It-Tieni Kronaki 16:1-14

  • Il-ftehim t’Asa mas-Sirja (1-6)

  • Ħanani jwiddeb lil Asa (7-10)

  • Imut Asa (11-14)

16  Fis-36 sena tat-tmexxija t’Asa, ir-Re Bagħsa t’Iżrael telaʼ kontra Ġuda u beda jibni* Rama biex ma jħalli lil ħadd joħroġ jew jidħol għand* ir-Re Asa taʼ Ġuda. 2  Għal dan, Asa ħareġ il-fidda u d-deheb mill-post fejn kienu jżommu t-teżori fid-dar taʼ Ġeħova u fil-palazz tiegħu u bagħathom lir-Re Ben-ħadad tas-Sirja, li kien jgħix Damasku, u qallu: 3  “Hemm ftehim* bejni u bejnek u bejn missieri u missierek. Jien qed nibgħatlek fidda u deheb. Ejja u ikser il-ftehim* mar-Re Bagħsa t’Iżrael, sabiex jitlaq minn hawn.” 4  Ben-ħadad semaʼ mir-Re Asa u bagħat lill-kapijiet tal-armati tiegħu kontra l-bliet t’Iżrael, u dawn rebħu lil Ijon, Dan, Abel-majm, u l-imħażen kollha tal-bliet taʼ Naftali. 5  Malli Bagħsa semaʼ b’dan, hu waqaf jibni* Rama u ma baqax jaħdem fuqha. 6  Imbagħad, ir-Re Asa ħa lin-nies taʼ Ġuda kollha, u huma ġarrew il-ġebel u l-injam taʼ Rama li Bagħsa kien qed jibni bihom, u użahom biex jibni* Geba u Mispa. 7  Dak iż-żmien Ħanani l-profeta* mar għand ir-Re Asa taʼ Ġuda u qallu: “Talli striħajt fuq ir-re tas-Sirja u mhux fuq Ġeħova l-Alla tiegħek, m’intix se tieħu taħt idejk l-armata tar-re tas-Sirja. 8  Ma kinux l-Etjopjani u l-Libjani armata kbira b’ħafna karrijiet u rikkieba taż-żwiemel? Imma talli striħajt fuq Ġeħova, tahomlok f’idejk. 9  Għax għajnejn Ġeħova qed iħarsu bir-reqqa lejn l-art kollha biex juri s-saħħa* tiegħu billi jgħin lil dawk li qalbhom hi sħiħa* lejh. Int aġixxejt taʼ iblah f’din il-ħaġa, u minn issa ’l quddiem ikollok il-gwerer.” 10  Madankollu, Asa ħassu offiż b’dak li qallu l-profeta u tefgħu l-ħabs,* għax kien irrabjat ħafna miegħu minħabba dan. Dik il-ħabta, Asa beda jaħqar lil xi wħud mill-poplu. 11  L-istorja kollha t’Asa hi miktuba fil-Ktieb tar-Rejiet taʼ Ġuda u t’Iżrael. 12  Fid-39 sena tat-tmexxija tiegħu, Asa qabditu marda f’saqajh u baqaʼ jiggrava, iżda lanqas meta kien marid ma fittex l-għajnuna taʼ Ġeħova. Minflok fittex l-għajnuna tat-tobba.* 13  Imbagħad, Asa miet fil-41 sena tat-tmexxija tiegħu. 14  Għalhekk, difnuh fil-post impressjonanti tad-dfin li hu ħaffer għalih stess fil-Belt taʼ David, u meddewh f’sodda li kienu mlew biż-żejt tal-balzmu u b’tipi differenti taʼ ingredjenti mħalltin f’ingwent speċjali. Barra minn hekk, għamlu ħuġġieġa kbira ħafna għall-funeral.*

Noti taʼ taħt

Jew “isaħħaħ; jerġaʼ jibni.”
Jew “fit-territorju taʼ.”
Jew “patt.”
Jew “il-patt.”
Jew “isaħħaħ; jerġaʼ jibni.”
Jew “isaħħaħ; jerġaʼ jibni.”
Letteralment “il-veġġent.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “l-appoġġ.”
Jew “hi devota għalkollox.”
Letteralment “fid-dar tal-qjud.”
Jew “taʼ dawk li kienu jfejqu.”
Milli jidher il-ħwawar ħarqu u mhux il-katavru t’Asa.