Ġob 42:1-17

  • Ġob iwieġeb lil Ġeħova (1-6)

  • It-tlett iħbieb taʼ Ġob jiġu kkundannati (7-9)

  • Ġeħova jneħħi t-tbatija taʼ Ġob u jagħtih ħafna ġid (10-17)

    • It-tfal subien u bniet taʼ Ġob (13-15)

42  Imbagħad Ġob wieġeb lil Ġeħova:  2  “Issa naf li int kapaċi tagħmel kollox,M’hemm xejn li hu impossibbli għalik.  3  Int għedt, ‘Min hu dan li qed iqajjem id-dubji fuq il-pariri tiegħi Mingħajr m’għandu għarfien biżżejjed?’Għalkemm ma kontx nifhem,Jien tkellimt dwar affarijiet tal-għaġeb wisq għalija, li ma nafx dwarhom.  4  Int għedt, ‘Jekk jogħġbok ismaʼ, u jien nitkellem. Jien se nistaqsik, u int wiġibni.’  5  Jien kont smajt dwarek,Imma issa qed narak b’għajnejja.  6  Jiddispjaċini għal dak li għedt,*U għalhekk li se nindem billi noqgħod bilqiegħda fit-trab u l-irmied.” 7  Wara li Ġeħova kien qal dan il-kliem lil Ġob, Ġeħova qal lil Elifaż it-Temani: “Jien irrabjat ħafna għalik u għaż-żewġt iħbieb tiegħek, għax intom m’għedtux il-verità dwari bħalma għamel il-qaddej tiegħi Ġob. 8  Għalhekk, aqbdu sebaʼ barrin u sebaʼ mtaten u morru għand Ġob, u offru sagrifiċċju tal-ħruq għalikom. U l-qaddej tiegħi Ġob jitlob għalikom. Jien żgur li se naċċetta t-talba tiegħu biex ma nikkastigakomx talli għedtu affarijiet bla sens, għax intom m’għedtux il-verità dwari bħalma għamel il-qaddej tiegħi Ġob.” 9  Għalhekk, Elifaż it-Temani, Bildad is-Suħi, u Sofar in-Nagħmati, marru u għamlu bħalma kien qalilhom Ġeħova. U Ġeħova aċċetta t-talba taʼ Ġob. 10  Wara li Ġob talab għal sħabu, Ġeħova neħħielu t-tbatija kbira li kien għaddej minnha. Ġeħova tah id-doppju taʼ kulma kellu qabel. 11  Ħutu kollha u l-ħbieb kollha li kellu marru għandu u kielu miegħu. Huma ddispjaċiehom għal dak li ġralu u farrġuh minħabba t-tbatija kollha li Ġeħova ħallieh jgħaddi minnha. Kull wieħed minnhom tah xi flus u ċurkett tad-deheb. 12  Għalhekk, Ġeħova bierek lil Ġob iktar minn qabel. Ġob kellu 14,000 nagħġa, 6,000 ġemel, 2,000 baqra,* u 1,000 ħmara. 13  Hu kellu sebaʼ subien u tlett ibniet oħra. 14  U l-ewwel tifla semmieha Ġemima, it-tieni Kesigħa, u t-tielet Keren-ħappuk. 15  Ma kienx hemm nisa sbieħ daqshom fil-pajjiż kollu, u missierhom tahom wirt flimkien maʼ ħuthom is-subien. 16  Wara dan, Ġob għex 140 sena. Hu ra lit-tfal tiegħu u lil dawk li ġew minnhom, sar-raba’ ġenerazzjoni. 17  Ġob għex ħajja twila u sodisfaċenti, u mbagħad miet.*

Noti taʼ taħt

Jew “Nirtira dak li għedt.”
Letteralment “1,000 par baqar.”
Letteralment “Ġob miet xiħ u mimli bl-għomor.”