It-Tieni Kronaki 18:1-34
18 Ġeħosafat kellu ħafna ġid u glorja, imma hu sar ħabib m’Aħab billi ħalla lil xi ħadd mill-familja tiegħu jiżżewweġ lil xi ħadd mill-familja t’Aħab.
2 Għalhekk, snin wara niżel is-Samarija għand Aħab. Aħab offra ħafna nagħaġ u baqar għalih u għan-nies li kienu miegħu, u ħajru biex jitlaʼ jattakka Ramot-gilegħad.
3 Imbagħad, ir-Re Aħab t’Iżrael qal lir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda: “Tiġi miegħi f’Ramot-gilegħad?” Wieġbu: “Jien niġi miegħek bin-nies tiegħi u ngħinuk fil-gwerra.”
4 Imma Ġeħosafat qal lil Aħab: “Jekk jogħġbok, l-ewwel staqsi x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova dwar dan.”
5 Għalhekk, ir-re t’Iżrael ġabar lill-profeti flimkien, 400 raġel, u staqsiehom: “Għandi mmur għall-gwerra kontra Ramot-gilegħad jew le?” Huma qalulu: “Mur, u l-Alla l-veru jagħtiha f’idejk.”
6 Imbagħad Ġeħosafat qal: “La hawn profeta taʼ Ġeħova, ejja nistaqsu permezz tiegħu wkoll.”
7 Għal dan, ir-Re Aħab t’Iżrael qallu: “Għad fadal raġel ieħor li permezz tiegħu nistgħu nistaqsu x’inhi l-gwida taʼ Ġeħova; imma jien nobogħdu għax qatt ma jipprofetizza affarijiet tajbin dwari. Hu Mikaja bin Imla.” Madankollu, Ġeħosafat qal: “M’għandekx tgħid xi ħaġa bħal din re.”
8 Għalhekk, ir-Re Aħab t’Iżrael għajjat uffiċjal tal-palazz u qallu: “Ġib malajr lil Mikaja bin Imla.”
9 Issa r-re t’Iżrael u Ġeħosafat ir-re taʼ Ġuda kienu bilqiegħda fuq it-tron tagħhom, lebsin ħwejjeġ tar-rejiet. Huma kienu fil-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali,* fid-daħla tal-bieb tas-Samarija, u l-profeti kollha kienu qed jipprofetizzaw quddiemhom.
10 Imbagħad Sedekija bin Kengħana għamel qrun tal-ħadid u qal: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘B’dawn se tweġġaʼ serjament* lis-Sirjani sakemm teqridhom għalkollox.’”
11 Il-profeti l-oħrajn kollha bdew jipprofetizzaw bl-istess mod billi jgħidu: “Itlaʼ Ramot-gilegħad u tirnexxi. Ġeħova se jagħtiha f’idejk.”
12 Għalhekk, il-messaġġier li mar jgħajjat lil Mikaja qallu: “Il-profeti kollha qed jitkellmu favur ir-re. Jekk jogħġbok, ħa jkun dak li tgħid bħal tagħhom, u tkellem favur ir-re.”
13 Imma Mikaja qal: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li se ngħid dak li jgħid l-Alla tiegħi.”
14 Imbagħad daħal għand ir-re, u dan staqsieh: “Mikaja, għandna mmorru Ramot-gilegħad għall-gwerra jew le?” Minnufih wieġbu: “Itlaʼ u tirnexxi, din se tingħata f’idejk.”
15 Għal dan ir-re qallu: “Kemm-il darba rrid inġiegħlek taħlef biex tgħidli biss il-verità f’isem Ġeħova?”
16 Għalhekk Mikaja qallu: “Qed nara lill-Iżraelin kollha mxerrdin fuq il-muntanji, bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. Ġeħova qal: ‘Dawn m’għandhomx sid. Ħallihom imorru lura lejn darhom fil-paċi.’”
17 Imbagħad ir-Re Aħab t’Iżrael qal lil Ġeħosafat: “M’għedtlekx li qatt ma jipprofetizza affarijiet tajbin dwari?”
18 Mikaja mbagħad qal: “Issa ismaʼ dak li jgħid Ġeħova. Jien rajt lil Ġeħova bilqiegħda fuq it-tron tiegħu u l-armata kollha tas-sema fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu.
