It-Tieni Kronaki 4:1-22

  • L-artal, il-vaska kbira li ssemmiet il-Baħar, u l-vaski (1-6)

  • Il-gandlieri, l-imwejjed, u l-btieħi (7-11a)

  • Jitlestew l-affarijiet għat-tempju (11b-22)

4  Imbagħad għamel l-artal tar-ram twil 20 kubitu, wiesaʼ 20 kubitu, u għoli għaxar kubiti. 2  Hu għamel vaska kbira minn metall imdewweb li ssemmiet il-Baħar. Din kienet tonda u kienet għaxar kubiti minn xifer sa xifer u l-għoli tagħha kien ħames kubiti. Il-qies tad-dawra kien 30 kubitu.* 3  U taħt ix-xifer kien imżejjen bi frott tond żgħir, għaxra f’kull kubitu madwar il-Baħar kollu. Il-frott tond żgħir kien f’żewġ ringieli u maħdum biċċa waħda miegħu. 4  Dan kien fuq 12-il barri, tlieta jħarsu lejn it-Tramuntana, tlieta jħarsu lejn il-Punent, tlieta jħarsu lejn in-Nofsinhar, u tlieta jħarsu lejn il-Lvant. Il-Baħar kien iserraħ fuqhom, u n-naħa taʼ wara tagħhom kienet lejn in-nofs. 5  U l-ħxuna tiegħu kienet daqs wisaʼ taʼ id;* u x-xifer tiegħu kien maħdum bħax-xifer taʼ tazza, bħal ġilju qed jiftaħ. Dan kien jesaʼ 3,000 bat* ilma. 6  Barra minn hekk, għamel għaxar vaski biex jaħslu u jlaħalħu fihom l-affarijiet li kellhom x’jaqsmu mal-offerta tal-ħruq. Hu poġġiehom ħamsa fuq il-lemin u ħamsa fuq ix-xellug tad-dar. Imma l-ilma tal-Baħar kienu jużawh il-qassisin biex jinħaslu. 7  Imbagħad għamel għaxar gandlieri tad-deheb, skont id-dettalji taʼ kif kellhom ikunu, u poġġiehom fit-tempju, ħamsa fuq il-lemin u ħamsa fuq ix-xellug. 8  Hu għamel ukoll għaxar imwejjed u qegħedhom fit-tempju, ħamsa fuq il-lemin u ħamsa fuq ix-xellug, u 100 skutella tad-deheb. 9  Imbagħad għamel il-bitħa tal-qassisin, il-bitħa l-kbira, u l-bibien tagħhom, u l-bibien ksiehom bir-ram. 10  U l-Baħar poġġieh fuq in-naħa tal-lemin tad-dar, lejn ix-Xlokk. 11  Ħiram għamel ukoll ir-reċipjenti għall-irmied, il-pali, u l-iskutelli. Għalhekk, Ħiram lesta x-xogħol li tah ir-Re Salamun għad-dar tal-Alla l-veru. 12  Hu għamel iż-żewġ kolonni u l-partijiet imżejnin forma taʼ skutelli li kienu fuqhom; iż-żewġ xbieki tar-ram biex jiksu l-partijiet imżejnin forma taʼ skutelli li kienu fuq il-kolonni; 13  l-400 rummiena għaż-żewġ xbieki, żewġ ringieli rummien għal kull xibka biex jiksu ż-żewġ partijiet imżejnin taʼ fuq il-kolonni; 14  l-għaxar karrijiet* u l-għaxar vaski taʼ fuqhom; 15  il-Baħar u t-12-il barri taʼ taħtu; 16  u r-reċipjenti għall-irmied, il-pali, il-frieket, u l-għodod l-oħrajn li Ħiram-abiv għamel mir-ram illostrat għar-Re Salamun għad-dar taʼ Ġeħova. 17  Ir-re għamilhom minn metall imdewweb f’forom tat-tafal fid-distrett tal-Ġordan, bejn Sukkot u Saretan. 18  Salamun għamel kwantità kbira minn dawn l-għodod kollha. Il-piż tar-ram baqaʼ mhux magħruf. 19  Salamun għamel l-għodod kollha għad-dar tal-Alla l-veru: l-artal tad-deheb; l-imwejjed għall-ħobż tal-preżenza; 20  il-gandlieri u l-lampi tagħhom tad-deheb pur, biex jinxtegħlu quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett skont il-bżonn; 21  il-fjuri, il-lampi, u l-għodod li jitfu l-ftila bihom li kienu kollha mill-iktar deheb pur; 22  l-għodod li jittrimmjaw u jitfu l-ftila bihom, l-iskutelli, it-tazzi, ir-reċipjenti għall-ġamar li kienu kollha tad-deheb pur; id-daħla tad-dar, il-bibien taʼ ġewwa tagħha għall-Iktar Qaddis, u l-bibien tad-dar tat-tempju li kienu kollha tad-deheb.

Noti taʼ taħt

Jew “Kien hemm bżonn ħabel taʼ 30 kubitu biex idur miegħu dawramejt.”
Madwar 7.4 ċentimetri. Ara App. B14.
Bat kien daqs 22 litru. Ara App. B14.
Jew “karettuni għall-ilma.”