It-Tieni Ittra lill-Korintin 1:1-24

  • Introduzzjoni tal-ittra (1, 2)

  • Alla jinkuraġġina f’kull prova (3-11)

  • Pawlu ma jivvjaġġax kif ippjana (12-24)

1  Jien, Pawlu, appostlu taʼ Kristu Ġesù skont dak li jrid Alla, u ħuna Timotju, qed nibagħtu din l-ittra lill-kongregazzjoni t’Alla f’Korintu, inkluż il-qaddisin kollha li qegħdin fl-Akaja kollha:  Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.  Ħa jkun imfaħħar Alla, li hu l-Missier tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, il-Missier li jħenn ħafna, u l-Alla li jinkuraġġixxi f’kull sitwazzjoni.*  Hu jinkuraġġina* kull meta nkunu għaddejjin minn xi prova.* Bl-inkuraġġiment li nirċievu mingħand Alla, aħna nkunu nistgħu ninkuraġġixxu lil oħrajn tkun xi tkun il-prova li jkunu għaddejjin minnha.  Aħna nbatu ħafna affarijiet għax aħna dixxipli taʼ Kristu, imma permezz taʼ Kristu, aħna nirċievu ħafna inkuraġġiment ukoll.  Issa jekk aħna qed niffaċċjaw il-provi, dan ġara biex intom tiġu inkuraġġiti u salvati. U jekk aħna qed niġu inkuraġġiti, dan biex anki intom tiġu inkuraġġiti. Dan l-inkuraġġiment se jgħinkom tissaportu l-istess tbatijiet li qed inbatu aħna wkoll.  Aħna għandna fiduċja sħiħa fikom u nafu li bħalma intom qed tbatu bħalna, intom ukoll se tiġu inkuraġġiti bħalna.  Ħuti, nixtiqukom tkunu tafu li għaddejna minn tbatija kbira fil-provinċja tal-Asja. Konna taħt pressjoni estrema iktar milli nifilħu, tant li ħsibna li se mmutu.  Infatti ħassejna li konna ġejna kkundannati għall-mewt. Din l-esperjenza għallmitna biex ma nafdawx fina nfusna, imma fl-Alla li jqajjem lill-mejtin. 10  Hu salvana minn din is-sitwazzjoni perikoluża u se jerġaʼ jagħmel hekk. Aħna fiduċjużi li hu se jkompli jsalvana. 11  Intom ukoll tistgħu tgħinuna billi titolbu lil Alla bil-ħniena għalina. Jekk ħafna jitolbu, aħna nistgħu nirċievu l-għajnuna bħala tweġiba għal dan it-talb, u b’hekk ħafna jirringrazzjaw lil Alla għalina għal din l-għajnuna. 12  Aħna niftaħru li għandna kuxjenza nadifa, għax waqt li konna man-nies tad-dinja, u speċjalment waqt li konna magħkom, aħna wrejna qdusija u sinċerità li tiġi minn Alla. Barra minn hekk, aħna ma striħajniex fuq l-għerf tad-dinja, imma fuq il-qalb tajba kbira t’Alla. 13  Qed niktbulkom biss dwar affarijiet li tistgħu taqraw* u tifhmu, u nittama li tkomplu tifhmu għalkollox* dawn l-affarijiet, 14  bħalma xi wħud minnkom fehmu wkoll li għandhom għalfejn jiftaħru bina. Aħna wkoll se niftaħru bikom fil-jum li jiġi l-Mulej tagħna Ġesù. 15  Peress li kont ċert minn dan, jien kelli l-ħsieb li niġi għandkom l-ewwel, sabiex ikollkom għal xiex tifirħu għat-tieni darba.* 16  Għax kelli l-ħsieb li niġi għandkom jien u sejjer il-Maċedonja, u mbagħad nerġaʼ niġi xħin nitlaq minn hemm. U wara intom tkunu tistgħu tiġu biċċa mit-triq miegħi lejn il-Lhudija. 17  Meta kelli dan il-ħsieb, ma ħadtx l-affarijiet biċ-ċajt. Jien ma ppjanajtx dan b’mottivi egoisti meta għedtilkom “Iva, iva” u mbagħad “Le, le.” 18  Bħalma Alla hu taʼ min jafdah, anki dak li ngħidu hu taʼ min jafdah. Aħna mhux se ngħidulkom “iva” u jkun “le.” 19  Għax l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, li xandarnielkom jien, Silvanu,* u Timotju, ma jgħidx “iva” u mbagħad “le,” imma l-“iva” tiegħu dejjem tkun “iva.” 20  Għax il-wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru “iva”* permezz tiegħu. Għalhekk, aħna permezz tiegħu wkoll nistgħu ngħidu “Ammen” meta nitolbu lil Alla, u b’hekk nagħtuh glorja. 21  Imma hu Alla li jiggarantixxi li aħna u intom taʼ Kristu, u hu Alla li għażilna.* 22  Hu wkoll poġġa s-siġill tiegħu fuqna. Dan is-siġill hu l-ispirtu qaddis f’qalbna, li hu l-garanzija taʼ dak li għandu jiġi. 23  Jien għadni ma ġejtx Korintu għax ma rridx li nġegħelkom tħossukom agħar. Naħlef dan quddiem Alla b’ħajti.* 24  Aħna m’aħniex sidien tal-fidi tagħkom, imma aħna ħaddiema sħabkom biex tkunu ferħanin, għax intom iżżommu weqfin bil-fidi tagħkom.

Noti taʼ taħt

Jew “l-Alla taʼ kull faraġ.”
Jew “ifarraġna.”
Jew “tbatija; tribulazzjoni.”
Jew forsi “dwar dak li diġà tafu sew.”
Letteralment “sat-tmiem.”
Jew forsi “sabiex intom tibbenefikaw darbtejn.”
Jgħidulu wkoll Sila.
Jew “twettqu.”
Letteralment “dilikna.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Midluk”.
Jew “b’ruħi.”