It-Tieni Kronaki 22:1-12
22 Imbagħad, in-nies taʼ Ġerusalemm għamlu lit-tifel iż-żgħir tiegħu Aħażija re minfloku, għax ħutu li kienu akbar minnu nqatlu mill-grupp ħallelin li marru mal-Għarab fil-kampijiet. Għalhekk, Aħażija bin Ġeħoram sar re taʼ Ġuda.
2 Aħażija kellu 22 sena meta sar re, u dam imexxi sena f’Ġerusalemm. Ommu kienet Għatalija u nannuha kien* Għomri.
3 Dan ukoll għamel bħal dawk taʼ dar Aħab, għax ommu kienet dik li tagħtih il-pariri biex jagħmel il-ħażin.
4 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħal dawk taʼ dar Aħab, għax wara li miet missieru huma bdew jagħtuh il-pariri u wassluh biex jinqered.
5 Hu ħa l-pariri tagħhom u mar maʼ Ġeħoram bin ir-Re Aħab t’Iżrael biex jiġġieled kontra r-Re Ħażagħel tas-Sirja f’Ramot-gilegħad. Hemm l-arċieri weġġgħu serjament lil Ġeħoram.
6 Hu reġaʼ lura Ġeżragħel biex ifiq mill-feriti li kienu għamlulu f’Rama meta ġġieled kontra r-Re Ħażagħel tas-Sirja.
Aħażija* bin ir-Re Ġeħoram taʼ Ġuda niżel Ġeżragħel biex jara lil Ġeħoram bin Aħab għax kien weġġaʼ serjament.*
7 Imma kien Alla li ġiegħel lil Aħażija jmur għand Ġeħoram u din iż-żjara wasslitu biex imut. Meta mar, hu ħareġ maʼ Ġeħoram biex jiltaqaʼ maʼ Ġeħu, li nannuh kien* Nimsi, u li Ġeħova kien inkarigah* biex jeqred lil dar Aħab.
8 Meta Ġeħu beda jiġġudika lil dar Aħab, hu sab u qatel il-kapijiet taʼ Ġuda u n-neputijiet t’Aħażija li kienu jaqdu lil Aħażija.
9 Imbagħad Ġeħu fittex lil Aħażija, u l-irġiel tiegħu qabduh minn fejn kien mistoħbi fis-Samarija, u ħaduh għand Ġeħu. Imbagħad qatluh u difnuh, għax qalu: “Nannuh hu Ġeħosafat, li fittex lil Ġeħova b’qalbu kollha.” Ma kien hemm ħadd minn dar Aħażija li kellu l-qawwa li jmexxi.
10 Meta Għatalija, omm Aħażija, rat li binha miet, hi pprovat teqred il-linja kollha tar-re taʼ dar Ġuda.
11 Madankollu, Ġeħosabegħat bint ir-re serqet lil Ġeħogħas bin Aħażija minn fost it-tfal tar-re li kienu se jinqatlu, u żammet lilu u lil dik li kienet tieħu ħsiebu fil-kamra tas-sodda taʼ ġewwa. Ġeħosabegħat bint ir-Re Ġeħoram (mart il-qassis Ġeħojada u oħt Aħażija) irnexxielha żżommu moħbi minn Għatalija, u b’hekk ma qatlitux.
12 Hu baqaʼ magħhom sitt snin moħbi fid-dar tal-Alla l-veru, waqt li Għatalija kienet qed tmexxi fuq il-pajjiż.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “it-tifla taʼ.”
^ F’xi manuskritti Ebrajċi jissejjaħ “Għażarija.”
^ Jew “kien marid.”
^ Letteralment “it-tifel taʼ.”
^ Letteralment “dilku.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.

