It-Tieni Kronaki 12:1-16

  • Sisak jattakka lil Ġerusalemm (1-12)

  • Tispiċċa t-tmexxija taʼ Reħobogħam (13-16)

12  Malli Reħobogħam issoda u s-saltna tiegħu ssaħħet, hu telaq il-Liġi taʼ Ġeħova, u Iżrael kollu għamel bħalu. 2  Fil-ħames sena tat-tmexxija tar-Re Reħobogħam, ir-Re Sisak tal-Eġittu telaʼ kontra Ġerusalemm, għax huma ma kinux leali lejn Ġeħova. 3  Hu kellu 1,200 karru, 60,000 rikkieb taż-żwiemel, u ammont kbir taʼ suldati Libjani, Sukkijin, u Etjopjani li ħarġu miegħu mill-Eġittu. 4  Hu ħa taħt idejh il-bliet iffortifikati taʼ Ġuda u fl-aħħar wasal Ġerusalemm. 5  Il-profeta Semajja mar għand Reħobogħam u l-kapijiet taʼ Ġuda li kienu nġabru Ġerusalemm minħabba Sisak, u qalilhom: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Jien tlaqtkom f’idejn Sisak għax intom tlaqtuni.’” 6  Għal dan, il-kapijiet t’Iżrael u r-re umiljaw ruħhom u qalu: “Ġeħova hu ġust.” 7  Meta Ġeħova ra li kienu umiljaw ruħhom, Ġeħova qal lil Semajja: “Huma umiljaw ruħhom. M’iniex se neqridhom, u daqt se nsalvahom. Mhux se nuża lil Sisak biex nuri r-rabja tiegħi lejn Ġerusalemm. 8  Imma huma jsiru qaddejja tiegħu, sabiex ikunu jafu d-differenza bejn li jaqdu lili u li jaqdu lir-rejiet* t’artijiet oħra.” 9  Għalhekk, ir-Re Sisak tal-Eġittu telaʼ kontra Ġerusalemm. Hu ħa t-teżori tad-dar taʼ Ġeħova u t-teżori tal-palazz tar-re. Kollox ħa, inkluż it-tarki tad-deheb li kien għamel Salamun. 10  Għalhekk, ir-Re Reħobogħam għamel tarki tar-ram minflokhom, u fdahom f’idejn il-kapijiet tal-gwardji,* li kienu joqogħdu għassa mal-bieb tal-palazz tiegħu. 11  Kull meta r-re kien imur id-dar taʼ Ġeħova, il-gwardji kienu jmorru miegħu u jġorruhom. Imbagħad kienu jiħduhom lura fil-kamra tal-gwardji. 12  Peress li r-re umilja ruħu, Ġeħova ma baqax irrabjat miegħu, u ma qeridx lilu u l-poplu tiegħu għalkollox. Barra minn hekk, kien hemm xi nies li kienu qed jagħmlu affarijiet tajbin f’Ġuda. 13  Ir-Re Reħobogħam saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu f’Ġerusalemm u baqaʼ jmexxi. Hu kellu 41 sena meta sar re, u dam imexxi 17-il sena f’Ġerusalemm, il-belt li Ġeħova kien għażel mit-tribujiet kollha t’Iżrael biex iqiegħed ismu. Omm ir-re kienet Nagħma l-Għammonija. 14  Imma hu għamel dak li hu ħażin, għax ma kienx determinat f’qalbu li jfittex lil Ġeħova. 15  L-istorja kollha taʼ Reħobogħam qiegħda fil-kitbiet taʼ Semajja l-profeta u Iddo l-viżjonarju li qegħdin fir-rekords tal-linja ġenealoġika. U l-gwerer bejn Reħobogħam u Ġerobogħam ma waqfux. 16  Imbagħad Reħobogħam miet u ndifen fil-Belt taʼ David, u ibnu Abija sar re minfloku.

Noti taʼ taħt

Letteralment “lis-saltniet.”
Letteralment “tal-ġerrejja.”