It-Tieni Kronaki 24:1-27

  • It-tmexxija taʼ Ġeħogħas (1-3)

  • Ġeħogħas jirrestawra t-tempju (4-14)

  • L-apostasija taʼ Ġeħogħas (15-22)

  • Ġeħogħas jiġi maqtul (23-27)

24  Ġeħogħas kellu seba’ snin meta sar re, u mexxa 40 sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Sibjah minn Bir-xeba. 2  Ġeħogħas għamel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova kemm dam ħaj il-qassis Ġeħojada. 3  Ġeħojada għażel żewġ nisa għal Ġeħogħas, u dan kellu subien u bniet. 4  Wara dan Ġeħogħas xtaq minn qalbu li jirrestawra d-dar taʼ Ġeħova. 5  Għalhekk, ġabar flimkien il-qassisin u l-Leviti u qalilhom: “Oħorġu fil-bliet taʼ Ġuda u iġbru l-flus mingħand Iżrael kollu biex minn sena għal sena ssewwu d-dar tal-Alla tagħkom. Aġixxu malajr fuq dan.” Imma l-Leviti m’aġixxewx malajr. 6  Għalhekk, ir-re għajjat lil Ġeħojada l-kap u qallu: “Għala ma tlabtx lil-Leviti jġibu minn Ġuda u Ġerusalemm it-taxxa sagra li Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova kkmanda li għandha tingħata, jiġifieri t-taxxa tal-kongregazzjoni t’Iżrael għat-tinda tat-Testimonjanza? 7  Għax it-tfal tal-mara mill-agħar Għatalija daħlu fid-dar tal-Alla l-veru, u użaw l-affarijiet qaddisin kollha tad-dar taʼ Ġeħova għall-Bagħalim.” 8  Imbagħad bil-kmand tar-re saret kaxxa u tpoġġiet barra ħdejn il-bieb tad-dar taʼ Ġeħova. 9  Imbagħad, għamlu avviż maʼ Ġuda u Ġerusalemm kollha biex lil Ġeħova jagħtuh it-taxxa sagra li Mosè kien ikkmanda li għandha tingħata mill-Iżraelin fid-deżert. 10  Il-kapijiet kollha u l-poplu kollu ferħu, u baqgħu jitfgħu l-kontribuzzjonijiet fil-kaxxa sakemm imtliet.* 11  Kull darba li l-Leviti kienu jieħdu l-kaxxa għand ir-re u jaraw li kien hemm ħafna flus fiha, is-segretarju tar-re u dak li kien jaqdi lill-qassis il-kbir kienu jmorru jbattluha, u mbagħad jerġgħu jiħduha f’postha. Hekk kienu jagħmlu minn jum għal jum, u ġabru ammont kbir taʼ flus. 12  Imbagħad ir-re u Ġeħojada kienu jagħtuhom lil dawk li jieħdu ħsieb ix-xogħol tas-servizz tad-dar taʼ Ġeħova, u dawn kienu jqabbdu nies li jaqtgħu l-ġebel u nies tas-sengħa biex jirrestawraw id-dar taʼ Ġeħova, kif ukoll nies li jaħdmu l-ħadid u r-ram biex isewwu d-dar taʼ Ġeħova. 13  U dawk li jieħdu ħsieb bdew ix-xogħol, u x-xogħol tat-tiswija baqaʼ miexi ’l quddiem taħt it-tmexxija tagħhom. Huma rrestawraw u ssodaw id-dar tal-Alla l-veru kif kienet qabel. 14  U malli kienu lesti, ħadu l-flus li kien fadal għand ir-re u għand Ġeħojada. Imbagħad, għamlu għodod għad-dar taʼ Ġeħova, għodod li jaqdu bihom, għodod għall-offerti, tazzi, u għodod tad-deheb u tal-fidda. Huma kienu joffru sagrifiċċji tal-ħruq fid-dar taʼ Ġeħova kuljum għal kemm dam ħaj Ġeħojada. 15  Ġeħojada miet xiħ u sodisfatt taʼ 130 sena. 16  Għalhekk, difnuh fil-Belt taʼ David flimkien mar-rejiet, għax kien għamel ħafna affarijiet tajbin għall-poplu t’Iżrael, għall-Alla l-veru, u għad-dar t’Alla. 17  Wara li miet Ġeħojada, il-kapijiet taʼ Ġuda daħlu ħdejn ir-re u mielu quddiemu, u r-re semaʼ minn dak li qalulu. 18  Huma abbandunaw id-dar taʼ Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom u bdew jaqdu lill-arbli sagri* u lill-idoli. B’hekk, Alla rrabja* maʼ Ġuda u Ġerusalemm minħabba d-dnub tagħhom. 19  Ġeħova baqaʼ jibagħtilhom il-profeti biex jiġbidhom lura lejh, u dawn baqgħu jwissuhom,* imma ma ridux jisimgħu. 20  L-ispirtu t’Alla niżel fuq* Żakkarija bin il-qassis Ġeħojada, u qam bilwieqfa ’l fuq min-nies u qalilhom: “Hekk jgħid l-Alla l-veru, ‘Għala qed tiksru l-kmandamenti taʼ Ġeħova? Mhux se tirnexxu! Talli tlaqtu lil Ġeħova, hu se jitlaq lilkom.’” 21  Imma huma kkonfoffaw kontrih u bil-kmand tar-re waddbulu l-ġebel fil-bitħa tad-dar taʼ Ġeħova sakemm miet. 22  Billi għamel hekk, ir-Re Ġeħogħas ma ftakarx l-imħabba u l-lealtà* li Ġeħojada kien wera miegħu, u qatillu lil ibnu Żakkarija, li waqt li kien qed imut qal: “Jalla Ġeħova jikkastigak għal dak li għamilt.” 23  Fil-bidu tas-sena,* l-armata Sirjana telgħet kontra Ġeħogħas, u dawn attakkaw lil Ġuda u Ġerusalemm. Imbagħad qerdu lill-kapijiet kollha tal-poplu, u kulma kellhom bagħtuh lir-re taʼ Damasku. 24  Għax għalkemm l-armata Sirjana kellha ftit suldati, Ġeħova għenhom jieħdu taħt idejhom armata kbira ħafna, għaliex in-nies taʼ Ġuda kienu telqu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom. B’hekk, is-Sirjani kkastigaw lil Ġeħogħas. 25  U meta telqu minn ħdejh (għax kienu weġġgħuh serjament*), il-qaddejja tiegħu stess ikkonfoffaw kontrih minħabba li kien qatel it-tfal* tal-qassis Ġeħojada. Huma qatluh fuq is-sodda tiegħu stess u difnuh fil-Belt taʼ David, imma mhux fil-post fejn jindifnu r-rejiet. 26  Dawk li kkonfoffaw kontrih kienu Żabad bin Simegħat l-Għammonija u Ġeħożabad bin Simrit il-Mowabija. 27  Il-kitbiet* dwar it-tfal tiegħu, id-dikjarazzjonijiet kontrih, u r-restawr tad-dar tal-Alla l-veru qegħdin fil-Ktieb tar-Rejiet. U ibnu Amażija sar re minfloku.

Noti taʼ taħt

Jew forsi “sakemm kulħadd kien ta.”
Letteralment “kien hemm ir-rabja.”
Jew “jixhdu kontrihom.”
Letteralment “libbes lil.”
Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “Meta qalbet is-sena.”
Jew “ħallewh b’ħafna mard.”
Jew “it-tifel.” Jistaʼ jkun li ntuża l-plural biex juri kemm Żakkarija kien apprezzat.
Jew “L-ispjegazzjoni fid-dettall.”