It-Tieni Ktieb tas-Slaten 13:1-25

  • Ġeħogħaħaż, re t’Iżrael (1-9)

  • Ġeħogħas, re t’Iżrael (10-13)

  • Eliżew jittestja ż-żelu taʼ Ġeħogħas (14-19)

  • Imut Eliżew; raġel jiġi rxoxtat meta jmiss mal-għadam tiegħu (20, 21)

  • Titwettaq l-aħħar profezija t’Eliżew (22-25)

13  Fit-23 sena tat-tmexxija taʼ Ġeħogħas bin Aħażija r-re taʼ Ġuda, Ġeħogħaħaż bin Ġeħu sar re fuq Iżrael fis-Samarija u mexxa għal 17-il sena. 2  Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova u baqaʼ jagħmel id-dnub li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. Ma warrabx minnu. 3  Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna m’Iżrael, u tahom f’idejn ir-Re Ħażagħel tas-Sirja u f’idejn ibnu Ben-ħadad għal ħafna snin. 4  Maż-żmien, Ġeħogħaħaż talab bil-ħniena lil Ġeħova biex jgħinhom, u Ġeħova semgħu għax kien ra l-moħqrija li r-re tas-Sirja kien ġab fuq Iżrael. 5  Għalhekk, Ġeħova bagħat lil xi ħadd biex jeħles lil Iżrael minn taħt idejn is-Sirja, u l-Iżraelin setgħu jgħixu fi djarhom bħal qabel.* 6  (Madankollu, baqgħu jagħmlu d-dnub taʼ dar Ġerobogħam li hu ġiegħel lil Iżrael jagħmel, u l-arblu sagru* kien għadu fis-Samarija.) 7  Ġeħogħaħaż kien baqagħlu biss armata taʼ 50 rikkieb taż-żwiemel, għaxar karrijiet, u 10,000 suldat, għax ir-re tas-Sirja kien qeridhom u għamilhom bħat-trab li joħroġ fid-dris tal-qamħ. 8  Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħogħaħaż, kulma għamel, u l-qawwa tiegħu huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 9  Imbagħad Ġeħogħaħaż miet u difnuh fis-Samarija. Ibnu Ġeħogħas sar re minfloku. 10  Fis-37 sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħogħas taʼ Ġuda, Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż sar re fuq Iżrael fis-Samarija u mexxa għal 16-il sena. 11  Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, ma telaqx id-dnubiet kollha li Ġerobogħam bin Nebat ġiegħel lil Iżrael jagħmel. Baqaʼ jipprattika dawn* id-dnubiet. 12  Il-bqija tal-istorja taʼ Ġeħogħas, kulma għamel, il-qawwa tiegħu, u kif iġġieled kontra Amażija r-re taʼ Ġuda huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet t’Iżrael. 13  Imbagħad Ġeħogħas miet, u Ġerobogħam* qagħad fuq it-tron tiegħu. U Ġeħogħas indifen fis-Samarija mar-rejiet t’Iżrael. 14  Issa meta Eliżew marad bil-marda li spiċċa miet biha, Ġeħogħas ir-re t’Iżrael niżel għandu u beka fuqu jgħid: “Missieri, missieri! Qed nara l-karru tal-gwerra t’Iżrael u r-rikkieba taż-żwiemel tiegħu!” 15  U Eliżew qallu: “Ħu qaws u xi vleġeġ.” U hekk għamel. 16  Imbagħad qal lir-re t’Iżrael: “Ipprepara biex tispara.” U wara li għamel hekk, Eliżew qiegħed idejh fuq idejn ir-re. 17  Imbagħad qal: “Iftaħ it-tieqa lejn il-Lvant.” U fetaħha. Eliżew qallu: “Spara!” U hekk għamel. Wara qallu: “Dik hi l-vleġġa taʼ rebħa* taʼ Ġeħova! Il-vleġġa taʼ rebħa kontra s-Sirja! Int se tegħleb lis-Sirja f’Afek sa ma teqridha.” 18  Hu kompla: “Aqbad il-vleġeġ,” u qabadhom. Imbagħad qallu: “Agħti daqqiet bihom fuq l-art.” U ta tliet daqqiet u waqaf. 19  Għalhekk, il-qaddej tal-Alla l-veru rrabja ħafna għalih u qallu: “Messek għamilt hekk ħames jew sitt darbiet! Kieku kont tegħleb lis-Sirja sa ma teqridha, imma issa se tegħlibha tliet darbiet biss.” 20  Wara dan, Eliżew miet u difnuh. U kien hemm gruppi taʼ ħallelin Mowabin li kienu jidħlu fil-pajjiż fil-bidu tas-sena.* 21  Hekk kif xi rġiel kienu qed jidfnu raġel, raw il-grupp taʼ ħallelin, għalhekk tefgħu lir-raġel fil-qabar t’Eliżew u ħarbu. Meta r-raġel mess mal-għadam t’Eliżew, hu ħa l-ħajja u qam bilwieqfa. 22  Ir-Re Ħażagħel tas-Sirja ħaqar lil Iżrael kemm dam imexxi Ġeħogħaħaż. 23  Madankollu, Ġeħova wriehom qalb tajba u ħenn għalihom u wera li jimpurtah minnhom minħabba l-patt tiegħu m’Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Hu ma riedx jeqridhom, u ma keċċihomx minn quddiemu sal-lum. 24  Meta r-Re Ħażagħel tas-Sirja miet, ibnu Ben-ħadad sar re minfloku. 25  Ġeħogħas bin Ġeħogħaħaż ħa lura mingħand Ben-ħadad bin Ħażagħel il-bliet li dan kien ħa mingħand missieru Ġeħogħaħaż fil-gwerra. Tliet darbiet għelbu Ġeħogħas, u ħa lura l-bliet t’Iżrael.

Noti taʼ taħt

Jiġifieri fil-paċi u s-sigurtà.
Letteralment “Hu mexa f’dawn.”
Jiġifieri Ġerobogħam II.
Jew “salvazzjoni.”
Letteralment “fi dħul is-sena,” aktarx fir-rebbiegħa.