It-Tieni Ktieb tas-Slaten 23:1-37

  • Ġosija jagħmel bidliet għat-tajjeb fil-pajjiż (1-20)

  • Jiġi ċċelebrat il-Qbiż (21-23)

  • Ġosija jagħmel iktar bidliet għat-tajjeb fil-pajjiż (24-27)

  • Imut Ġosija (28-30)

  • Ġeħogħaħaż, re taʼ Ġuda (31-33)

  • Ġeħojakim, re taʼ Ġuda (34-37)

23  Għalhekk, ir-re bagħat għall-anzjani* kollha taʼ Ġuda u Ġerusalemm u marru għandu. 2  Wara, ir-re telaʼ lejn id-dar taʼ Ġeħova mal-irġiel kollha taʼ Ġuda, in-nies kollha taʼ Ġerusalemm, il-qassisin, u l-profeti, jiġifieri man-nies kollha, miż-żgħir sal-kbir. Hu qralhom il-kliem kollu tal-ktieb tal-patt li kien instab fid-dar taʼ Ġeħova. 3  Ir-re qagħad ħdejn il-kolonna u għamel patt* quddiem Ġeħova, li kien se jimxi wara Ġeħova u jobdi l-kmandamenti, it-tfakkiriet, u l-liġijiet tiegħu b’qalbu kollha u b’ruħu* kollha. Hu wiegħed li jagħmel dan billi jgħix skont dak kollu li hemm miktub fil-ktieb tal-patt. U n-nies kollha qablu mal-patt. 4  Imbagħad ir-re kkmanda lil Ħilkija l-qassis il-kbir, il-qassisin l-oħra, u l-għassiesa tal-bibien biex joħorġu mit-tempju taʼ Ġeħova l-għodod kollha li kienu ntgħamlu għal Bagħal, għall-arblu sagru,* u għall-istilel. Imbagħad ħaraqhom barra Ġerusalemm fl-għelieqi taʼ Kidron, u ħa l-irmied tagħhom f’Betel. 5  Għalhekk, neħħa l-qassisin tal-allat barranin, li r-rejiet taʼ Ġuda kienu inkarigaw biex joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji fil-postijiet għall-qima fil-bliet taʼ Ġuda u l-inħawi taʼ madwar Ġerusalemm. Neħħa wkoll lil dawk li kienu joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji lil Bagħal, lix-xemx, lill-qamar, lill-gruppi taʼ stilel taż-żodjaku, u lill-bqija tal-istilel. 6  Hu ħareġ l-arblu sagru* mid-dar taʼ Ġeħova u ħadu barra Ġerusalemm lejn il-Wied taʼ Kidron. Hu ħarqu hemm, farrku, u tefgħu fuq l-oqbra tan-nies komuni. 7  Ukoll, hu waqqaʼ d-djar tal-prostituti rġiel tat-tempju, li kienu fid-dar taʼ Ġeħova, fejn in-nisa kienu jaħdmu t-tined għall-arblu sagru.* 8  Imbagħad ħareġ lill-qassisin kollha mill-bliet taʼ Ġuda u ħadhom Ġerusalemm. Il-postijiet għall-qima falza minn Geba sa Bir-xeba fejn il-qassisin kienu joffru d-duħħan tas-sagrifiċċji ma ħallihomx adattati għall-qima. Hu waqqaʼ wkoll il-postijiet għall-qima li kienu fid-daħla tal-bieb taʼ Ġożwè, il-kap tal-belt, li kienu fuq ix-xellug int u dieħel minn bieb il-belt. 9  Il-qassisin tal-postijiet għall-qima ma setgħux jaqdu ħdejn l-artal taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm, imma xorta kienu jieklu ħobż bla ħmira maʼ ħuthom. 10  Lil Tofet, li qiegħed fil-Wied tat-Tfal taʼ Ħinnom,* ma ħalliehx post adattat għall-qima, sabiex ħadd ma jkun jistaʼ jaħraq* lil ibnu jew lil bintu għal Molek. 