Proverbji 20:1-30
20 Min jixrob ħafna nbid u alkoħol jaqaʼ għaċ-ċajt u jsir bla kontroll.
Min jagħmel il-ħażen minħabba fihom ma jkunx għaqli.
2 In-nies jibżgħu ħafna minn re bħalma jibżgħu minn għajta taʼ ljun;Kull min iġiegħlu jirrabja jirriskja ħajtu.
3 Min iżomm lura milli jargumenta jkun ħaqqu li jiġi onorat,Imma kull min hu iblah malajr jidħol f’argument.
4 L-għażżien ma jaħratx fix-xitwa,Allura matul il-ħsad hu jittallab għax ma jkollu xejn.*
5 Il-ħsibijiet f’moħħ* il-bniedem huma bħal ilmijiet fondi,Imma min jaf jagħraf it-tajjeb u l-ħażin se jtellagħhom.
6 Ħafna nies jgħidu li għandhom imħabba u lealtà,*Imma min jistaʼ jsib lil xi ħadd taʼ min jafdah?
7 Il-ġust juri lealtà.
Ferħanin huma t-tfal* li jkollu.
8 Meta r-re jpoġġi fuq it-tron tal-ġudizzju,Hu jħares bir-reqqa biex ineħħi l-ħażen kollu.
9 Min jistaʼ jgħid: “Jien naddaft qalbi;Jien m’għadx għandi dnub”?
10 Ġeħova jobgħodKemm użin diżonest u kemm kejl falz.*
11 Bil-mod kif tifel* jaġixxiJuri jekk dak li jagħmel hux innoċenti u ġust.
12 Ġeħova għamel kemm il-widnejn li nisimgħu minnhomU kemm l-għajnejn li naraw bihom.
13 Tħobbx l-irqad, ħalli ma ssirx fqir.
Iftaħ għajnejk u qum, ħalli tkun sodisfatt bil-ħobż.
14 Min jixtri jgħid: “Mhux tajjeb, mhux tajjeb!”Imbagħad xħin jitlaq jiftaħar b’kemm franka.
15 Xi ħadd jistaʼ jkollu d-deheb jew ħafna korall,*Imma l-kliem għaref hu iktar prezzjuż.
16 Jekk xi ħadd għamel tajjeb għad-dejn taʼ stranġier, ħudlu l-libsa;U jekk għamel hekk għal mara barranija,* ħudlu xi ħaġa bħala garanzija.
17 Raġel jiġih tajjeb il-ħobż misruq,*Imma wara, ħalqu jkun mimli żrar.
18 Bil-pariri l-pjanijiet jirnexxu,*U jrid ikollok direzzjoni* għaqlija biex tiġġieled il-gwerra tiegħek.
19 Min iħobb jimmalafama jmur jikxef affarijiet kunfidenzjali;Tagħmilhiex maʼ xi ħadd li jħobb jgħid fuq in-nies.*
20 Min jisħet lil missieru u lil ommu,Il-lampa tiegħu se tintefa meta jidlam.
21 Meta xi ħadd jieħu l-wirt b’regħba,Fl-aħħar mill-aħħar mhux se jkun ferħan.*
22 Tgħidx: “Ħa npattilu għal dak li għamilli!”
Ittama f’Ġeħova, u hu jsalvak.
23 Ġeħova jobgħod użin diżonest,*U mhux sew li jintuża miżien qarrieq.
24 Ġeħova jidderieġi l-passi tan-nies,Għax dawn ma jifhmux fejn għandhom imorru.*
25 Tkun nassa li xi ħadd jgħaġġel biex jgħid, “Jien inwiegħed lil Alla!”*
U mbagħad wara jaħseb dwar dak li wiegħed.
26 Bħalma l-qoxra titneħħa minn maż-żerriegħa,Hekk jagħmel re għaqli, ineħħi n-nies ħżiena.
27 Għal Ġeħova, in-nifs tal-bniedem hu bħal lampaLi turi l-partijiet moħbijin tal-qalb.
28 L-imħabba* u l-lealtà jipproteġu lir-re;Bl-imħabba u l-lealtà* hu jsaħħaħ it-tron tiegħu.
29 Il-glorja taż-żgħażagħ hi s-saħħa tagħhom,U s-sbuħija taʼ dawk kbar fl-età hi x-xagħar abjad.
30 It-tbenġil u l-feriti jneħħu l-ħażen,U s-swat inaddaf il-qalb.
Noti taʼ taħt
^ Jew forsi “Hu se jfittex matul il-ħsad imma ma jsib xejn.”
^ Jew “L-intenzjonijiet f’qalb.” Letteralment “Il-pariri f’qalb.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “is-subien.”
^ Jew “Żewġ ġebliet differenti li tiżen bihom u żewġ reċipjenti differenti li tkejjel bihom.”
^ Jew “tifla.”
^ Jew “barrani.”
^ Jew “li jinkiseb bil-qerq.”
^ Jew “jiġu stabbiliti fis-sod.”
^ Jew “gwida.”
^ Jiġifieri gossip.
^ Jew “Alla mhux se jbierku.”
^ Jew “żewġ ġebliet differenti li tiżen bihom.”
^ Jew “triqithom.”
^ Letteralment “Qaddis!”
^ Jew “L-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “Bl-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.