19 Wara Ġeħova qal, ‘Min se jidħaq bir-Re Aħab t’Iżrael, sabiex jitlaʼ u jmut f’Ramot-gilegħad?’ U min beda jgħid ħaġa u min oħra.
20 Imbagħad, anġlu* minnhom resaq u qagħad quddiem Ġeħova u qal, ‘Jien nidħaq bih.’ Ġeħova staqsieh, ‘Kif?’
21 Wieġbu, ‘Immur u nġiegħel il-profeti tiegħu jigdbu.’ Għalhekk qal, ‘Se tidħaq bih, iva, se jirnexxilek. Mur agħmel hekk.’
22 U issa Ġeħova ħalla lil dan l-anġlu jġiegħel lil dawn il-profeti kollha jigdbulek, għax fir-realtà Ġeħova ddeċieda li jġib il-gwaj fuqek.”
23 Issa Sedekija bin Kengħana resaq u ta daqqa taʼ ħarta lil Mikaja u qallu: “U int taħseb li l-anġlu taʼ Ġeħova telaq mingħandi biex jiġi jitkellem miegħek?”
24 Mikaja wieġbu: “Dakinhar li tidħol fil-kamra taʼ ġewwa nett biex tinħeba se tkun ċert minn dan.”
25 Imbagħad ir-Re Aħab t’Iżrael qal: “Ħu lil Mikaja u agħtih lil Amon il-kap tal-belt u lil Ġowas bin ir-re.
26 Għidilhom, ‘Hekk jgħid ir-re: “Lil dan itfgħuh il-ħabs u agħtuh inqas ħobż u ilma mis-soltu sakemm niġi lura fil-paċi.”’”
27 Imma Mikaja qal: “Jekk terġaʼ lura fil-paċi, mela Ġeħova ma kellimnix.” Imbagħad żied: “Ftakar dan poplu kollu.”
28 Għalhekk, Aħab ir-re t’Iżrael u Ġeħosafat ir-re taʼ Ġuda telgħu Ramot-gilegħad.
29 Issa r-re t’Iżrael qal lil Ġeħosafat: “Jien se nilbes b’mod li ma nintgħarafx u noħroġ għall-battalja, imma int ilbes il-ħwejjeġ tiegħek taʼ re.” Għalhekk, ir-re t’Iżrael biddel u huma marru għall-battalja.
30 Issa r-re tas-Sirja kien ikkmanda lill-kapijiet tal-karrijiet tiegħu: “Tiġġieldu maʼ ħadd, la mas-suldati u lanqas mal-uffiċjali, ħlief mar-Re Aħab t’Iżrael.”
31 U malli l-kapijiet tal-karrijiet raw lil Ġeħosafat, huma qalu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan hu r-re t’Iżrael.” Għalhekk, marru biex jiġġildulu, u Ġeħosafat beda jgħajjat għall-għajnuna, u Ġeħova għenu. Alla minnufih begħedhom minnu.
32 Meta l-kapijiet tal-karrijiet indunaw li ma kienx ir-re t’Iżrael, huma telqu minn warajh mill-ewwel.
33 Imma raġel spara l-qaws tiegħu bl-addoċċ* u laqat lir-Re Aħab t’Iżrael bejn il-biċċiet imrikkbin tal-kurazza. Għalhekk, ir-re qal lis-sewwieq tal-karru tiegħu: “Dawwar u oħroġni mill-battalja,* għax ġejt imweġġaʼ serjament.”
34 Il-battalja baqgħet tiħrax dakinhar, u r-re kellu jinżamm bilwieqfa fil-karru, faċċata tas-Sirjani sa filgħaxija. Hu miet waqt li kienet nieżla x-xemx.
Noti taʼ taħt
^ Jew “fil-qiegħa tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “timbotta.”
^ Letteralment “spirtu.”
^ Jew “bla ħsieb taʼ xejn.”
^ Letteralment “mill-kampijiet.”