11  U ż-żwiemel li r-rejiet taʼ Ġuda kienu ddedikaw* lix-xemx ma ħallihomx ikomplu jidħlu fid-dar taʼ Ġeħova minn ħdejn il-kamra* tal-uffiċjal tal-palazz Natan-melek, li kienet fid-dar tal-kolonni. Hu ħaraq il-karrijiet tax-xemx. 12  Ir-re kisser ukoll l-artali li r-rejiet taʼ Ġuda kienu għamlu fuq il-kamra tal-bejt t’Aħaż, kif ukoll l-artali li Manasse għamel f’żewġ btieħi tad-dar taʼ Ġeħova. Hu farrakhom u tefaʼ t-trab tagħhom fil-Wied taʼ Kidron. 13  U l-postijiet għall-qima li kienu quddiem Ġerusalemm fuq in-naħa tan-Nofsinhar* tal-Muntanja tar-Rovina,* ir-re ma ħallihomx adattati għall-qima. Dawn kienu l-postijiet li Salamun ir-re t’Iżrael kien bena lil Għastoret l-alla mara diżgustanti tas-Sidonin, lil Kemos l-alla diżgustanti taʼ Mowab, u lil Milkom l-alla moqżież tal-Għammonin. 14  Hu kisser il-pilastri sagri u qaċċat l-arbli sagri,* u mela posthom bl-għadam tan-nies. 15  Hu kisser ukoll l-artal li kien f’Betel u l-post għall-qima li Ġerobogħam bin Nebat kien għamel u li ġiegħel lil Iżrael jidneb bih. Wara li kissirhom, ħaraq il-post għall-qima, farrku, u ħaraq l-arblu sagru.* 16  Meta Ġosija dar u ra l-oqbra fuq il-muntanja, hu kkmanda biex jieħdu l-għadam minnhom u mbagħad ħarqu fuq l-artal. B’hekk ma ħalliehx adattat għall-qima. Dan għamlu skont il-kelma taʼ Ġeħova li ġiet imxandra mill-qaddej tal-Alla l-veru, li kien bassar li kellhom jiġru dawn l-affarijiet. 17  Imbagħad qal: “Taʼ min hi din il-lapida?” U n-nies tal-belt qalulu: “Dan hu l-qabar tal-qaddej tal-Alla l-veru minn Ġuda li bassar l-affarijiet li int għamilt kontra l-artal taʼ Betel.” 18  Għalhekk qalilhom: “Tħallu lil ħadd imiss l-għadam tiegħu, ħalluh kif inhu.” Għalhekk, ma messewx l-għadam tiegħu, u lanqas l-għadam tal-profeta li kien ġie mis-Samarija. 19  Ġosija neħħa wkoll id-djar kollha fil-postijiet għall-qima li kienu fil-bliet tas-Samarija, li r-rejiet t’Iżrael bnew biex joffendu lil Alla. U għamlilhom eżatt kif għamel f’Betel. 20  Għalhekk, hu ssagrifika fuq l-artali l-qassisin kollha tal-postijiet għall-qima li kienu hemm, u ħaraq fuqhom l-għadam tan-nies. Wara reġaʼ lura Ġerusalemm. 21  Imbagħad ir-re kkmanda lill-poplu kollu: “Iċċelebraw Qbiż lil Ġeħova l-Alla tagħkom kif hemm miktub f’dan il-ktieb tal-patt.” 22  Ma kienx sar Qbiż bħal dan sa minn żmien l-imħallfin li ġġudikaw lil Iżrael u ż-żmien kollu tar-rejiet t’Iżrael u r-rejiet taʼ Ġuda. 23  Imma fit-18-il sena tat-tmexxija tar-Re Ġosija ġie ċċelebrat dan il-Qbiż lil Ġeħova f’Ġerusalemm. 24  Ġosija neħħa wkoll il-medji tal-ispirti, dawk li jbassru l-futur, l-istatwi tat-terafim,* l-idoli moqżieża,* u l-affarijiet moqżieża kollha li kien hemm fl-art taʼ Ġuda u f’Ġerusalemm. Dan għamlu sabiex isir il-kliem tal-Liġi li kien miktub fil-ktieb li Ħilkija l-qassis sab fid-dar taʼ Ġeħova. 