Isaija 58:1-14

  • Sawm veru u sawm falz (1-12)

  • Jieħdu pjaċir jagħmlu s-Sabat (13, 14)

58  Hu qalli: “Għajjat kemm tiflaħ; iżżommx lura! Għolli leħnek bħall-ħoss taʼ qarn. Għid lill-poplu tiegħi bir-ribelljoni tagħhom,U lid-dar taʼ Ġakobb bid-dnubiet tagħhom.  2  Huma jfittxuni jum wara ieħor,U juru li jieħdu pjaċir ikunu jafu kif nixtieqhom jgħixu,Bħallikieku kienu poplu li jagħmlu dak li hu sewwaU li ma telqux il-kmandamenti tiegħi, l-Alla tagħhom. Huma jitolbuni biex nagħmel ġudizzju ġust,Bħallikieku jieħdu pjaċir jersqu lejja, u jgħidu:  3  ‘Għala ma taraniex meta nsumu? U għala ma tindunax meta numiljaw ruħna?’ Għax dakinhar li somtu, intom kien moħħkom fl-interessi tagħkom stess,U ħqartu lill-ħaddiema tagħkom.  4  Is-sawm tagħkom jispiċċa f’argumenti u ġlied,U tagħtu bil-ponn bla ħniena.* Ma tistgħux issumu b’dan il-mod u tippretendu li jien nismagħkom fis-sema.  5  Għandu s-sawm li għedtilkom biex tagħmlu jkun hekk? Għandha l-ġurnata li ssumu tkun biss biex tumiljaw ruħkom,Tniżżlu raskom bħal ħaxix twil,U timteddu fuq ħwejjeġ tal-ixkora u l-irmied? Taħsbu li jien, Ġeħova, se nieħu pjaċir b’dawn il-ġranet li ssumu?  6  Le, is-sawm li għedtilkom biex tagħmlu hu dan: Li tneħħu l-ktajjen li saru b’inġustizzja,Li tħollu l-irbit tal-madmad,Teħilsu lil min hu maħqur,U tkissru fi tnejn kull madmad;  7  Li taqsmu l-ħobż tagħkom maʼ min hu bil-ġuħ,Li ddaħħlu fid-dar tagħkom lil min hu fqir u m’għandux dar,Li tlibbsu lil min m’għandux ħwejjeġ,U li ma twarrbux lil dawk li jiġu minnkom.  8  Imbagħad id-dawl tagħkom se jiddi bħad-dawl taʼ meta jkun qed jisbaħ,U se tfiqu malajr. Il-ġustizzja tagħkom se tkun quddiemkom,U jien, Ġeħova, se nkun warajkom biex nipproteġikom bil-glorja tiegħi.  9  Imbagħad se tgħajtuli, u jien, Ġeħova, se nwieġeb;Se tgħajtuli għall-għajnuna, u jien se ngħidilkom, ‘Se ngħinkom!’ Jekk tneħħu minn fostkom il-madmadU ma tibqgħux tippontaw subgħajkom u titkellmu bi ħdura, 10  Jekk lil min hu bil-ġuħ tagħtuh dak li tixtiequ intom stess,U lil min hu batut* tagħtuh dak li għandu bżonn,Imbagħad id-dawl tagħkom se jiddi anki fid-dlam,U s-swidija tagħkom se tkun bħal nofsinhar. 11  Jien, Ġeħova, dejjem se mmexxikomU nagħtikom dak li għandkom bżonn* anki f’art niexfa;Jien se nsaħħaħkom,U intom se tkunu bħal ġnien li jkun imsoqqi sewU bħal għajn tal-ilma li l-ilma tagħha ma jispiċċa qatt. 12  Minħabba fikom se jerġgħu jinbnew il-postijiet li ilhom ħerba,U intom se terġgħu tqiegħdu l-pedamenti li kienu ħerba fil-ġenerazzjonijiet tal-passat. Intom se tissejħu dawk li jsewwu s-swar imkissra,Dawk li jirranġaw it-toroq biex in-nies joqogħdu ħdejhom. 13  Jekk minħabba s-Sabat, il-jum qaddis tiegħi, intom iżżommu lura* milli tagħmlu dak li jaqbel lilkom,U ssejħu s-Sabat jum taʼ pjaċir, jum qaddis għal Ġeħova, u ġurnata li għandha tiġi gglorifikata,U tigglorifikawh minflok ma tfittxu l-interessi tagħkom stess u tparlaw fil-vojt, 14  Imbagħad jien, Ġeħova, se nkun ir-raġuni għall-ferħ tagħkom. Ukoll, jien se nagħtikom il-postijiet għoljin tal-art biex tmexxu fuqhom. Se nagħtikom tieklu mill-wirt* taʼ missierkom Ġakobb,Għax jien, Ġeħova, għedt dan.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “tagħtu bil-ponn tal-ħażen.”
Jew “lir-ruħ li qed tbati.”
Jew “dak li ruħkom għandha bżonn.”
Letteralment “treġġgħu lura saqajkom.”
Jew “Se nferraħkom bil-wirt.”