Danjel 3:1-30

  • L-istatwa tad-deheb tar-Re Nebukadnessar (1-7)

    • Jikkmanda li tingħata qima lill-istatwa (4-6)

  • Tliet Lhud akkużati li mhux jobdu (8-18)

    • “Aħna mhux se naqdu lill-allat tiegħek” (18)

  • Jitfgħuhom fil-forn tan-nar (19-23)

  • Meħlusin min-nar b’miraklu (24-27)

  • Ir-re jfaħħar l-Alla tal-Lhud (28-30)

3  Ir-Re Nebukadnessar għamel statwa* tad-deheb għolja 60 kubitu* u wiesgħa sitt kubiti.* Hu poġġieha fil-pjanura taʼ Dura fil-provinċja taʼ Babilonja. 2  Imbagħad ir-Re Nebukadnessar bagħat għas-satrapi,* il-prefetti, il-gvernaturi, għal dawk li jagħtu l-pariri, għal dawk li jieħdu ħsieb it-teżori, l-imħallfin, il-maġistrati, u l-amministraturi kollha tal-provinċji biex jiġu għall-inawgurazzjoni tal-istatwa li għamel hu. 3  Għalhekk is-satrapi, il-prefetti, il-gvernaturi, dawk li jagħtu l-pariri, dawk li jieħdu ħsieb it-teżori, l-imħallfin, il-maġistrati, u l-amministraturi kollha tal-provinċji nġabru għall-inawgurazzjoni tal-istatwa li għamel ir-Re Nebukadnessar. U huma qagħdu quddiemha. 4  L-uffiċjal li kien iħabbar għajjat b’leħen għoli: “Nies taʼ popli u lingwi differenti, ir-re kkmanda 5  li xħin tisimgħu l-ħoss tal-qarn, tal-flawt,* taż-żittru, tal-arpa żgħira, tal-istrument tal-korda, tal-istrument taż-żaqq, u tal-istrumenti mużikali l-oħrajn kollha, għandkom tinżlu mal-art biex tagħtu qima lill-istatwa tad-deheb li għamel ir-Re Nebukadnessar. 6  Kull min ma jinżilx mal-art biex jagħtiha qima, se jintefaʼ fil-forn tan-nar mill-ewwel.” 7  Għalhekk, meta n-nies kollha taʼ kull poplu u lingwa semgħu l-ħoss tal-qarn, tal-flawt, taż-żittru, tal-arpa żgħira, tal-istrument tal-korda, u tal-istrumenti mużikali l-oħrajn kollha, niżlu mal-art u taw qima lill-istatwa tad-deheb li kien għamel ir-Re Nebukadnessar. 8  Dak il-ħin, xi wħud mill-Kaldin ġew u akkużaw* lil-Lhud. 9  Huma qalu lir-Re Nebukadnessar: “Re, jalla tgħix għal dejjem! 10  Re, int tajt il-kmand biex kull raġel li jismaʼ l-ħoss tal-qarn, tal-flawt, taż-żittru, tal-arpa żgħira, tal-istrument tal-korda, tal-istrument taż-żaqq, u tal-istrumenti mużikali l-oħrajn kollha, għandu jinżel mal-art u jagħti qima lill-istatwa tad-deheb; 11  u min ma jinżilx mal-art u jagħtiha qima għandu jintefaʼ fil-forn tan-nar. 12  Imma Sidrak, Mesak, u Għabednego, il-Lhud li int inkarigajt biex imexxu l-provinċja taʼ Babilonja, ma wrewkx rispett. Re, huma mhux qed jaqdu lill-allat tiegħek, u rrifjutaw li jagħtu qima lill-istatwa tad-deheb li għamilt int.” 13  Imbagħad Nebukadnessar irrabja ħafna u ta l-kmand biex Sidrak, Mesak, u Għabednego jittieħdu quddiemu. Għalhekk, ħadu lil dawn l-irġiel quddiem ir-re. 14  Nebukadnessar qalilhom: “Sidrak, Mesak, u Għabednego, veru li intom mhux qed taqdu lill-allat tiegħi u rrifjutajtu li tagħtu qima lill-istatwa tad-deheb li għamilt jien? 15  Issa jekk meta tisimgħu l-ħoss tal-qarn, tal-flawt, taż-żittru, tal-arpa żgħira, tal-istrument tal-korda, tal-istrument taż-żaqq, u tal-istrumenti mużikali l-oħrajn kollha tkunu lesti li tinżlu mal-art u tagħtu qima lill-istatwa li għamilt, ikun tajjeb. Imma jekk tirrifjutaw li tagħtuha qima, intom se tintefgħu fil-forn tan-nar mill-ewwel. U liema alla jistaʼ jeħliskom minn taħt idejja?” 