Danjel 2:1-49

  • Ir-Re Nebukadnessar kellu ħolma li inkwetatu (1-4)

  • L-ebda raġel għaref ma setaʼ jgħidlu l-ħolma (5-13)

  • Danjel jitlob lil Alla għall-għajnuna (14-18)

  • Ifaħħar lil Alla għax qallu s-sigriet (19-23)

  • Danjel jgħid lir-re x’ħolom (24-35)

  • It-tifsira tal-ħolma (36-45)

    • Ġebla tas-Saltna se tfarrak l-istatwa (44, 45)

  • Danjel onorat mir-re (46-49)

2  Fit-tieni sena tat-tmexxija tiegħu, Nebukadnessar kellu diversi ħolm u hu* tant kien inkwetat li ma setax jorqod. 2  Allura, ir-re ta kmand biex isejħu lill-qassisin li jagħmlu l-maġija, lil dawk li jbassru l-futur, lis-sħaħar, u lill-Kaldin* biex jgħidulu x’ħolom. Allura dawn daħlu u qagħdu quddiem ir-re. 3  Imbagħad ir-re qalilhom: “Jien kelli ħolma u jien* inkwetat għax irrid inkun naf xi ħlomt.” 4  Il-Kaldin wieġbu lir-re bil-lingwa Aramajka:* “Re, jalla tgħix għal dejjem! Għid lill-qaddejja tiegħek xi ħlomt, u aħna ngħidulek xi tfisser.” 5  Ir-re wieġeb lill-Kaldin: “Id-deċiżjoni tiegħi ħadtha: Jekk ma tgħidulix xi ħlomt u xi tfisser, intom se titqattgħu biċċiet, u d-djar tagħkom se jsiru latrini pubbliċi.* 6  Imma jekk tgħiduli l-ħolma u xi tfisser, intom tirċievu mingħandi rigali, premju, u unur kbir. Allura għiduli l-ħolma u xi tfisser.” 7  Huma reġgħu wieġbu lir-re: “Għidilna l-ħolma, u aħna ngħidulek xi tfisser.” 8  Ir-re wieġeb: “Jien naf li intom qed tipprovaw tirbħu ż-żmien, għax irrealizzajtu li d-deċiżjoni ħadtha. 9  Jekk ma tgħidulix xi ħlomt, hemm ħaġa waħda tistenniekom. Intom kollha se jkollkom l-istess kastig. Intom qbiltu li tgħiduli xi ħaġa falza u li tqarrqu, bit-tama li nbiddel fehmti. Allura għiduli l-ħolma, u jien inkun naf li intom tistgħu tispjegawha.” 10  Il-Kaldin wieġbu lir-re: “M’hemm l-ebda bniedem fuq l-art li hu kapaċi jagħmel dak li qed titlob int, għax l-ebda re kbir jew gvernatur qatt ma talab xi ħaġa bħal din minn xi qassis li jagħmel il-maġija jew minn xi ħadd li jbassar il-futur jew xi Kaldew. 11  Dak li qed titlob hu diffiċli, u ma jeżisti ħadd li jistaʼ jgħidlek ħlief l-allat, u dawn ma jgħixux fost il-bnedmin.” 12  Għal dan, ir-re rrabja bl-ikrah u ta kmand biex jeqirdu l-irġiel għorrief kollha taʼ Babilonja. 13  Meta ħareġ il-kmand, l-irġiel tar-re marru biex joqtlu lill-irġiel għorrief kollha. Huma ġew ifittxu anki lili, Danjel, u lil sħabi biex joqtluna. 14  Dak iż-żmien, jien kellimt b’għaqal u b’attenzjoni lil Arjok, il-kap tal-gwardji persunali tar-re, li kien sejjer biex joqtol lill-irġiel għorrief taʼ Babilonja. 15  Jien staqsejt lil Arjok, l-uffiċjal tar-re: “Għala r-re ħareġ dan il-kmand aħrax?” Imbagħad hu qalli bil-kwistjoni. 16  Allura, jien dħalt għand ir-re u tlabtu biex jagħtini ftit taż-żmien biex inkun nistaʼ ngħidlu xi tfisser. 