It-Tieni Kronaki 10:1-19

  • Iżrael jirribella kontra Reħobogħam (1-19)

10  Reħobogħam mar Sikem, għax Iżrael kollu kien mar hemm biex jagħmlu re. 2  Malli Ġerobogħam bin Nebat semaʼ b’dan, hu telaq mill-Eġittu (għax kien għadu jgħix hemm peress li kien ħarab minħabba r-Re Salamun). 3  Il-poplu bagħat għalih, u Ġerobogħam u Iżrael kollu marru għand Reħobogħam u qalulu: 4  “Missierek taqqal il-madmad tagħna. Imma jekk int tħaffef ix-xogħol iebes li qabbadna missierek u l-madmad tqil* li qiegħed fuqna, aħna naqduk.” 5  Għal dan hu qalilhom: “Ejjew għandi tlett ijiem oħra.” Għalhekk in-nies telqu. 6  Ir-Re Reħobogħam mar jieħu parir mingħand l-irġiel kbar fl-età* li kienu qdew lil missieru Salamun waqt li kien għadu ħaj, u qalilhom: “X’parir tagħtuni dwar kif inwieġeb lil dawn in-nies?” 7  Huma wiġbuh: “Jekk timxi tajjeb maʼ dawn in-nies, tikkuntentahom, u twiġibhom bil-kelma t-tajba, huma jkunu dejjem il-qaddejja tiegħek.” 8  Madankollu, hu injora l-parir li kienu tawh l-irġiel kbar fl-età,* u mar jieħu parir mingħand iż-żgħażagħ li trabbew miegħu u li kienu qed jaqduh. 9  Hu staqsiehom: “X’parir tagħtuni dwar kif inwieġbu lin-nies li qaluli biex inħaffef il-madmad li missieri qiegħed fuqhom?” 10  Iż-żgħażagħ li kienu trabbew miegħu qalulu: “Lin-nies li qalulek biex tħaffef il-madmad tqil taʼ missierek għidilhom hekk: ‘Is-subaʼ ż-żgħir tiegħi se jkun eħxen minn ġenbejn missieri. 11  Missieri għabba fuqkom madmad tqil, imma jien se nżid mal-madmad tagħkom. Missieri kkastigakom bil-frosti, imma jien se nikkastigakom bil-frosti bil-ponot.’” 12  Ġerobogħam u n-nies kollha marru għand Reħobogħam fit-tielet jum, peress li kien qalilhom biex jagħmlu hekk. 13  Imma r-re wiġibhom bl-aħrax. B’hekk, injora l-parir tal-irġiel kbar fl-età.* 14  Hu kellimhom skont il-parir taż-żgħażagħ, u qalilhom: “Jien se ntaqqal il-madmad tagħkom u se nżid miegħu. Missieri kkastigakom bil-frosti, imma jien se nikkastigakom bil-frosti bil-ponot.” 15  Għalhekk, ir-re ma semax min-nies, għax dan kien mill-Alla l-veru sabiex isir dak li Ġeħova kien qal lil Ġerobogħam bin Nebat permezz t’Aħija s-Siloni. 16  Peress li r-re ma riedx jismaʼ minnhom, l-Iżraelin wiġbuh: “X’sehem għandna maʼ David? Aħna m’għandniex wirt maʼ bin Ġesse! Mela ħa jmur kull wieħed lejn allatu, Iżrael! Issa aħseb għal darek int, David.” U l-Iżraelin marru lura lejn djarhom.* 17  Imma Reħobogħam baqaʼ jmexxi fuq l-Iżraelin li kienu jgħixu fil-bliet taʼ Ġuda. 18  Imbagħad ir-Re Reħobogħam bagħat b’inkarigu lil Adoram, li kien fuq dawk li kkmanda biex jaħdmu għalih, imma l-Iżraelin waddbulu l-ġebel sakemm miet. Ir-Re Reħobogħam irnexxielu jitlaʼ fuq il-karru biex jaħrab lejn Ġerusalemm. 19  U l-Iżraelin komplew jirribellaw kontra d-dar taʼ David sal-lum.

Noti taʼ taħt

Jew “taʼ moħqrija.”
Jew “l-anzjani.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “l-anzjani.”
Jew “l-anzjani.”
Letteralment “it-tined tagħhom.”