Ġob 2:1-13

  • Satana jerġaʼ jqajjem id-dubji dwar il-mottivi taʼ Ġob (1-5)

  • Satana jitħalla jeffettwa s-saħħa taʼ Ġob (6-8)

  • Il-mara taʼ Ġob: “Isħet lil Alla u mut!” (9, 10)

  • Jaslu t-tlett iħbieb taʼ Ġob (11-13)

2  U waslet il-ġurnata li l-anġli* reġgħu marru quddiem Ġeħova l-Alla l-veru, u Satana wkoll mar quddiem Ġeħova. 2  Imbagħad Ġeħova qal lil Satana: “Minn fejn ġej?” Satana wieġeb lil Ġeħova: “Kont qed indur ’l hemm u ’l hawn fid-dinja u nara x’hemm fiha.” 3  U Ġeħova qal lil Satana: “Rajtu l-qaddej tiegħi Ġob? M’hemm ħadd bħalu fid-dinja. Hu raġel sew u leali,* jirrispettani ħafna,* u ma jagħmilx dak li hu ħażin. Hu baqaʼ leali avolja qed tipprova tikkonvinċini biex neqirdu għalxejn b’xejn.” 4  Imma Satana wieġeb lil Ġeħova: “Wieħed żgur li jkun lest li jagħti kollox jekk ikun hemm ħajtu fin-nofs. 5  Għalhekk, uża l-qawwa tiegħek biex teffettwa s-saħħa tiegħu, u tara kif jgħajrek f’wiċċek.” 6  Imbagħad Ġeħova qallu: “Ħa nħallih f’idejk. Agħmillu li trid, imma toqtlux!” 7  Għalhekk, Satana telaq minn quddiem Ġeħova u mela lil Ġob bi msiemer kbar* minn rasu sa saqajh. 8  U Ġob qabad biċċa fuħħar biex iħokk biha, u qagħad bilqiegħda qalb l-irmied. 9  Fl-aħħar, il-mara tiegħu qaltlu: “Beħsiebek tibqaʼ leali? Isħet lil Alla u mut!” 10  Imma qalilha: “Qed tgħid affarijiet bla sens. Għandna aħna naċċettaw biss dak li hu tajjeb mingħand Alla?” Minkejja dak kollu li ġralu, Ġob ma qal xejn ħażin.* 11  U kien hemm tlett iħbieb taʼ Ġob li semgħu dwar dak kollu li għadda minnu, u ddeċidew li jiltaqgħu u jmorru biex juruh li jinteressahom minnu u jgħinuh iħossu aħjar. Dawn kienu Elifaż it-Temani, Bildad is-Suħi, u Sofar in-Nagħmati. 12  Meta rawh mill-bogħod, m’għarfuhx. Huma bdew jibku b’leħen għoli u jċarrtu ħwejjiġhom, u tefgħu t-trab fl-arja u fuq rashom. 13  Imbagħad huma għamlu ġimgħa bilqiegħda ħdejh, u ħadd ma qallu xejn għax raw li kien muġugħ ħafna.

Noti taʼ taħt

Letteralment “it-tfal t’Alla.”
Jew “bla ħtija u taʼ integrità.”
Letteralment “jibżaʼ minni.”
Jew “infafet taʼ wġigħ.”
Jew “ma dinibx b’dak li qal.”