It-Tieni Kronaki 1:1-17

  • Salamun jitlob għall-għerf (1-12)

  • Il-ġid taʼ Salamun (13-17)

1  Is-saltna taʼ Salamun bin David baqgħet tissaħħaħ, u Ġeħova l-Alla tiegħu kien miegħu u hu sar importanti ħafna. 2  Salamun bagħat għal Iżrael kollu: il-kapijiet tal-eluf u tal-mijiet, l-imħallfin, u l-kapijiet kollha t’Iżrael, jiġifieri l-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier. 3  Imbagħad Salamun u l-kongregazzjoni kollha marru lejn il-post għall-qima f’Gibegħon, għax hemmhekk kien hemm it-tinda tal-laqgħa tal-Alla l-veru, li Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova kien għamel fid-deżert. 4  Madankollu, David kien tellaʼ l-Arka tal-Alla l-veru minn Kirjat-ġegħarim lejn il-post li kien ipprepara għaliha. Hu kien rama tinda għaliha f’Ġerusalemm. 5  U l-artal tar-ram li kien għamel Besalel bin Uri u n-neputi taʼ Ħur tpoġġa quddiem it-tabernaklu taʼ Ġeħova. Salamun u l-kongregazzjoni kienu jitolbu quddiemu.* 6  Salamun issa għamel offerti hemmhekk quddiem Ġeħova. Hu offra 1,000 offerta tal-ħruq fuq l-artal tar-ram tat-tinda tal-laqgħa. 7  Dak il-lejl Alla deher lil Salamun u qallu: “Itlobni dak li tixtieq.” 8  U Salamun wieġeb lil Alla: “Int urejt imħabba u lealtà* kbira maʼ missieri David, u lili għamiltni re minfloku. 9  Alla Ġeħova, issa ħa jsir bħalma int wegħedt lil missieri David, għax int għamiltni re fuq poplu daqs it-trab tal-art. 10  Agħtini l-għerf u l-għarfien biex immexxi lil* dan il-poplu, għax min jistaʼ jiġġudika lil dan il-poplu kbir tiegħek?” 11  Imbagħad Alla qal lil Salamun: “Peress li tixtieq dan minn qalbek u ma tlabtnix li ssir sinjur, u lanqas għall-ġid, l-unur, li jmutu dawk li jobogħduk, jew ħajja twila, imma tlabtni l-għerf u l-għarfien biex tiġġudika l-poplu tiegħi li fuqu għamiltek re, 12  se tingħata l-għerf u l-għarfien. Imma se nagħmlek ukoll sinjur u nagħtik ġid u unur li ebda re qablek ma kellu, u li ebda wieħed warajk ma jkollu.” 13  Għalhekk, Salamun telaq mill-post għall-qima li kien f’Gibegħon, minn quddiem it-tinda tal-laqgħa, lejn Ġerusalemm. Hu mexxa fuq Iżrael. 14  Salamun baqaʼ jżid mal-karrijiet u ż-żwiemel.* Hu kellu 1,400 karru u 12,000 żiemel,* u kien iżommhom fil-bliet għall-karrijiet u qribu f’Ġerusalemm. 15  F’Ġerusalemm, ir-re għamel il-fidda u d-deheb abbundanti daqs il-ġebel, u l-injam taċ-ċedru daqs is-siġar tal-ġummajż* li hemm fis-Sefela. 16  Iż-żwiemel għal Salamun kienu jġibuhom mill-Eġittu, u l-merkanti tar-re kienu jixtru gruppi taʼ żwiemel* bil-prezz li jkunu qed jinbiegħu. 17  Kull karru li kienu jġibu mill-Eġittu kien jiswa 600 biċċa tal-fidda, u żiemel kien jiswa 150. Imbagħad dawn kienu jintbagħtu lir-rejiet kollha tal-Ħittin u tas-Sirja.

Noti taʼ taħt

Jew “kienu jmorru ħdejh biex jistaqsu għall-gwida t’Alla.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “biex noħroġ u nidħol quddiem.”
Jew “ir-rikkieba taż-żwiemel.”
Jew “rikkieb taż-żwiemel.”
Tip taʼ siġar tat-tin.
Jew forsi “mill-Eġittu u minn Kuwi; il-merkanti tar-re kienu jixtruhom minn Kuwi,” li jistaʼ jirreferi għaċ-Ċiliċja.