Ġob 38:1-41

  • Ġeħova juri kemm il-bniedem mhu xejn (1-41)

    • ‘Fejn kont int meta ħlaqt l-art?’ (4-6)

    • It-tfal t’Alla bdew iċapċpu (7)

    • Mistoqsijiet dwar kemm hi impressjonanti n-natura (8-32)

    • “Il-liġijiet li jmexxu s-sema” (33)

38  Imbagħad Ġeħova wieġeb lil Ġob mir-riefnu:  2  “Min hu dan li qed iqajjem id-dubji fuq il-pariri tiegħiU qed jitkellem mingħajr għarfien?  3  Jekk jogħġbok, ipprepara ruħek bħal raġel b’saħħtu. Jien se nistaqsik, u int wiġibni.  4  Fejn kont int meta jien għamilt id-dinja? Għidli, jekk taħseb li tifhem.  5  Taf min iddeċieda kemm għandha tkun kbira d-dinja? Jew min uża l-ħabel tal-kejl biex ikejjilha?  6  Fuqiex qed iserrħu l-pilastri tagħha,Jew min poġġa l-ewwel ġebla tagħha,  7  Waqt li l-istilel taʼ filgħodu kienu qed jgħajtu bil-ferħ,U t-tfal t’Alla* kollha bdew iċapċpu?  8  U min żamm il-baħar bil-bibien? Min għamel limitu għall-baħar meta dan beda jeżisti*  9  U meta għattejtu bis-sħab u b’dalma ħoxna? 10  Fejn kont int meta għamiltlu limituU poġġejtlu staneg u bibien? 11  Fejn kont int meta għedtlu, ‘S’hawnhekk se tasal, u mhux iżjed;Il-mewġ kbir tiegħek hawn se jieqaf’? 12  Ġieli kkmandajt lill-filgħoduJew għedt lix-xemx minn fejn għandha titlaʼ? 13  Jaqaw int kont li għedt lid-dawl taʼ filgħodu biex imur f’tarf id-dinjaU jkeċċi lil dawk ħżiena minnha? 14  Id-dinja tinbidel bħat-tafal taħt siġill,U d-disinn tagħha jispikka bħal dak taʼ libsa sabiħa. 15  Imma d-dawl li jgawdu l-ħżiena se jittiħdilhom,U ma jkunux jistgħu jibqgħu jweġġgħu lin-nies. 16  Inżilt int biex tara minn fejn ġej il-baħar,Jew esplorajt l-oċeani fondi? 17  Rajthom int il-bibien tal-art tal-mejtinJew il-bibien fejn hemm dlam ċappa?* 18  Qatt fhimt kemm hi kbira d-dinja? Għidli, jekk taf dan kollu. 19  Fejn joqgħod id-dawl? U fejn hu post id-dlam? 20  Tistaʼ tiħodhom f’posthom? Tafha t-triq għad-dar tagħhom? 21  Jaqaw taf dan għax twilidt qabilhom,U għax ilek tgħix ħafna? 22  Dħalt int fejn tinżamm il-borra,Jew rajt int il-post fejn jinżamm is-silġ? 23  Dawn żammejthom għaż-żmien taʼ inkwiet kbir,Għall-ġurnata tal-battalja u l-gwerra. 24  Minn fejn joħroġ id-dawl,*U r-riħ tal-Lvant minn fejn jonfoħ fuq l-art? 25  Min għamel kanal għall-ilma tad-dulluvjuU triq għas-sħaba tal-maltempata bir-ragħad? 26  Min bagħat ix-xita fejn m’hemmx nies,Fid-deżert fejn m’hemm ebda bniedem? 27  Min xebbaʼ bl-ilma d-deżert meqrudBiex jikber il-ħaxix? 28  Għandha missier ix-xita,Jew min hu missier il-qtar tan-nida? 29  Min welled il-borra tas-sema,U minn żaqq min ħareġ is-silġ? 30  Min webbes wiċċ l-ilma daqs il-ġebel,U ffriża wiċċ l-ilmijiet fondi? 31  Tistaʼ int torbot il-ħbula tal-grupp taʼ stilel Kima,*Jew tħoll il-ħbula tal-grupp taʼ stilel Kesil?* 32  Tistaʼ toħroġ grupp taʼ stilel* fi żmienhom? Jew tmexxi l-grupp taʼ stilel As* flimkien mat-tfal tagħhom? 33  Tafhom il-liġijiet li jmexxu s-sema,Jew tistaʼ tapplika dawn il-liġijiet* fuq l-art? 34  Tistaʼ tikkmanda s-sħabBiex tagħmel ħafna xita fuqek? 35  Tistaʼ int tibgħat is-sajjetti? Se jiġu huma u jgħidulek, ‘Aħna qegħdin hawn!’? 36  Min qiegħed l-għerf fis-sħab,*Jew ta lis-sema* l-abbiltà li tifhem? 37  Min hu tant għaref li jistaʼ jgħodd is-sħab? Jew min jistaʼ jferraʼ l-ilma tagħhom mis-sema, 38  Biex b’hekk it-trab isir tajnU l-ħamrija tagħqad flimkien? 39  Tistaʼ int tikkaċċja l-ikel għall-iljun? Jew tistaʼ xxebbaʼ l-iljuni b’saħħithom 40  Meta jitbaxxew biex ma jidhrux,Jew joqogħdu għassa fil-moħba tagħhom biex jattakkaw? 41  Min hu li jlesti l-ikel għaċ-ċawlunMeta l-frieħ tiegħu jgħajtu lil Alla għall-għajnuna,U jduru ’l hemm u ’l hawn għax ma jkollhomx x’jieklu?

Noti taʼ taħt

Idjoma bl-Ebrajk li tirreferi għall-anġli.
Jew “meta ħareġ mill-ġuf.”
Jew “id-dell tal-mewt.”
Jew forsi “s-sajjetti.”
Jistaʼ jirreferi għall-istilel Pleadi fil-kostellazzjoni Tawru.
Jistaʼ jirreferi għall-kostellazzjoni Orjun.
Letteralment “Mazzarot.” Fit-2Slt 23:5 t-terminu fil-plural jirreferi għall-gruppi taʼ stilel taż-żodjaku.
Jistaʼ jirreferi għall-kostellazzjoni l-Ors il-Kbir (Ursa Major).
Jew forsi “l-liġijiet t’Alla.”
Jew forsi “fil-bniedem.”
Jew forsi “lill-moħħ.”