Proverbji 4:1-27

  • Pariri għaqlin mingħand missier (1-27)

    • Ikseb l-għerf, għax dan hu l-iktar importanti (7)

    • Tidħolx fit-triq tal-ħżiena (14, 15)

    • It-triq tal-ġusti hi bħal dawl li jkompli jiżdied (18)

    • “Ipproteġi lil qalbek” (23)

4  Isimgħu mid-dixxiplina taʼ missierkom;Oqogħdu attenti ħalli b’hekk tkunu tistgħu tifhmu.  2  Għax jien nagħtik pariri tajbin;Titlaqx it-tagħlim tiegħi.  3  Jien kont nobdi lil missieriU ommi kienet tħobbni ħafna.  4  Hu għallimni u qalli: “Żomm dak li ngħidlek f’qalbek. Obdi l-kmandamenti tiegħi u tibqaʼ tgħix.  5  Stinka biex ikollok l-għerf u tkun kapaċi tifhem. Tinsiex dak li ngħidlek u twarrbux.  6  Titlaqx l-għerf, u dan jipproteġik. Ħobbu, u jieħu ħsiebek.  7  Stinka biex ikollok l-għerf, għax dan hu l-iktar importanti,U kun ċert li tkun kapaċi tifhem.  8  Apprezza l-għerf, u dan ifaħħrek. Hu se jonorak talli tgħannqu miegħek.  9  Hu jqegħedlek fuq rasek kuruna sabiħa tal-fjuri;Se jżejnek b’kuruna mill-isbaħ.” 10  Ibni, ismaʼ u aċċetta dak li ngħidlek,U jkollok ħajja twila. 11  Jien se ngħallmek biex ikollok l-għerf;Se niggwidak biex tagħmel dak li hu tajjeb. 12  Meta timxi, m’intix se titfixkel;U jekk tiġri, m’intix se taqaʼ. 13  Aċċetta d-dixxiplina li tingħatalek u titlaqhiex. Ftakar dak li tgħallimt minnha, għax din se tgħinek tgħix. 14  Tidħolx fit-triq tal-ħżiena,U timxix fit-triq taʼ dawk mill-agħar. 15  Evitaha u tgħaddix minnha;Warrab minnha u ibqaʼ sejjer. 16  Għax huma ma jorqdux jekk ma jagħmlux xi ħaġa ħażina. In-ngħas itirilhom jekk ma jfixklu lil ħadd. 17  Il-ħażen hu bħall-ħobż għalihom,U l-vjolenza hi bħall-inbid. 18  Imma t-triq tal-ġusti hi bħad-dawl qawwi taʼ filgħoduLi jkompli jiżdied sa ma toħroġ ix-xemx sew. 19  It-triq tal-ħżiena hi bħad-dlam;Huma ma jkunux jafu x’qed ifixkilhom. 20  Ibni, oqgħod attent għal kliemi;Ismaʼ sew* dak li ngħidlek. 21  Tinsiehx;Żommu f’qalbek, 22  Min jaċċettah se jgħixU ġismu kollu se jkun b’saħħtu. 23  Ipproteġi lil qalbek iktar minn kull ħaġa oħra,Għax ħajtek tiddependi minnha. 24  Tigdibx,U tgħidx affarijiet li mhumiex vera. 25  Ibqaʼ ħares dritt ’il quddiem,U ffoka fuq dak li ġej. 26  Irranġa* t-triq għal saqajk,U mhux se titfixkel int u għaddej. 27  Tmurx lejn il-lemin jew ix-xellug. Warrab minn dak li hu ħażin.

Noti taʼ taħt

Letteralment “Mejjel widintek għal.”
Jew forsi “Ikkunsidra sew.”