It-Tieni Ittra lill-Korintin 2:1-17

  • L-iskop taʼ Pawlu hu li jferraħhom (1-4)

  • Jaħfru lil midneb u jaċċettawh lura (5-11)

  • Pawlu fi Troas u l-Maċedonja (12, 13)

  • Bl-ippritkar noħorġu rebbiħin (14-17)

    • Ma nagħmlux negozju mill-kelma t’Alla (17)

2  Iddeċidejt li la nerġaʼ niġi ma nerġax nagħmlilkom id-dwejjaq. 2  Jekk nagħmel id-dwejjaq lilkom kollha, mhu se jkun hemm ħadd li jferraħni. 3  Ktibtilkom din l-ittra ħalli meta niġi ma nkunx imdejjaq minħabba fikom imma nifraħ, għax jien ċert li dak li jġib ferħ lili, iġib ferħ lilkom ukoll. 4  Jien ktibtilkom b’ħafna dmugħ, b’ħafna tbatija, u bi wġigħ taʼ qalb mhux biex nagħmlilkom id-dwejjaq, imma biex tkunu tafu kemm hi kbira l-imħabba li għandi għalikom. 5  Jekk xi ħadd għamlilkom id-dwejjaq, hu m’għamilx dan lili, imma lilkom kollha sa ċertu punt. Iżda ma nixtieqx ngħid xi ħaġa u niggrava s-sitwazzjoni. 6  Intom diġà ddixxiplinajtu lir-raġel li għamel id-dnub. Dan kien biżżejjed. 7  Imma issa għandkom taħfrulu mill-qalb u tgħinuh iħossu aħjar, ħalli ma jkunx tant imdejjaq li jaqtaʼ qalbu. 8  Għalhekk inħeġġiġkom biex taċċertawh li tħobbuh. 9  Qed niktbilkom ukoll biex nara jekk hux qed tobdu f’kollox. 10  Jekk taħfru xi ħaġa lil xi ħadd, jien naħfirlu wkoll. Infatti kull meta ħfirt għamilt dan biex ngħinkom, u Kristu hu xhud taʼ dan. 11  Hu importanti li naħfru lil xulxin ħalli Satana ma jiħux vantaġġ minna,* għax aħna nafuhom il-pjanijiet* tiegħu. 12  Meta wasalt Troas biex inxandar l-aħbar tajba dwar il-Kristu u ngħatatli opportunità fix-xogħol tal-Mulej, 13  ma stajtx nieqaf ninkwieta għax lil ħija Titu ma sibtux. Għalhekk sellimt lid-dixxipli t’hemm u tlaqt lejn il-Maċedonja. 14  Imma nirringrazzjaw lil Alla li dejjem imexxina bħal suldati li jiġu lura minn rebħa fi gwerra flimkien mal-Kristu. Ukoll, permezz tagħna, Alla jxandar l-għarfien dwaru kullimkien, li hu bħal riħa tfuħ. 15  Aħna li nippritkaw dwar il-Kristu qisna riħa tfuħ għal Alla. Din ixommuha kemm dawk li qed jiġu salvati u kemm dawk li qed jinqerdu. 16  Għal dawn li qed jinqerdu din hi riħa tal-mewt li twassal għall-mewt, u għal dawk li qed jiġu salvati din hi riħa tal-ħajja li twassal għall-ħajja. Min hu kkwalifikat għal dan? 17  Aħna nikkwalifikaw għax ma nagħmlux negozju* mill-kelma t’Alla bħalma jagħmlu ħafna nies, imma aħna nitkellmu b’sinċerità bħala dixxipli taʼ Kristu. Iva, aħna ġejna inkarigati minn Alla u qed nagħmlu dan ix-xogħol quddiemu.

Noti taʼ taħt

Jew “ma jegħlibniex.”
Jew “l-intenzjonijiet.”
Jew “qligħ.”