Numri 3:1-51

  • It-tfal t’Aron (1-4)

  • Il-Leviti magħżulin biex jagħtu servizz (5-39)

  • Il-ħelsien taʼ dawk li twieldu l-ewwel (40-51)

3  Issa dawn kienu l-familji* t’Aron u taʼ Mosè dakinhar li Ġeħova kellem lil Mosè fuq il-Muntanja Sinaj. 2  Dawn kienu l-ismijiet tat-tfal t’Aron: Nadab l-ewwel imwieled, Abiħu, Elegħażar, u Itamar. 3  Dawn kienu l-ismijiet tat-tfal t’Aron, il-qassisin magħżulin* li ġew inkarigati* biex jaqdu bħala qassisin. 4  Iżda Nadab u Abiħu mietu quddiem Ġeħova meta offrew nar ipprojbit quddiem Ġeħova fid-deżert tas-Sinaj, u huma ma kellhomx tfal. Imma Elegħażar u Itamar komplew jaqdu bħala qassisin flimkien maʼ missierhom Aron. 5  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 6  “Ressaq it-tribù taʼ Levi quddiem Aron il-qassis biex jgħinuh. 7  Huma għandhom jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tiegħu u tal-ġemgħa kollha quddiem it-tinda tal-laqgħa billi jagħmlu s-servizz tagħhom li għandu x’jaqsam mat-tabernaklu. 8  Iridu jieħdu ħsieb l-għodod kollha tat-tinda tal-laqgħa u jieħdu ħsieb is-servizzi li għandhom x’jaqsmu mat-tabernaklu għall-Iżraelin. B’hekk ikunu qed jagħmlu r-responsabbiltajiet tagħhom. 9  Agħti l-Leviti lil Aron u lit-tfal tiegħu. Huma inkarigati minn fost l-Iżraelin biex jgħinuh. 10  Għandek tinkariga lil Aron u lit-tfal tiegħu, u dawn iridu jagħmlu d-dmirijiet tagħhom bħala qassisin. Kwalunkwe individwu mhux awtorizzat* li jersaq qrib għandu jinqatel.” 11  Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 12  “Jien se nieħu l-Leviti minn fost l-Iżraelin minflok l-ewwel imweldin* kollha tal-Iżraelin, u l-Leviti jsiru tiegħi. 13  Għax kull l-ewwel imwieled hu tiegħi. Dakinhar li qtilt lil kull l-ewwel imwieled fl-art tal-Eġittu, qaddist għalija stess lil kull l-ewwel imwieled f’Iżrael minn bniedem sa bhima. Dawn għandhom isiru tiegħi. Jien Ġeħova.” 14  Ġeħova kompla jkellem lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj u jgħidlu: 15  “Irreġistra lit-tfal taʼ Levi skont dar missirijiethom u skont il-familji tagħhom. Għandek tirreġistra lil kull individwu maskil minn xahar ’il fuq.” 16  Allura Mosè rreġistrahom bħalma kien ikkmandah Ġeħova. 17  It-tfal taʼ Levi kienu Gerson, Keħat, u Merari. 18  It-tfal taʼ Gerson skont il-familji tagħhom kienu Libni u Simgħi. 19  It-tfal taʼ Keħat skont il-familji tagħhom kienu Għamram, Isħar, Ħebron, u Użżijel. 20  It-tfal taʼ Merari skont il-familji tagħhom kienu Maħli u Musi. Dawn kienu l-familji tal-Leviti skont dar missirijiethom. 21  Minn Gerson ħarġet il-familja tal-Libnin u tas-Simgħin. Dawn kienu l-familji tal-Gersonin. 22  L-ammont taʼ dawk kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq li ġew irreġistrati kien 7,500. 23  Il-familji tal-Gersonin kienu kkampjati wara t-tabernaklu lejn il-Punent. 24  Il-kap tal-familja min-naħa tal-missier għall-Gersonin kien Eljasaf bin Lagħel. 25  Ir-responsabbiltà tat-tfal taʼ Gerson fit-tinda tal-laqgħa kienet li jieħdu ħsieb it-tabernaklu u t-tinda, l-materjali li jgħattuha bih, il-purtiera tad-daħla tat-tinda tal-laqgħa, 26  il-purtieri mdendlin tal-bitħa, il-purtiera tad-daħla tal-bitħa li hi madwar it-tabernaklu u l-artal, il-ħbula tat-tinda tiegħu, u s-servizz kollu li għandu x’jaqsam maʼ dawn l-affarijiet. 27  Minn Keħat ħarġet il-familja tal-Għamramin, tal-Isħarin, tal-Ħebronin, u tal-Użżijelin. Dawn kienu l-familji tal-Keħatin. 28  L-ammont taʼ dawk kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq kien 8,600. Huma kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb il-post qaddis. 29  Il-familji tat-tfal taʼ Keħat ikkampjaw fuq in-naħa tan-Nofsinhar tat-tabernaklu. 30  Il-kap tal-familja min-naħa tal-missier għall-familji tal-Keħatin kien Elisafan bin Użżijel. 