Danjel 9:1-27
9 Fl-ewwel sena taʼ Darju l-Medi, it-tifel t’Aħasweru, li għamluh re fuq is-saltna tal-Kaldin,
2 iva, fl-ewwel sena li beda jmexxi, jien, Danjel, mill-kotba* fhimt li Ġerusalemm se tkun ħerba għal 70 sena, skont dak li Ġeħova qal lill-profeta Ġeremija.
3 Għalhekk, dort lejn Ġeħova l-Alla l-veru għall-għajnuna u tlabtu bil-ħniena, waqt li somt, ilbist ħwejjeġ tal-ixkora, u tfajt l-irmied fuqi.
4 Jien tlabt lil Ġeħova l-Alla tiegħi, ammettejt dnubietna, u għedtlu:
“Ġeħova, int l-Alla l-veru u l-Alla l-kbir li taʼ min jibżaʼ minnek u jirrispettak. Int iżżomm il-patt tiegħek u turi mħabba u lealtà* maʼ dawk li jħobbuk u jobdu l-kmandamenti tiegħek.
5 Aħna għamilna dnubiet, żbaljajna, aġixxejna ħażin, u rribellajna; u tbegħedna mill-kmandamenti tiegħek u mid-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħek.
6 Aħna ma smajniex mill-qaddejja tiegħek il-profeti li tkellmu f’ismek mar-rejiet tagħna, mal-kapijiet tagħna, maʼ missirijietna, u man-nies kollha tal-pajjiż.
7 Ġeħova, int Alla ġust, imma aħna tal-mistħija, bħalma hu fil-każ tal-lum. Iva, aħna lkoll qed nistħu, inkluż in-nies taʼ Ġuda, dawk li joqogħdu f’Ġerusalemm, u l-Iżraelin kollha, kemm li jgħixu qrib u kemm li jgħixu ’l bogħod, fil-pajjiżi kollha li int xerridthom minħabba li huma ma kinux leali lejk.
8 “Ir-rejiet tagħna, il-kapijiet tagħna, missirijietna, u aħna missna nistħu, għax dnibna kontrik, Ġeħova.
9 Ġeħova Alla tagħna, int lest li taħfer u ħanin, imma aħna rribellajna kontrik.
10 Aħna m’obdejniekx, Ġeħova Alla tagħna, u ma mxejniex mal-liġijiet tiegħek li tajtna permezz tal-qaddejja tiegħek il-profeti.
11 L-Iżraelin kollha kisru l-Liġi tiegħek u tbiegħdu minnek billi m’obdewkx. Għalhekk, ġibt fuqna s-saħta li hemm miktub dwarha fil-Liġi taʼ Mosè, il-qaddej tiegħek, għax aħna dnibna kontrik.
12 Int wettaqt dak li għedt kontrina u kontra l-mexxejja tagħna li mexxew fuqna,* billi ġibt diżastru kbir fuqna; qatt ma ġara xi ħaġa hekk mad-dinja kollha bħal dak li ġara f’Ġerusalemm.
13 Bħalma hemm miktub fil-Liġi taʼ Mosè, dan id-diżastru kollu ġie fuqna, imma aħna ma tlabniekx biex turina ħniena.* Ġeħova Alla tagħna, aħna ma ddispjaċiniex għall-iżbalji tagħna u ma tajniex kas il-verità tiegħek.*
14 “Għalhekk Ġeħova, int bqajt għassa għal dak li konna qed nagħmlu u ġibt diżastru fuqna, għax int, Ġeħova Alla tagħna, ġust f’dak kollu li tagħmel; imma aħna xorta m’obdejniekx.
15 “Ġeħova Alla tagħna, il-Wieħed li ħriġt il-poplu tiegħek mill-art tal-Eġittu bil-qawwa tiegħek u għamilt ismek magħruf sal-lum, aħna dnibna u aġixxejna b’mod ħażin.
16 Jekk jogħġbok Ġeħova, jalla ma tibqax irrabjat u inkorlat għall-belt tiegħek Ġerusalemm, il-muntanja qaddisa tiegħek, skont il-ġustizzja tiegħek; għax minħabba d-dnubiet tagħna u l-iżbalji taʼ missirijietna, dawk taʼ madwarna qed iwaqqgħu għaċ-ċajt lil Ġerusalemm u lin-nies tiegħek.
