It-Tieni Ittra lill-Korintin 8:1-24

  • Isir ġbir għall-Kristjani fil-Lhudija (1-15)

  • Titu se jintbagħat Korintu (16-24)

8  Ħuti, irridukom tkunu tafu dwar il-qalb tajba kbira li Alla wera mal-kongregazzjonijiet tal-Maċedonja. 2  Huma kienu qed ibatu minħabba prova kbira. Imma minkejja l-faqar kbir tagħhom, huma ġew imqanqlin minn ferħ kbir u wrew li kienu sinjuri spiritwalment minħabba li kienu ġenerużi ħafna. 3  Huma taw kulma setgħu, saħansitra ħafna iktar milli setgħu. Jien stess xhud taʼ dan. 4  Minn jeddhom, huma baqgħu jitolbuna bil-ħniena biex ikollhom il-privileġġ li jagħtu rigal mill-qalb u li jkollhom sehem f’li jgħinu lill-qaddisin. 5  Huma għamlu iktar milli stennejna. Huma stinkaw b’qalbhom kollha biex jaqdu lill-Mulej u għenu lilna bħalma jrid Alla. 6  Għalhekk, inkuraġġejna lil Titu biex ilesti l-inkarigu li kellu fostkom, jiġifieri li jiġbor ir-rigali li intom kontu lesti li tagħtu mill-qalb. 7  Intom tispikkaw f’kollox, bħal fil-fidi, fl-abbiltà li titkellmu, fl-għarfien, fl-entużjażmu kollu tagħkom, u fl-imħabba li rċivejtu mingħandna. Bl-istess mod, jalla tispikkaw ukoll fir-rigal li tagħtu mill-qalb. 8  Mhux qed ngħidilkom hekk biex nikkmandakom, imma rridkom tkunu tafu kemm oħrajn huma lesti li jaħdmu, u wkoll ridt inkun naf kemm verament tħobbu lil ħaddieħor. 9  Intom tafu l-qalb tajba kbira tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li għalkemm kien sinjur sar fqir għalikom, biex b’hekk issiru sinjuri permezz tal-faqar tiegħu. 10  Din hi l-opinjoni tiegħi: Li tagħmlu dan il-ġbir hu taʼ benefiċċju għalikom, peress li sena ilu bdejtuh u wrejtu li tixtiequ tagħmluh. 11  Għalhekk, lestu dan il-ġbir skont kemm tistgħu bl-istess ħeġġa li kellkom meta bdejtu. 12  Alla jieħu gost b’mod speċjali b’rigal li jingħata mill-qalb, għax hu jistenna li persuna tagħti dak li tistaʼ, u mhux dak li ma tistax. 13  Mhux qed ngħid li rrid nagħmilha diffiċli għalikom u ħafifa għal oħrajn, 14  imma biex kulħadd ikun indaqs. Bħalissa ż-żejjed tagħkom jagħmel tajjeb għan-nieqes tagħhom, ħalli ’l quddiem iż-żejjed tagħhom ukoll jagħmel tajjeb għan-nieqes tagħkom, u b’hekk kulħadd ikun indaqs. 15  Dan hu bħalma hemm miktub fl-Iskrittura: “Min għandu ħafna, m’għandux iżżejjed, u min għandu ftit, m’għandux in-nieqes.” 16  Aħna nirringrazzjaw lil Alla li Titu jimpurtah minnkom bħalna. 17  Fil-fatt, hu mhux biss aġixxa fuq dak li għednielu, imma hu verament xtaq li jagħmel dan. Għalhekk ġej għandkom minn jeddu. 18  Imma aħna se nibagħtu miegħu wkoll lill-ħu li hu mfaħħar mill-kongregazzjonijiet kollha talli jipprietka l-aħbar tajba. 19  Mhux hekk biss, imma hu ġie inkarigat mill-kongregazzjonijiet kollha biex jivvjaġġa magħna ħalli nġibu dan ir-rigal. Aħna se nqassmuh biex jiġi mfaħħar il-Mulej u biex nuru li aħna lesti biex ngħinu. 20  B’hekk nevitaw li niġu kkritikati fuq kif qed inqassmu din il-kontribuzzjoni ġeneruża li tajtu. 21  Għax aħna ‘nieħdu ħsieb kollox bl-onestà, mhux biss quddiem Ġeħova* imma anki quddiem in-nies.’ 22  Iktar minn hekk, magħhom qed nibagħtu lil ħuna li spiss rajnieh jaħdem iebes f’ħafna affarijiet, imma issa qed jaħdem ħafna iktar iebes minħabba l-fiduċja kbira li għandu fikom. 23  Imma jekk xi ħadd jistaqsi min hu Titu, għidulu li hu l-ħabib tiegħi u ħaddiem miegħi għall-interessi tagħkom. Jekk xi ħadd jistaqsi dwar l-aħwa li hemm miegħu, għidulu li huma appostli tal-kongregazzjonijiet u jfaħħru lil Kristu. 24  Għalhekk, uruhom li tħobbuhom u uru lill-kongregazzjonijiet għala ftaħarna bikom.

Noti taʼ taħt