It-Tieni Kronaki 9:1-31
9 Issa r-reġina taʼ Xeba semgħet dwar il-fama li kellu Salamun, għalhekk marret Ġerusalemm biex tittestja l-għerf tiegħu b’mistoqsijiet diffiċli.* Magħha kien hemm ammont impressjonanti taʼ qaddejja, u iġmla jġorru żejt tal-balzmu, kwantità kbira taʼ deheb, u ħaġar prezzjuż. Hi daħlet għand Salamun u kellmitu fuq dak kollu li kien għal qalbha.
2 Imbagħad Salamun wieġeb il-mistoqsijiet kollha tagħha. Ma kien hemm xejn li kien diffiċli wisq* għalih biex jispjegalha.
3 Meta r-reġina taʼ Xeba rat l-għerf taʼ Salamun, id-dar li kien bena,
4 l-ikel fuq il-mejda tiegħu, kif il-qaddejja tiegħu kienu jpoġġu mal-mejda, is-servizz taʼ dawk li kienu jservu l-ikel u lbieshom, lil dawk li jservu x-xorb u lbieshom, u s-sagrifiċċji tal-ħruq li kien joffri regolarment fid-dar taʼ Ġeħova, hi baqgħet imbellha.*
5 Għalhekk qalet lir-re: “Dak li smajt f’pajjiżi dwar dak li għamilt* u dwar l-għerf tiegħek hu veru.
6 Iżda m’emmintx dak li smajt sakemm ġejt u rajt b’għajnejja. U lanqas biss kienu qaluli n-nofs dwar l-għerf kbir tiegħek. Dak li smajt ma jibdiex maʼ dak li rajt.
7 Ferħanin huma n-nies tiegħek u ferħanin huma l-qaddejja tiegħek li jkunu miegħek kuljum u jisimgħu l-għerf tiegħek!
8 Ħa jkun imfaħħar Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħa pjaċir bik u poġġiek fuq it-tron tiegħu bħala re inkarigat minnu. Peress li Ġeħova l-Alla tiegħek iħobb lill-Iżraelin u jridhom jibqgħu għal dejjem, hu inkarigak bħala re fuqhom biex tagħmel il-ġustizzja u tmexxi bis-sewwa.”
9 Imbagħad tat lir-re 120 talent* deheb, kwantità kbira taʼ żejt tal-balzmu, u ħaġar prezzjuż. Ħadd ma ta żejt tal-balzmu daqskemm tat ir-reġina taʼ Xeba lir-Re Salamun.
10 Iktar minn hekk, il-qaddejja taʼ Ħiram u l-qaddejja taʼ Salamun li kienu ħadu d-deheb minn Ofir, ħadu wkoll minn hemm injam tas-sandlu u ħaġar prezzjuż.
11 Mill-injam tas-sandlu, ir-re għamel taraġ għad-dar taʼ Ġeħova u għall-palazz tiegħu, kif ukoll arpi u strumenti tal-korda għall-kantanti. Fl-art taʼ Ġuda qatt ma deher injam bħalu.
12 Ir-Re Salamun ta lir-reġina taʼ Xeba kulma xtaqet u talbitu. Hu taha iktar milli* kienet ġabitlu hi. Imbagħad, hi telqet lura lejn pajjiżha flimkien mal-qaddejja tagħha.
13 U d-deheb li kien jasal għand Salamun f’sena kien jiżen 666 talent,
14 minbarra d-deheb u l-fidda li kienu jġibulu l-merkanti, in-negozjanti, ir-rejiet kollha tal-Għarab, u l-gvernaturi tal-pajjiż.
15 Ir-Re Salamun għamel 200 tarka kbira tad-deheb imħallat maʼ metall ieħor (kull tarka kien fiha 600 xekel* deheb)
16 u 300 tarka żgħira* tad-deheb imħallat maʼ metall ieħor (kull tarka żgħira kien fiha tliet miniet* deheb). Imbagħad ir-re qegħedhom fid-Dar tal-Foresta tal-Libanu.
17 Ir-re għamel ukoll tron kbir tal-avorju u ksieh bid-deheb pur.
18 Kien hemm sitt tarġiet għat-tron u miegħu kellu banketta tad-deheb, u maż-żewġt iġnub tiegħu kellu fejn iserraħ idejh, u kien hemm iljun fuq kull naħa.
19 U kien hemm 12-il iljun fuq is-sitt tarġiet, wieħed fuq kull tarf tas-sitt tarġiet. L-ebda saltna oħra ma kellha tron bħalu.
20 It-tazzi kollha tar-Re Salamun kienu tad-deheb, u kull ħaġa li kienet tintuża għall-ikel u x-xorb fid-Dar tal-Foresta tal-Libanu kienet tad-deheb pur. Ma kien hemm xejn tal-fidda, għax il-fidda fi żmien Salamun ma kienet tiswa xejn.
21 Għax ir-re kellu vapuri li jmorru Tarsis u li kienu jsuquhom il-qaddejja taʼ Ħiram. U darba kull tliet snin, il-vapuri taʼ Tarsis kienu jiġu mgħobbijin b’deheb u fidda, avorju, xadini, u paguni.
22 Għalhekk, ir-Re Salamun kellu iktar ġid u għerf mir-rejiet kollha tal-art.
23 U r-rejiet kollha tal-art kienu jipprovaw jiltaqgħu maʼ* Salamun biex jisimgħu l-għerf li kien tah l-Alla l-veru.
24 Kull sena, kull min iżuru kien jiħodlu rigal: oġġetti tal-fidda, oġġetti tad-deheb, ħwejjeġ, armi, żejt tal-balzmu, żwiemel, u bgħula.
25 U Salamun kellu 4,000 stalla għaż-żwiemel u għall-karrijiet u 12,000 żiemel,* u kien iżommhom fil-bliet għall-karrijiet u qribu f’Ġerusalemm.
26 Hu mexxa fuq is-saltniet kollha mix-Xmara* sal-art tal-Filistin u sal-fruntiera tal-Eġittu.
27 F’Ġerusalemm, ir-re għamel il-fidda abbundanti daqs il-ġebel, u l-injam taċ-ċedru daqs is-siġar tal-ġummajż* li hemm fis-Sefela.
28 U kienu jġibu ż-żwiemel għal Salamun mill-Eġittu u mill-artijiet l-oħrajn kollha.
29 Il-bqija tal-istorja kollha taʼ Salamun qiegħda fil-kitbiet taʼ Natan il-profeta, fil-profezija t’Aħija s-Siloni, u fir-rekords taʼ Iddo l-viżjonarju li kellu viżjonijiet dwar Ġerobogħam bin Nebat.
30 Salamun mexxa f’Ġerusalemm fuq Iżrael kollu għal 40 sena.
31 Imbagħad Salamun miet.* Għalhekk, difnuh fil-Belt taʼ David missieru u ibnu Reħobogħam sar re minfloku.
Noti taʼ taħt
^ Jew “taʼ taħbil il-moħħ.”
^ Letteralment “moħbi.”
^ Letteralment “ma kienx fadlilha spirtu fiha.”
^ Jew “kliemek.”
^ Jew forsi “Dan minbarra r-rigali li kienu tal-istess valur taʼ dak li.”
^ Din spiss kienet tintuża mill-arċieri.
^ Letteralment “ifittxu wiċċ.”
^ Jew “rikkieb taż-żwiemel.”
^ Jiġifieri l-Ewfrat.
^ Tip taʼ siġar tat-tin.
^ Letteralment “imtedd maʼ missirijietu.”