25  La qablu u lanqas warajh ma kien hemm re bħalu li reġaʼ lura lejn Ġeħova b’qalbu kollha, b’ruħu* kollha, u b’saħħtu kollha, skont il-Liġi kollha taʼ Mosè. 26  Madankollu, Ġeħova baqaʼ rrabjat ħafna maʼ Ġuda minħabba l-affarijiet kollha li kien għamel Manasse biex joffendih. 27  Ġeħova qal: “Lil Ġuda wkoll se nneħħih minn quddiem wiċċi, bħalma neħħejt lil Iżrael. Se niċħad lil din il-belt li għażilt, lil Ġerusalemm, u lid-dar li dwarha għedt, ‘Ismi se jibqaʼ hemmhekk.’” 28  Il-bqija tal-istorja taʼ Ġosija u kulma għamel huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 29  Fi żmienu l-Fargħun Neko, ir-re tal-Eġittu, telaʼ biex jgħin lir-re tal-Assirja ħdejn ix-Xmara Ewfrat. Ir-Re Ġosija mar għal kontrih, imma meta Neko rah, qatlu f’Megiddo. 30  Għalhekk, il-qaddejja tiegħu ġarrewh mejjet f’karru minn Megiddo, ħaduh Ġerusalemm, u difnuh fil-qabar tiegħu. Imbagħad in-nies tal-pajjiż dilku lil Ġeħogħaħaż bin Ġosija u għamluh re minflok missieru. 31  Ġeħogħaħaż kellu 23 sena meta beda jmexxi, u mexxa tliet xhur f’Ġerusalemm. Ommu kienet Ħamutal bint Ġeremija minn Libna. 32  Hu beda jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kienu għamlu missirijietu. 33  Il-Fargħun Neko tefgħu l-ħabs f’Ribla fl-art taʼ Ħamat, biex ma jħallihx imexxi f’Ġerusalemm. Imbagħad ġiegħel lin-nies taʼ Ġuda jħallsu multa taʼ talent* deheb u 100 talent fidda. 34  Iżjed minn hekk, il-Fargħun Neko għamel lil Eljakim bin Ġosija re minflok missieru Ġosija u biddillu ismu għal Ġeħojakim. Imma lil Ġeħogħaħaż ħadu l-Eġittu, fejn eventwalment miet. 35  Ġeħojakim ta l-fidda u d-deheb lill-Fargħun, imma sabiex jagħtihomlu kellu jintaxxa lill-pajjiż. Hu ġabar il-fidda u d-deheb mingħand in-nies tal-pajjiż skont ir-rata tat-taxxa taʼ kull wieħed, biex jagħtihom lill-Fargħun Neko. 36  Ġeħojakim kellu 25 sena meta sar re, u mexxa 11-il sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Żebida bint Pedaja minn Rumah. 37  Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma għamlu missirijietu.

Noti taʼ taħt

Jew “ġedded il-patt.”
Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Geħenna.”
Letteralment “jgħaddi min-nar.”
Letteralment “taw.”
Jew “il-kamra tal-ikel.”
Letteralment “lemin.” Jiġifieri n-Nofsinhar, meta wieħed iħares lejn il-Lvant.
Jiġifieri l-Muntanja taż-Żebbuġ, b’mod partikulari l-parti t’isfel nett magħrufa wkoll bħala l-Muntanja tal-Offiża.
Jew “l-allat tad-dar; l-idoli.”
It-terminu Ebrajk jistaʼ jkun li għandu x’jaqsam maʼ kelma li tiġi tradotta “demel” u din tintuża bħala espressjoni taʼ disprezz.
Talent kien daqs 34.2 kilogrammi. Ara App. B14.