31  Huma kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb l-Arka, il-mejda, il-gandlier, l-artali, l-għodod li jintużaw biex jaqdu fil-post qaddis, il-purtiera tad-daħla, u s-servizz kollu li għandu x’jaqsam maʼ dawn l-affarijiet. 32  Il-kap il-kbir tal-Leviti kien Elegħażar bin Aron il-qassis. Hu kien fuq dawk li jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-post qaddis. 33  Minn Merari ħarġet il-familja tal-Maħlin u tal-Musin. Dawn kienu l-familji taʼ Merari. 34  L-ammont taʼ dawk kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq kien 6,200. 35  Il-kap tal-familja min-naħa tal-missier għall-familji taʼ Merari kien Surjel bin Abiħajl. Dawn kienu kkampjati fuq in-naħa tat-Tramuntana tat-tabernaklu. 36  It-tfal taʼ Merari kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb il-frejms magħmulin mit-twavel għat-tabernaklu, il-lasti, il-kolonni, il-pedestalli b’toqba fihom, l-għodod kollha, u s-servizz kollu li għandu x’jaqsam maʼ dawn l-affarijiet. 37  Kellhom jieħdu ħsieb ukoll il-pilastri li kienu madwar il-bitħa, il-pedestalli tagħhom b’toqba fihom, u l-imsiemer u l-ħbula tat-tinda tagħhom. 38  Mosè, Aron, u t-tfal tiegħu kienu kkampjati quddiem it-tabernaklu lejn il-Lvant, quddiem it-tinda tal-laqgħa lejn tlugħ ix-xemx. Huma kellhom ir-responsabbiltà li jieħdu ħsieb is-santwarju għan-nom tal-Iżraelin. Kull individwu mhux awtorizzat* li jersaq qrib jinqatel. 39  Bħalma kkmandahom Ġeħova, Mosè u Aron irreġistraw il-Leviti kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq skont il-familji tagħhom. Dawn kienu 22,000. 40  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Mill-Iżraelin, irreġistra lil dawk kollha minn xahar ’il fuq tas-sess maskil li twieldu l-ewwel, għoddhom, u agħmel lista b’isimhom. 41  Ħu għalija l-Leviti minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel fost l-Iżraelin, u ħu l-annimali tal-Leviti minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel mill-annimali tal-Iżraelin. Jien Ġeħova.” 42  Imbagħad Mosè rreġistra lil dawk kollha li twieldu l-ewwel fost l-Iżraelin, bħalma kien ikkmandah Ġeħova. 43  L-ammont taʼ dawk kollha minn xahar ’il fuq tas-sess maskil li twieldu l-ewwel u li ġew irreġistrati b’isimhom kien 22,273. 44  Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 45  “Ħu l-Leviti minflok dawk kollha li twieldu l-ewwel fost l-Iżraelin, u ħu l-annimali tal-Leviti minflok l-annimali tal-Iżraelin, u l-Leviti jridu jsiru tiegħi. Jien Ġeħova. 46  U bħala l-prezz tal-fidwa* għall-273 ruħ li twieldu l-ewwel fost l-Iżraelin, li huma iżjed mil-Leviti, 47  trid tieħu ħames xwiekel* għal kull individwu, skont ix-xekel tal-post qaddis.* Xekel hu 20 gera.* 48  Il-flus agħtihom lil Aron u lit-tfal tiegħu bħala l-prezz tal-fidwa għal dawk li huma iżjed minnhom fl-ammont.” 49  Għalhekk, Mosè ġabar il-flus tal-prezz tal-fidwa biex jifdi lil dawk li kienu iżjed mil-Leviti. 50  Hu ħa l-flus mingħand dawk li twieldu l-ewwel fost l-Iżraelin, jiġifieri 1,365 xekel, skont ix-xekel tal-post qaddis. 51  Imbagħad Mosè ta l-flus tal-prezz tal-fidwa lil Aron u lit-tfal tiegħu skont il-kelma taʼ Ġeħova, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.

Noti taʼ taħt

Letteralment “il-ġenerazzjonijiet.”
Letteralment “midlukin.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “li jdejhom ġew mimlijin.”
Letteralment “Kwalunkwe stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.
Letteralment “kull l-ewwel imwieled li jiftaħ il-ġuf.”
Letteralment “Kull stranġier,” jiġifieri mhux Levita.
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Jew “skont ix-xekel qaddis.”
Gera kien daqs 0.57 grammi. Ara App. B14.