Proverbji 15:1-33
15 Meta wieħed iwieġeb bil-ħlewwa, itaffi r-rabja,Imma meta jwieġeb bl-aħrax,* iżidha.
2 L-għaqli jitkellem sew dwar l-affarijiet li jaf,Imma l-istupidu jitkellem bl-addoċċ dwar affarijiet bla sens.
3 Għajnejn Ġeħova jaraw kollox,Kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.
4 Il-kliem taʼ xi ħadd li jitkellem bil-ħlewwa* hu bħal siġra tal-ħajja,Imma kliem qarrieq iġiegħel lil ħaddieħor jiddispra.*
5 L-iblah ma jurix rispett meta missieru jiddixxiplinah,Imma l-għaqli jaċċetta li jiġi kkoreġut.*
6 Fid-dar tal-ġust hemm ġid kbir,Imma l-qligħ tal-ħażin iġiblu l-inkwiet.
7 L-għaref jaqsam l-għarfien maʼ ħaddieħor,Imma l-istupidu ma jagħmilx hekk.
8 Ġeħova jobgħod is-sagrifiċċju taʼ xi ħadd ħażin,Imma hu jieħu pjaċir bit-talb tal-ġust.
9 Ġeħova jobgħod il-mod kif iġib ruħu l-ħażin,Imma hu jħobb lil min jagħmel dak li jistaʼ biex jagħmel it-tajjeb.
10 Min ma jibqax jagħmel it-tajjeb ma jiħux pjaċir bid-dixxiplina,*Imma min jobgħod il-korrezzjoni se jmut.
11 La Ġeħova jistaʼ jara lil dawk li huma fil-Qabar* u fil-post tal-qerda,*Kemm iktar jistaʼ jara x’hemm f’qalb il-bniedem!
12 L-arroganti* ma jħobbx lil min jikkoreġih.*
Hu ma jiħux parir mingħand l-għaref.
13 Qalb ferħana tħalli effett tajjeb fuq il-wiċċ,Imma l-uġigħ taʼ qalb jistaʼ jwassal għad-dipressjoni.
14 Min* kapaċi jifhem ifittex l-għarfien,Imma l-istupidu jieħu pjaċir jitkellem dwar affarijiet bla sens.
15 Għal min ikun qed ibati l-ġranet kollha huma ħżiena,Imma min hu ferħan f’qalbu jkun ferħan kuljum.*
16 Aħjar ikollok ftit affarijiet u tirrispetta ħafna lil* Ġeħova,Milli jkollok ħafna ġid u tkun ansjuż.*
17 Aħjar platt ħaxix fejn hemm l-imħabbaMilli barri msemmen fejn hemm il-mibegħda.
18 Xi ħadd li jitilgħulu malajr jaqlaʼ l-ġlied,Imma min ma jirrabjax malajr jikkalma argument.
19 Triq l-għażżien hi mimlija xewk,Imma t-triq tal-ġusti hi lixxa.
20 Tifel għaref iferraħ lil missieru,Imma raġel stupidu jittratta ħażin lil ommu.
21 Xi ħadd li m’għandux sens f’moħħu jieħu pjaċir bil-bluha,Imma min jaf jagħraf x’inhu tajjeb u ħażin jibqaʼ fit-triq it-tajba.
22 Il-pjanijiet ma jirnexxux jekk in-nies ma jitkellmux bejniethom,*Imma dawn jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-pariri.
23 Persuna tifraħ meta twieġeb kif suppost,U kelma f’waqtha tagħmel ħafna ġid!
24 L-għaref qiegħed fit-triq li tielgħa ’l fuq u tagħti l-ħajja.
Hu jevita t-triq li nieżla ’l isfel lejn il-Qabar.*
25 Ġeħova se jwaqqaʼ d-dar taʼ min hu kburi,Imma hu se jipproteġi l-art* tal-armla.
26 Ġeħova jobgħodhom il-pjanijiet tal-wieħed mill-agħar,Imma hu jieħu gost bi kliem pjaċevoli.
27 Min jagħmel qligħ diżonest iġib l-inkwiet* fuq in-nies taʼ daru stess,Imma min jobgħod it-tixħim se jibqaʼ jgħix.
28 Il-ġust jaħseb qabel ma jitkellem,*Imma dak mill-agħar jgħid affarijiet ħżiena bl-addoċċ.
29 Ġeħova huwa ’l bogħod min-nies mill-agħar,Imma hu jismaʼ t-talb tal-ġusti.
30 Tbissima ħelwa* tferraħ il-qalb;Rapport tajjeb hu inkuraġġanti.*
31 Il-korrezzjoni tistaʼ ssalva l-ħajjiet.
Min jismaʼ minnha se jsir għaref.
32 Kull min jirrifjuta d-dixxiplina jobgħod lil ħajtu,*Imma kull min jismaʼ mill-korrezzjoni jkun kapaċi jifhem.*
33 Min jirrispetta ħafna lil* Ġeħova se jitgħallem jaġixxi bl-għaqal,U jekk ikun umli se jiġi onorat.
Noti taʼ taħt
^ Jew “b’mod li jweġġaʼ.”
^ Jew “Kliem li jfejjaq.”
^ Letteralment “jgħaffeġ l-ispirtu.”
^ Jew “imwiddeb.”
^ Jew “iqis id-dixxiplina ħarxa.”
^ Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “f’Abaddon.”
^ Jew “Min iwaqqaʼ għaċ-ċajt.”
^ Jew “iwiddbu.”
^ Letteralment “Il-qalb li.”
^ Jew “ikun f’festa l-ħin kollu.”
^ Letteralment “tibżaʼ minn.”
^ Jew “konfuż.”
^ Jew “jekk ma jkunx hemm konsultazzjoni; jekk ma jkunx hemm diskors kunfidenzjali.”
^ Jew “Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “il-fruntiera.”
^ Jew “diżunur.”
^ Jew “jimmedita qabel ma jwieġeb; jikkunsidra sew qabel ma jwieġeb.”
^ Letteralment “Għajnejn ileqqu.”
^ Letteralment “iħaxxen l-għadam.”
^ Jew “lil ruħu.”
^ Jew “ikollu qalb għarfa.”
^ Letteralment “jibżaʼ minn.”