarf sa tarf. 29  “Trid tiksi bid-deheb il-frejms magħmulin mit-twavel, u tagħmlilhom ħoloq tad-deheb biex iżommu l-lasti, u tiksi l-lasti bid-deheb. 30  U tagħmel it-tabernaklu skont il-pjanta li wrejtek fuq il-muntanja. 31  “U agħmel purtiera minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. Trid issir bil-kerubini rrakkmati fiha. 32  Dendilha fuq erbaʼ kolonni tal-akaċja miksijin bid-deheb. Il-ganċijiet tagħhom għandhom ikunu tad-deheb. Il-kolonni jridu jitpoġġew fuq erbaʼ pedestalli tal-fidda b’toqba fihom. 33  U dendel il-purtiera mal-ganċijiet u qiegħed l-arka tat-Testimonjanza ’l ġewwa mill-purtiera. Il-purtiera tifred il-Qaddis mill-Iktar Qaddis. 34  Qiegħed l-għatu fuq l-arka tat-Testimonjanza fl-Iktar Qaddis. 35  “Trid tqiegħed il-mejda ’l barra mill-purtiera, bil-gandlier faċċata tal-mejda lejn ix-xellug tat-tabernaklu, u l-mejda tpoġġiha fin-naħa tal-lemin. 36  U agħmel purtiera għad-daħla tat-tabernaklu minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin minsuġin kollha flimkien. 37  Għall-purtiera tad-daħla, agħmel ħames kolonni tal-akaċja u iksihom bid-deheb. Il-ganċijiet tagħhom għandhom ikunu tad-deheb, u agħmel ħames pedestalli tar-ram bit-toqob fihom għall-kolonni.

Noti taʼ taħt

^ Kubitu kien daqs 44.5 ċentimetri. Ara App. B14.
^ Jew “injamiet vertikali.”
^ Letteralment “tan-Nofsinhar.”
^ Letteralment “tat-Tramuntana.”
^ Letteralment “Lejn il-Punent.”