It-Tieni Kronaki 19:1-11
19 Imbagħad ir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda mar lura qawwi u sħiħ* lejn il-palazz tiegħu f’Ġerusalemm.
2 Ġeħu bin Ħanani l-viżjonarju mar jiltaqaʼ miegħu u qallu: “Peress li tgħin lil min hu mill-agħar u tħobb lil dawk li jobogħdu lil Ġeħova, Ġeħova hu rrabjat ħafna miegħek.
3 Minkejja dan, Alla ra affarijiet tajbin fik, għaliex int qridt l-arbli sagri* mill-pajjiż u ppreparajt qalbek* biex tfittex lill-Alla l-veru.”
4 Ġeħosafat baqaʼ jgħix f’Ġerusalemm, u reġaʼ żar lin-nies minn Bir-xeba sar-reġjun muntanjuż t’Efrajm biex jiħodhom lura lejn Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom.
5 Ukoll, hu inkariga mħallfin mal-pajjiż kollu, f’kull belt iffortifikata taʼ Ġuda.
6 Hu qalilhom: “Oqogħdu attenti għal dak li qed tagħmlu, għaliex m’intomx tiġġudikaw għal bniedem imma għal Ġeħova, u hu jkun magħkom meta tiġġudikaw.
7 Issa ibżgħu minn Ġeħova u oqogħdu attenti għal dak li tagħmlu, għax maʼ Ġeħova l-Alla tagħna m’hemmx inġustizzja, preferenzi, u lanqas korruzzjoni.”
8 Anki f’Ġerusalemm, Ġeħosafat inkariga xi wħud mil-Leviti, mill-qassisin, u mill-kapijiet tal-familji t’Iżrael min-naħa tal-missier biex jiġġudikaw f’isem Ġeħova u jissetiljaw kawżi legali għan-nies taʼ Ġerusalemm.
9 Hu kkmandahom: “Fix-xogħol li tagħmlu, għandkom tirrispettaw ħafna lil* Ġeħova, tkunu leali, u jkollkom qalb sħiħa.*
10 Kull meta ħutkom li jgħixu fi bliet oħra jġibu kawża legali li tinvolvi qtil jew mistoqsija dwar il-liġi, il-kmandamenti, ir-regoli, jew id-deċiżjonijiet ġudizzjali, għandkom twissuhom biex ma jsirux ħatja quddiem Ġeħova. Inkella hu jirrabja magħkom u maʼ ħutkom. Hekk għandkom tagħmlu sabiex ma tkunux ħatja.
11 Amarija l-qassis il-kbir hu fuqkom għal kull ħaġa li għandha x’taqsam maʼ Ġeħova. Żebadija bin Ismagħel hu l-mexxej tad-dar taʼ Ġuda għal kull ħaġa li għandha x’taqsam mar-re. U l-Leviti se jaqdu bħala uffiċjali għalikom. Kunu sodi u aġixxu, u jalla Ġeħova jkun maʼ dawk li jagħmlu t-tajjeb.”*
Noti taʼ taħt
^ Jew “fil-paċi.”
^ Jew “qalbek hi determinata.”
^ Letteralment “tibżgħu minn.”
^ Jew “devota għalkollox.”
^ Jew “maʼ dak li hu tajjeb.”

