It-Tieni Kronaki 15:1-19

  • Asa jagħmel bidliet għat-tajjeb fil-pajjiż (1-19)

15  Issa l-ispirtu t’Alla ġie fuq Għażarija bin Għoded. 2  Għalhekk, mar jiltaqaʼ m’Asa u qallu: “Isimgħuni, Asa u intom in-nies kollha taʼ Ġuda u Benjamin! Ġeħova jkun magħkom sakemm intom tibqgħu miegħu, u jekk tfittxuh, iħallikom issibuh, imma jekk titilquh, jitlaqkom. 3  Għal żmien twil, l-Iżraelin ma qdewx lill-Alla l-veru, ma kellhomx qassisin jgħallmuhom, u ma kinux jobdu l-liġi. 4  Imma meta kienu mdejqin u reġgħu lura lejn Ġeħova l-Alla tagħhom u fittxewh, hu ħalliehom isibuh. 5  F’dawk iż-żminijiet, kien perikoluż li wieħed jivvjaġġa,* għax kien hemm ħafna inkwiet fl-artijiet kollha. 6  Poplu kien qed jeqred poplu ieħor, u belt kienet qed teqred belt oħra, għax Alla ġegħelhom ikunu f’konfużjoni b’kull tip taʼ diffikultà. 7  Imma intom kunu sodi u taqtgħux qalbkom,* għax se tiġu ppremjati għal dak li qed tagħmlu.” 8  Malli Asa semaʼ l-kliem t’Għażarija u l-profezija tal-profeta Għoded, għamel il-kuraġġ u neħħa l-idoli moqżieża mill-art kollha taʼ Ġuda u Benjamin u mill-bliet li kien rebaħ mir-reġjun muntanjuż t’Efrajm. Ukoll, sewwa l-artal taʼ Ġeħova li kien quddiem l-intrata tad-dar taʼ Ġeħova. 9  Hu ġabar lin-nies kollha taʼ Ġuda u Benjamin u lir-residenti barranin li kien hemm magħhom minn Efrajm, Manasse, u Simegħon. Għax ħafna kienu telqu minn Iżrael u ngħaqdu miegħu meta raw li Ġeħova l-Alla tiegħu kien miegħu. 10  Għalhekk, inġabru f’Ġerusalemm fit-tielet xahar tal-15-il sena tat-tmexxija t’Asa. 11  Dakinhar lil Ġeħova ssagrifikawlu 700 baqra u 7,000 nagħġa minn dak li kienu ħadu. 12  Iżjed minn hekk, huma għamlu patt li se jfittxu lil Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom b’qalbhom u b’ruħhom* kollha. 13  Kull min ma kienx se jfittex lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael kien se jinqatel, sew jekk kien żgħir, kbir, raġel, jew mara. 14  Għalhekk, ħalfu lil Ġeħova b’leħen għoli, b’għajjat taʼ ferħ, u bid-daqq tat-trumbetti u l-qrun. 15  In-nies taʼ Ġuda kollha ferħu minħabba l-ħalfa għax din għamluha b’qalbhom kollha, u lil Alla fittxewh bil-ħeġġa. B’hekk Alla ħalliehom isibuh. Ġeħova kompla jagħtihom il-mistrieħ mill-għedewwa kollha taʼ madwarhom. 16  Ir-Re Asa neħħa wkoll lil nanntu Magħka mill-pożizzjoni li kellha,* għax kienet għamlet idolu moqżież għall-qima tal-arblu sagru.* Asa qaċċat l-idolu moqżież tagħha, farrku, u ħarqu fil-Wied taʼ Kidron. 17  Imma l-postijiet għall-qima ma tneħħewx minn Iżrael. Minkejja dan, Asa qeda lil Alla b’qalb sħiħa* tul ħajtu kollha. 18  Hu daħħal fid-dar tal-Alla l-veru l-affarijiet li qaddsu hu u missieru. Dawn kienu fidda, deheb, u diversi għodod. 19  U ma kienx hemm gwerer sal-35 sena tat-tmexxija t’Asa.

Noti taʼ taħt

^ Letteralment “ma kienx hemm paċi għal min joħroġ jew għal min jidħol.”
^ Letteralment “tħallux idejkom jintelqu.”
^ Jew “minn reġina omm.”
^ Jew “devota għalkollox.”