17 U issa, Ġeħova Alla tagħna, minħabba ismek stess, ismaʼ t-talba bil-ħniena tal-qaddej tiegħek u approva s-santwarju tiegħek li hu ħerba.
18 Ismagħni,* Alla tiegħi. Ħares lejna u ara l-ħerba tal-belt tagħna li tissejjaħ b’ismek; mhux qed nitolbuk bil-ħniena għax qed nagħmlu affarijiet ġusti, imma għax int turi ħafna ħniena.
19 Ġeħova ismagħna. Ġeħova aħfrilna. Ġeħova, agħti kasna u aġixxi. Iddumx, minħabba ismek stess, Alla tiegħi, għax il-belt tiegħek u l-poplu tiegħek jissejħu b’ismek.”
20 Waqt li kont għadni qed nitkellem, nitlob, nammetti d-dnubiet tiegħi u tal-poplu tiegħi Iżrael, u nissupplika* lil Ġeħova l-Alla tiegħi dwar il-muntanja qaddisa tal-Alla tiegħi,
21 iva, waqt li kont għadni qed nitlob, ir-raġel Gabrijel, li kont rajt fil-viżjoni, resaq ħdejja. Dan kien waqt l-offerta taʼ filgħaxija u jien kont għajjien ħafna.
22 Hu għenni nifhem u qalli:
“Danjel, jien ġejt biex ngħallmek u ngħinek tifhem x’se jiġri.
23 Meta int bdejt titlob bil-ħniena, jien irċivejt messaġġ mingħand Alla u ġejt ngħidhulek, għax int prezzjuż* ħafna. Allura, oqgħod attent u pprova ifhem il-viżjoni.
24 “Alla ddeċieda li jridu jgħaddu 70 ġimgħa* minn fuq il-poplu u l-belt qaddisa tiegħek, biex jintemm il-ħażen, jispiċċa d-dnub, issir tpattija għall-iżbalji, iġib ġustizzja għal dejjem, jissiġilla l-viżjoni u l-profezija,* u jiddedika l-Qaddis tal-Qaddisin.*
25 Int għandek tkun taf u tifhem li minn meta jingħata l-kmand biex Ġerusalemm terġaʼ tiġi kif kienet u terġaʼ tinbena sal-Messija* l-Mexxej, se jkun hemm sebaʼ ġimgħat, kif ukoll 62 ġimgħa. Din se terġaʼ tiġi kif kienet u tinbena, bi pjazza u foss, imma fi żminijiet diffiċli.
26 “U wara 62 ġimgħa, il-Messija se jinqatel u ma jkollu xejn għalih innifsu.
“U se jiġi mexxej mal-armata tiegħu u jeqirdu l-belt u l-post qaddis. Dan it-tmiem se jkun bħal dulluvju. U sat-tmiem se jkun hemm gwerer; u skont dak li ġie deċiż, se jkun hemm ħerba.
27 “Hu se jħalli l-patt validu għal ġimgħa għall-benefiċċju taʼ ħafna; u f’nofs il-ġimgħa, hu se jwaqqaf is-sagrifiċċji u l-offerti.
“U fuq il-ġewnaħ tal-affarijiet moqżieża se jkun hemm il-wieħed li jġib ħerba; u dak li jkun deċiż se jseħħ ukoll fuq il-belt* li hi abbandunata sakemm ikun hemm qerda għalkollox.”
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri “l-Iskrittura Mqaddsa.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “l-imħallfin li ġġudikawna.”
^ Jew “ma taffejniex ir-rabja tiegħek.”
^ Jew “ma żammejniex f’moħħna li int dejjem iżżomm kelmtek.”
^ Letteralment “Mejjel widintek lejja.”
^ Jiġifieri talb bil-ħniena. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “maħbub; stmat.”
^ Jiġifieri ġimgħat taʼ snin. B’kollox, 490 sena.
^ Letteralment “il-profeta.”
^ Jew “l-Iktar Qaddis.”
^ Jiġifieri l-wieħed midluk jew magħżul minn Alla.
^ Letteralment “fuq il-wieħed.”