16  Sidrak, Mesak, u Għabednego qalulu: “Re Nebukadnessar, m’għandniex għalfejn inwiġbuk dwar dan. 17  Re, jekk għandu jiġri hekk, l-Alla tagħna li lilu naqdu hu kapaċi jeħlisna mill-forn tan-nar u minn taħt idejk. 18  Imma anki jekk ma jeħlisniex, re, kun af li aħna mhux se naqdu lill-allat tiegħek jew nagħtu qima lill-istatwa tad-deheb li għamilt int.” 19  Imbagħad Nebukadnessar tant irrabja maʼ Sidrak, Mesak, u Għabednego li wiċċu nbidel,* u kkmanda biex isaħħnu l-forn sebaʼ darbiet iktar milli kienu jsaħħnuh is-soltu. 20  Hu kkmanda lil xi rġiel b’saħħithom mill-armata tiegħu biex jorbtu lil Sidrak, Mesak, u Għabednego u jitfgħuhom fil-forn tan-nar. 21  Imbagħad rabtu lil dawn l-irġiel waqt li kienu għadhom lebsin l-imnatar, il-brieret, u l-ħwejjeġ l-oħrajn kollha tagħhom u tefgħuhom fil-forn tan-nar. 22  Minħabba li l-kmand tar-re kien tant aħrax u l-forn kien jaħraq ħafna, l-irġiel li qabdu lil Sidrak, Mesak, u Għabednego nqatlu bil-fjammi tan-nar. 23  Imma dawn it-tlett irġiel, Sidrak, Mesak, u Għabednego, waqgħu marbutin fil-forn tan-nar. 24  Imbagħad ir-Re Nebukadnessar beda jibżaʼ, qam jiġri, u qal lill-uffiċjali tiegħu taʼ pożizzjoni għolja: “Aħna mhux tlett irġiel irbatna u tfajna fin-nar?” Huma wieġbu: “Iva re.” 25  Hu qal: “Araw, jien qed nara erbat irġiel jimxu fin-nar. Huma mhux marbutin u mhux imweġġgħin, u r-rabaʼ wieħed jixbah lil bin l-allat.” 26  Nebukadnessar resaq lejn il-bieb tal-forn tan-nar, u qal: “Sidrak, Mesak, u Għabednego, qaddejja tal-Alla l-Iktar Għoli, oħorġu u ejjew hawn!” U Sidrak, Mesak, u Għabednego hekk għamlu. 27  U s-satrapi, il-prefetti, il-gvernaturi, u l-uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja tar-re li kienu miġburin hemm, raw li n-nar ma kellu ebda effett fuq dawn l-irġiel. Lanqas xagħra minn rashom ma nħarqet, l-imnatar tagħhom baqgħu l-istess, u lanqas biss kellhom riħa taʼ ħruq fuqhom. 28  Imbagħad Nebukadnessar qal: “Ħa jkun imfaħħar l-Alla taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednego, li bagħat l-anġlu tiegħu u ħeles lill-qaddejja tiegħu. Huma fdaw fih u marru kontra l-kmand tar-re u kienu lesti li jmutu minflok ma jaqdu jew jagħtu qima lil xi alla ieħor, ħlief lill-Alla tagħhom. 29  Għalhekk, qed nagħti dan il-kmand li jekk ikun hemm xi ħadd minn kwalunkwe poplu jew lingwa differenti li jgħid xi ħaġa kontra l-Alla taʼ Sidrak, Mesak, u Għabednego għandu jiġi mqattaʼ biċċiet, u d-dar tiegħu għandha ssir latrina pubblika;* għax m’hemm l-ebda alla ieħor li hu kapaċi jeħles bħalu.” 30  Imbagħad ir-re reġaʼ ta pożizzjoni għolja lil Sidrak, Mesak, u Għabednego fil-provinċja taʼ Babilonja.

Noti taʼ taħt

Jew “xbieha.”
Madwar 27 metru. Ara App. B14.
Madwar 2.7 metri. Ara App. B14.
Jew “tal-fifra.”
Jew “immalafamaw.”
Jew “l-attitudni tiegħu nbidlet kompletament.”
Jew forsi “miżbla.”