Proverbji 26:1-28

  • Jiġi deskritt xi ħadd għażżien (13-16)

  • Tindaħalx fi ġlieda taʼ ħaddieħor (17)

  • Evita ċajt li jweġġaʼ (18, 19)

  • Fejn m’hemmx injam, in-nar jintefa (20, 21)

  • Il-kliem taʼ min jimmalafama hu bħal ikel b’togħma tajba (22)

26  Bħalma mhux suppost tagħmel il-borra fis-sajf u x-xita fi żmien il-ħsad,Mhux suppost tonora lil xi ħadd stupidu.  2  Bħalma għasfur ikollu għal xiex jaħrab u ħuttafa għal xiex ittir,Ħadd ma jisħet lil xi ħadd għalxejn b’xejn.  3  Il-frosta hi għaż-żiemel, l-ilġiem għal ħalq il-ħmar,U l-bastun biex jiġu kkastigati n-nies stupidi.  4  Twiġibx lil xi ħadd stupidu skont il-bluha tiegħu,Ħalli ma taqax għal-livell tiegħu.*  5  Jekk twieġeb l-istupidu, urih kemm hu bla sens dak li qed jgħid,Ħalli ma jaħsibx li hu għaref.  6  Min iħalli xi ħaġa f’idejn xi ħadd stupiduJkun qisu qed jagħmel ħsara lil saqajh stess biex isir zopp u jweġġaʼ lilu nnifsu.*  7  Il-proverbju tan-nies stupidiHu bħal saqajn bla saħħa* taʼ xi ħadd li jzappap.  8  Li tonora lil xi ħadd stupiduHu bħal li torbot ġebla maʼ żbandola.  9  Il-proverbju tan-nies stupidiHu bħal pjanta bix-xewk f’id xi ħadd fis-sakra. 10  Min iħaddem lil xi ħadd stupidu jew lil min jinzerta għaddejIkun qisu arċier li jispara fuq kull ħaġa li jara.* 11  L-istupidu jerġaʼ jagħmel l-affarijiet taʼ bluhaBħalma kelb imur lura u jiekol dak li qalaʼ. 12  Ġieli rajt lil xi ħadd li jaħseb li hu għaref? Hemm iktar tama għal xi ħadd stupidu milli għalih. 13  L-għażżien jgħid: “Hemm iljun fit-triq,Hemm iljun fil-pjazza!” 14  L-għażżien jibqaʼ jdur fuq is-sodda tiegħuBħalma bieb jibqaʼ jdur fuq iċ-ċappetti tiegħu. 15  L-għażżien idaħħal idu fl-iskutella tal-ikel,Imma hu wisq għajjien biex iressaqha maʼ ħalqu. 16  L-għażżien jaħseb li hu iktar għarefMinn sebaʼ min-nies li jwieġbu b’mod għaqli. 17  Xi ħadd li jkun għaddej u jirrabja ħafna minħabba* ġlieda li mhix tiegħuHu bħal xi ħadd li jaqbad widnejn taʼ kelb. 18  Bħal xi ħadd miġnun li jispara vleġeġ tan-nar u lanez qattiela 19  Hu min iqarraq b’sieħbu* u mbagħad jgħidlu: “Kont qed niċċajta!” 20  Fejn m’hemmx injam in-nar jintefa,U fejn m’hemmx min jimmalafama jieqaf il-ġlied. 21  Min iħobb jargumenta jaqlaʼ l-ġlied. Hu bħal faħam u njam li jqabbdu n-nar. 22  Il-kliem taʼ min jimmalafama hu bħal ikel b’togħma tajba;Dan jinbelaʼ malajr u jinżel fl-istonku. 23  Kliem ħelu minn* qalb ħażinaHu bħal kisja fidda fuq biċċa fuħħar. 24  Min jobgħod lil oħrajn juża kliem biex jaħbi l-mibegħda tiegħu,Imma minn ġewwa jibqaʼ bil-ħsieb li jqarraq. 25  Għalkemm jitkellem bil-ħlewwa, tafdahx,Għax qalbu ħażina għalkollox.* 26  Għalkemm jaħbi l-mibegħda tiegħu bil-qerq,Il-ħażen tiegħu se jinkixef fil-kongregazzjoni. 27  Min iħaffer ħofra se jaqaʼ fiha,U kull min igerbeb ġebla, tiġi lura fuqu. 28  Min jigdeb, jobgħod lil min iweġġaʼ bil-gideb tiegħu,U min ifaħħar lil oħrajn biex jingħoġob, iġib qerda.

Noti taʼ taħt

^ Jew “Ħalli ma ssirx bħalu.”
^ Letteralment “u jixrob il-vjolenza.”
^ Jew “imdendlin.”
^ Jew “li jweġġaʼ lil kulħadd.”
^ Jew forsi “jindaħal fi.”
^ Jew “jagħmel ċajta li tweġġaʼ lil sieħbu.”
^ Letteralment “Xofftejn kollhom ħeġġa flimkien maʼ.”
^ Letteralment “f’qalbu hemm sebaʼ affarijiet li ma jaħmilx.”