Danjel 12:1-13

  • “Iż-żmien tal-aħħar” u taʼ warajh (1-13)

    • Mikiel se jaġixxi (1)

    • Dawk li għandhom l-abbiltà li jifhmu se jiddu (3)

    • L-għarfien veru se jkun abbundanti (4)

    • Danjel se jqum għall-wirt tiegħu (13)

12  “Matul dak iż-żmien, Mikiel* se jaġixxi,* il-prinċep il-kbir li qiegħed jaġixxi u jgħin il-poplu tiegħek. U ħa jkun hemm żmien taʼ inkwiet li bħalu qatt ma kien hawn minn mindu beda jeżisti poplu sa dak iż-żmien. U matul dak iż-żmien, il-poplu tiegħek se jaħrab, kull min ismu jkun imniżżel fil-ktieb. 2  U ħafna minn dawk li se jkunu reqdin fit-trab se jqumu, xi wħud minnhom għall-ħajja taʼ dejjem u oħrajn għad-diżunur u t-tmaqdir taʼ dejjem. 3  “U dawk li għandhom l-abbiltà li jifhmu se jiddu daqs kemm tiddi s-sema, u dawk li għenu lill-ħafna jsiru ġusti se jiddu bħall-istilel għal dejjem taʼ dejjem. 4  “U int, Danjel, żomm dan il-kliem sigriet u ssiġilla l-ktieb saż-żmien tal-aħħar. Ħafna se jeżaminawh sew, u l-għarfien veru se jkun abbundanti.” 5  Imbagħad jien, Danjel, ħarist u rajt żewġ persuni oħra, wieħed fuq dan ix-xatt tax-xmara u l-ieħor fuq in-naħa l-oħra. 6  Imbagħad wieħed minnhom staqsa lir-raġel li kien liebes ħwejjeġ tal-għażel u li kien ’il fuq mill-ilmijiet tax-xmara: “Dawn l-affarijiet tal-għaġeb kemm se jdumu?” 7  Imbagħad ir-raġel li kien liebes ħwejjeġ tal-għażel u li kien ’il fuq mill-ilmijiet tax-xmara, għolla idu l-leminija u idu x-xellugija lejn is-sema u ħalef bil-Wieħed li hu ħaj għal dejjem. Hu wieġbu: “Dan se jdum tliet snin u nofs.* Malli jieqfu jkissru l-qawwa tal-poplu qaddis, dawn l-affarijiet kollha se jispiċċaw.” 8  Issa jien smajt dan, imma ma stajtx nifhem; għalhekk għedt: “Sidi, x’se jkun ir-riżultat taʼ dan kollu?” 9  Imbagħad qalli: “Danjel, mur għax dan il-kliem għandu jinżamm sigriet u ssiġillat saż-żmien tal-aħħar. 10  Ħafna se jitnaddfu, se jagħmlu dak li hu tajjeb, u se jgħixu ħajja iktar nadifa. U l-ħżiena se jaġixxu b’mod ħażin u ħadd minnhom mhu se jifhem, imma dawk li għandhom l-abbiltà li jifhmu se jifhmu. 11  “U minn meta jitneħħa s-sagrifiċċju taʼ kuljum u titqiegħed il-ħaġa moqżieża li ġġib ħerba, se jkun hemm 1,290 jum. 12  “Ferħan se jkun min jibqaʼ jistenna bil-paċenzja* u jasal sal-1,335 jum! 13  “Imma int ibqaʼ sod sal-aħħar. Int se tistrieħ, imma mbagħad se tqum għall-wirt tiegħek* fi tmiem il-jiem.”

Noti taʼ taħt

Ifisser “Min Hu bħal Alla?”
Letteralment “iqum.”
Letteralment “żmien, żminijiet, u nofs żmien.”
Jew “bil-ħeġġa.”
Jew “għall-premju tiegħek.”