Proverbji 16:1-33
16 Bniedem jaħseb dwar x’se jgħid,*Imma fl-aħħar hu Ġeħova li jgħinu jagħti t-tweġiba t-tajba.
2 Bniedem jistaʼ jaħseb li dak li qed jagħmel hu tajjeb,Imma Ġeħova jara x’inhuma l-intenzjonijiet tiegħu.*
3 Afda f’Ġeħova f’dak kollu li tagħmel,*U l-pjanijiet tiegħek jirnexxu.
4 Ġeħova juża kull ħaġa biex isir dak li jrid hu,Anki l-ħżiena, li se jiġu kkastigati f’jum id-diżastru tagħhom.
5 Ġeħova jobgħod lil kull min hu kburi.*
Kun ċert li se jiġi kkastigat.
6 L-iżbalji jinħafru bl-imħabba* u l-lealtà,U xi ħadd li jirrispetta ħafna lil* Ġeħova jżomm ’il bogħod mill-ħażen.
7 Meta Ġeħova jieħu pjaċir bil-mod kif jgħix xi ħadd,Hu jġiegħel anki l-għedewwa tiegħu jkunu fil-paċi miegħu.
8 Aħjar ikollok ftit u tagħmel dak li hu tajjeb,Milli jkollok ħafna u tagħmel dak li hu ħażin.
9 Raġel jistaʼ jippjana xi jrid jagħmel b’ħajtu,Imma hu Ġeħova li jidderieġi l-passi tiegħu.
10 Re dejjem għandu jgħid dak li ddeċieda Alla;Hu dejjem għandu jiġġudika b’mod ġust.
11 Kejl u miżien eżatt huma minn Ġeħova;Hu għamlu l-użin taʼ ġol-basket.
12 Ir-rejiet għandhom jobogħdu affarijiet ħżiena,Għax it-tron tagħhom se jkun b’saħħtu jekk imexxu bil-ġustizzja.
13 Ir-rejiet jieħdu pjaċir meta n-nies jgħidu dak li hu tajjeb.
Huma jħobbu lil min jitkellem b’onestà.
14 Ir-rabja taʼ re tistaʼ twassal biex xi ħadd jinqatel,Imma l-għaref jaf kif jikkalmah.*
15 Jekk re japprova lil xi ħadd, dan se jkollu ħajja ferħana,Għax l-approvazzjoni tiegħu hi bħal sħaba tax-xita fir-rebbiegħa.
16 Hu ħafna aħjar li jkollok l-għerf milli d-deheb!
Stinka biex tkun kapaċi tifhem għax dan jiswa iktar mill-fidda.
17 Il-ġusti jevitaw it-triq tal-ħażen.
Min joqgħod attent kif jimxi jibqaʼ ħaj.
18 Qabel tisbita jkun hemm il-kburija,U qabel waqgħa jkun hemm is-suppervja.
19 Aħjar tkun umli u tagħmilha maʼ dawk li mhumiex kburin,Milli taqsam il-ġid misruq mal-imkabbrin.
20 Min juri l-għaqal f’sitwazzjoni se jirnexxi,U min jafda f’Ġeħova se jkun ferħan.
21 In-nies se jgħidu li min hu għaref kapaċi jifhem.
Min jitkellem bil-ħlewwa jkun iktar konvinċenti.
22 L-għaqal hu bħal għajn tal-ilma li tagħti l-ħajja lil min jurih,Imma l-boloh jiġu ddixxiplinati minħabba l-affarijiet bla sens li jagħmlu.
23 Min hu għaref jitkellem b’għaqalU jikkonvinċi b’dak li jgħid.
24 Kliem pjaċevoli hu bħal xehda għasel,Ħelu fit-togħma* u jsaħħaħ l-għadam.
25 Bniedem jistaʼ jaħseb li qiegħed fit-triq it-tajba,Imma mbagħad din twassal għall-mewt.
26 Bniedem jaħdem iebes ħalli jkollu xi ħaġa x’jiekol.
Hu jagħmel dan għax ikollu l-ġuħ.
27 Raġel li mhu tajjeb għal xejn jippjana dak li hu ħażin;Kliemu hu bħal nar jikwi.
28 Min jaqlaʼ l-inkwiet* iġelled lin-nies,U min jimmalafama jifred lill-ħbieb tal-qalb.
29 Raġel vjolenti jħajjar lil sieħbu,U jieħdu fit-triq il-ħażina.
30 Hu jegħmeż waqt li jippjana biex jagħmel il-ħsara.
L-espressjoni taʼ wiċċu turi li jkun qed jagħmel il-ħażen li ppjana.
31 Ix-xagħar abjad hu kuruna taʼ sbuħija*Fuq ras dawk li jimxu fit-triq it-tajba.
32 Min ma jirrabjax malajr hu aħjar minn gwerrier b’saħħtu,U min jikkontrolla lilu nnifsu hu aħjar minn wieħed li jirbaħ belt.
33 Bniedem jistaʼ jitfaʼ x-xorti,*Imma hu Ġeħova li jiddeċiedi xi jkun ir-riżultat.
Noti taʼ taħt
^ Jew “jipprepara l-ħsibijiet taʼ qalbu.”
^ Letteralment “jeżamina l-ispirti.”
^ Jew “Erħi x-xogħlijiet tiegħek f’idejn Ġeħova.”
^ Letteralment “kburi f’qalbu.”
^ Jew “bl-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “jibżaʼ minn.”
^ Jew “jevita r-rabja.”
^ Jew “għar-ruħ.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “jippjana l-ħsara.”
^ Jew “glorja.”
^ Letteralment “ix-xorti f’ħoġru.”