Ġob 31:1-40
31 “Jien għamilt wegħda miegħi nnifsi*
Li bl-ebda mod ma nħares lejn mara oħra bi ħsieb ħażin.
2 Kif jittrattani Alla kieku kelli nagħmel hekk?
U x’se nirċievi mingħand Dak li Jistaʼ Kollox?
3 Dak li jagħmel il-ħażin hemm diżastru jistennieh,U dawk li jagħmlu l-ħsara se jbatu.
4 Alla jara dak kollu li nagħmel,U jgħodd il-passi kollha tiegħi.
5 Qatt gdibt jien?*
Ġieli qarraqt b’xi ħadd?
6 Ħa jeżaminani b’mod ġust Alla;Imbagħad jinduna li jien leali.
7 Jekk ma bqajtx miexi fit-triq it-tajba,Jew qalbi tħajret għal dak li rajt b’għajnejja,Jew għamilt xi ħaġa ħażina b’idejja,
8 Mela ħalli dak li niżraʼ jieklu xi ħadd ieħor,U dak li nħawwel jitqaċċat mill-għeruq.*
9 Jekk qalbi nġibdet lejn mara oħra,U qgħadt nistenna għal opportunità mal-mara taʼ ħaddieħor,
10 Mela ħalli l-mara tiegħi titħan iċ-ċereali* għal raġel ieħor,U ħalli rġiel oħrajn ikollhom relazzjonijiet sesswali magħha.*
11 Għax jien inkun għamilt xi ħaġa tal-mistħija,U jkun ħaqqni niġi kkastigat mill-imħallfin għall-iżball tiegħi.
12 Xi ħaġa bħal din tkun bħal nar li jaħraq u jeqred kollox,Li jġib fix-xejn* dak kollu li għandi.
13 Jekk irrifjutajt li nimxi bil-ġustizzja mal-ilsiera tiegħiMeta kellhom għal xiex igergru* kontrija,
14 X’se nagħmel meta jiffaċċjani* Alla?
Kif nistaʼ nwieġbu meta jitlob kont minni?
15 Dak li għamel lili f’żaqq ommi m’għamilx lilhom ukoll?
Mhux l-istess Wieħed ifformana qabel ma twilidna?*
16 Irrifjutajt jien li nagħti lill-fqir dak li xtaq?
Jew waqqaft jien lill-armla milli tieħu dak li ttamat għalih?*
17 Kilt jien l-ikel tiegħi waħdi,Mingħajr ma tajt lill-orfni?
18 (Għax minn żgħożiti, l-orfni* kiber miegħi u kont qisni missieru,U minn tfuliti* jien kont t’għajnuna għar-romol.*)
19 Qatt rajt lil xi ħadd imut bil-kesħa għax m’għandux x’jilbes,Jew lill-fqir li m’għandux biex jitgħatta u m’għentux?
20 Ma kienx hu jberikni,*Hekk kif jitgħatta bis-suf tan-nagħaġ tiegħi?
21 Qatt heddidt lill-orfniMeta kellu bżonn l-għajnuna tiegħi* f’bieb il-belt?
22 Jekk għamilt affarijiet bħal dawnĦa tinqalaʼ idi minn maʼ spallti,*U ħa tinkiser mill-minkeb.*
23 Imma jien m’għamilt xejn minn dan,Għax bżajt li Alla jeqridniU ma stajtx noqgħod quddiem il-glorja tiegħu.
24 Qatt fdajt fid-deheb,Jew qist id-deheb fin bħala l-protezzjoni tiegħi?
25 Qatt ftaħart bil-ġid kollu li kelli,U bil-ħafna affarijiet li akkwistajt?
26 Qatt rajt ix-xemx* tiddi,Jew il-qamar bis-sbuħija tiegħu,
27 U qalbi ħajritni biex nagħtihom qima billi nbus idejja?*
28 Kieku jkun ħaqqni niġi kkastigat mill-imħallfin,Għax inkun irrifjutajt lill-Alla tas-sema.
29 Qatt fraħt meta l-għadu tiegħi nqered,Jew għax kien qed ibati?
30 Jien qatt ma sħitt lill-għadu tiegħi biex imut;Le, m’għamiltx dnub bħal dan.
31 L-irġiel tad-dar tiegħi qalu,‘Kull min jiġi għand Ġob jistaʼ jiekol sa ma jixbaʼ.’
32 Ebda barrani* ma kellu jqattaʼ l-lejl barra;Jien ilqajt ġo dari lil dawk li kienu jivvjaġġaw.
33 Qatt ipprovajt naħbi l-iżbalji tiegħi bħalma jagħmlu rġiel oħrajnBilli ħbejthom ġol-but tiegħi?
34 Bżajt jien minn kif se taġixxi l-folla,Jew twerwirt jien għax il-familji l-oħra kienu se jmaqdruni?
Bżajt jien niftaħ ħalqi jew noħroġ barra?
35 Mank semagħni xi ħadd!
Kieku kont niffirma biex nuri li qed ngħid il-verità.*
Ħa jwiġibni Dak li Jistaʼ Kollox!
Mank dak li akkużani kiteb l-akkużi f’dokument!
36 Kieku d-dokument kont inġorru fuq spallti,U nqiegħdu fuq rasi bħala kuruna.
37 Kieku lil Alla kont nagħtih kont taʼ kull pass li nagħmel;Nersaq lejh bla biżaʼ qisni prinċep.
38 Qatt ħadt xi għalqa mingħand oħrajn u gergru kontrija?
Jew dawk li jaħdmu l-art qatt bkew flimkien minħabba fija?
39 Qatt kilt il-prodott tagħhom mingħajr ma ħallast,Jew ġegħelt lis-sidien* tal-għelieqi jiddispraw?
40 Jekk għamilt hekk, ħa jitlaʼ x-xewk minflok il-qamħ fl-għalqa tiegħi,U ħaxix ħażin li jinten minflok ix-xgħir.”*
Ġob jieqaf jitkellem hawn.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “għamilt patt m’għajnejja.”
^ Jew forsi “Qatt għamiltha maʼ nies li jigdbu?”
^ Jew “U d-dixxendenti tiegħi jinqerdu.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Letteralment “U ħa jmilu fuqha rġiel oħrajn.”
^ Jew “Li jaqlaʼ mill-għeruq.”
^ Jew “xi każ.”
^ Letteralment “iqum.”
^ Letteralment “fil-ġuf?”
^ Letteralment “Jew ġegħelt għajnejn l-armla jiddgħajfu?”
^ Letteralment “minn ġuf ommi.”
^ Letteralment “taʼ gwida għaliha.”
^ Letteralment “hu.”
^ Letteralment “Ġenbejh ma berkunix.”
^ Jew forsi “Meta rajt li kelli l-appoġġ.”
^ Jew “l-għadma taʼ spallti minn postha.”
^ Jew “minn mal-ġog; mill-għadma taʼ fuq.”
^ Letteralment “id-dawl.”
^ Milli jidher din kienet drawwa tal-qima falza.
^ Jew “resident barrani.”
^ Jew “Hawn hi l-firma tiegħi.”
^ Jew “ruħ is-sidien.”
^ Jiġifieri barley.

