Ġob 36:1-33
36 Eliħu kompla jgħid:
2 “Ħu paċenzja bija ftit ieħor, sakemm nispjega,Għax għandi iktar x’ngħid f’isem Alla.
3 Se ngħid dak li naf bid-dettall,U se ngħid li l-ġustizzja hi taʼ Dak li Għamilni.
4 Bla dubju mhux qed nigdeb;Dan il-kliem ġej mingħand dak li għandu għarfien perfett.
5 Bla dubju Alla hu b’saħħtu u ma jabbanduna lil ħadd;Hu għandu abbiltà kbira li jifhem.
6 Hu mhux se jipproteġi lill-ħżiena,Imma se jiġġudika b’mod ġust lil dawk li qed ibatu.
7 Hu ma jaqlax għajnejh minn fuq it-tajbin;Hu se jagħmilhom rejiet* u jiġu mfaħħrin għal dejjem.
8 Jekk huma jibdew ibatuGħax jidinbu u jiġu marbutin bil-ktajjen,
9 Alla jurihom x’għamlu,L-iżbalji li għamlu minħabba l-kburija tagħhom.
10 Hu jgħinhom jisimgħu meta jiġu kkoreġuti,U jgħidilhom biex ma jibqgħux jagħmlu l-ħażin.
11 Jekk jobduh u jaqduh,Huma se jgawdu l-ġid matul il-bqija taʼ ħajjithom,U ħajjithom se tkun pjaċevoli.
12 Imma jekk ma jobdux, huma jinqerdu bix-xabla,*U jmutu mingħajr ma jkollhom għarfien.
13 Il-ħżiena* jirrabjaw.
Lanqas meta jorbothom ma jgħajtu għall-għajnuna.
14 Huma jqattgħu* ħajjithom mal-prostituti rġiel tat-tempjuU jmutu meta jkunu għadhom żgħar.
15 Imma Alla* jsalva l-batuti mit-tbatija tagħhom;Hu jgħinhom jisimgħu minnu meta jkunu maħqurin.
16 Hu jbiegħdek mit-tbatija;Jieħdok f’post protett fejn m’hemmx tbatijaU jgħinek tħossok aħjar bl-aqwa ikel.
17 Imbagħad se tkun sodisfatt bil-ġudizzju tal-ħżienaMeta ssir ġustizzja.
18 Imma oqgħod attent li r-rabja ma ġġegħlekx tivvendika ruħek,*U tħallix it-tixħim iwasslek biex tagħmel il-ħażin.
19 Kieku jkun għalxejn li tgħajjat għall-għajnuna,U l-isforzi kollha li tagħmel ma jbegħdukx mill-inkwiet.
20 Tixxennaqx għal-lejlMeta n-nies jisparixxu minn posthom.
21 Oqgħod attent li ma tagħżilx li tagħmel il-ħażinBil-ħsieb li tevita li tbati.
22 Alla qed jiġi onorat minħabba l-qawwa tiegħu;Hemm xi ħadd li jaf jgħallem daqsu?
23 Min qallu x’għandu jagħmel,*Jew qallu li dak li għamel hu ħażin?
24 Tinsiex tfaħħar dak li għamel,Dak li ħafna nies kantaw dwaru.
25 Il-bnedmin kollha raw x’għamel,Huma jaraw dan mill-bogħod.
26 Ma nistgħux insiru nafu kemm hi kbira l-qawwa t’AllaU kemm-il sena ilu jeżisti.
27 Hu jtellaʼ l-qtar tal-ilma;Imbagħad dan isir xita u nida.
28 Wara, dawn jinżlu mis-sħabU jagħtu l-ilma lil kulħadd.
29 Min jistaʼ jifhem kif jifformaw is-saffi tas-sħabU r-ragħad mill-post fejn joqgħod?*
30 Innota kif jifrex is-sajjetti* tiegħu fuq is-sħabU jgħatti l-baħar fond.*
31 B’dawn hu jsaħħaħ* lin-niesU jagħtihom ħafna u ħafna ikel.
32 Hu jgħatti s-sajjetti b’idejh,U dawn imorru fejn jikkmandahom hu.
33 Ir-ragħad tiegħu jgħid li hu ġej,Anki l-imrieħel juru min ġej.*
Noti taʼ taħt
^ Jew forsi “Hu jagħmel rejiet.”
^ Jew “b’arma.”
^ Jew “L-apostati.”
^ Jew forsi “jtemmu.”
^ Letteralment “Hu.”
^ Letteralment “iċċapċap” bħala twaqqigħ għaċ-ċajt jew nuqqas taʼ rispett.
^ Jew forsi “kkritika triqtu; talbu jagħti kont taʼ triqtu.”
^ Jew “mit-tinda tiegħu.”
^ Letteralment “id-dawl.”
^ Letteralment “l-għeruq tal-baħar.”
^ Jew forsi “jiddefendi l-kawża taʼ.”
^ Jew forsi “x’ġej.”