17  Imbagħad mort id-dar tiegħi u għedt bil-kwistjoni lil sħabi Ħananija, Misael, u Għażarija. 18  Jien tlabthom biex jitolbu lill-Alla tas-sema għall-ħniena ħalli jgħidilna x’inhu dan is-sigriet, ħalli jien, Danjel, u sħabi ma ninqerdux mal-kumplament tal-irġiel għorrief taʼ Babilonja. 19  Imbagħad sirt naf is-sigriet f’viżjoni billejl. Allura jien, Danjel, faħħart lill-Alla tas-sema. 20  Jien għedt: “Ħa jiġi mfaħħar ismek għal dejjem,Għax int biss għaref u għandek il-qawwa. 21  Int tbiddel iż-żminijiet u l-istaġuni,Tneħħi rejiet u tagħmel rejiet ġodda,Tagħti l-għerf lill-għorrief u l-għarfien lil dawk li għandhom l-abbiltà li jagħrfu x’inhu tajjeb u ħażin. 22  Int tikxef l-affarijiet li huma fil-fond u sigrieti,Int taf x’hemm fid-dlam,U miegħek hemm id-dawl. 23  Alla taʼ missirijieti, jien lilek nirringrazzja u nfaħħar,Għax int tajtni l-għarfien u l-qawwa. U issa wrejtni dak li tlabniek;Int urejtna dak li qed jinkwieta lir-re.” 24  Imbagħad mort għand Arjok, li r-re kien inkarigah biex jeqred lill-għorrief taʼ Babilonja, u għedtlu: “Teqred lil ħadd mill-għorrief taʼ Babilonja. Ħudni quddiem ir-re, u jien se ngħidlu xi tfisser il-ħolma.” 25  Arjok ħadni malajr quddiem ir-re u qallu: “Sibt raġel fost in-nies eżiljati taʼ Ġuda li jistaʼ jgħidlek xi tfisser il-ħolma.” 26  Lili, li kienu semmewni Beltesassar, ir-re qalli: “Tistaʼ tgħidli verament x’kienet il-ħolma li rajt u xi tfisser?” 27  Jien, Danjel, wiġibt lir-re: “Ħadd mill-irġiel għorrief, minn dawk li jbassru l-futur, mill-qassisin li jagħmlu l-maġija, jew mill-astrologi ma jistgħu jgħidulek is-sigriet li qed tistaqsi dwaru. 28  Imma hemm Alla fis-sema li jikxef is-sigrieti, u hu qal lilek, Re Nebukadnessar, x’se jiġri fl-aħħar parti tal-jiem. Din hi l-ħolma, u dawn huma l-viżjonijiet li rajt meta kont fuq is-sodda tiegħek: 29  “Re, meta int kont fuq is-sodda tiegħek ħlomt* dwar dak li se jiġri fil-futur, u Alla li jikxef is-sigrieti qallek x’se jiġri. 30  Imma jien ma sirtx naf x’inhu s-sigriet għax jien iktar għaref minn ħaddieħor; minflok, Re, dan ġara biex int tkun taf xi jfissru l-ħsibijiet li kellek. 31  “Re, waqt li int kont qed tħares, rajt statwa* enormi. Din l-istatwa, li kienet kbira ħafna u tleqq ħafna, kienet qiegħda quddiemek, u d-dehra tagħha kienet tal-biżaʼ. 32  Din l-istatwa kellha ras tad-deheb fin, sidirha u jdejha kienu tal-fidda, żaqqha u l-koxox tagħha kienu tar-ram, 33  saqajha kienu tal-ħadid, u l-pali taʼ saqajha kienu parti tal-ħadid u parti tat-tafal.* 34  Int bqajt tħares sakemm inqatgħet ġebla minn muntanja, imma mhux bl-idejn, u din laqtet l-istatwa fil-pali taʼ saqajha, li huma magħmulin mill-ħadid u t-tafal, u farrkithom. 35  Dak iż-żmien, il-ħadid, it-tafal, ir-ram, il-fidda, u d-deheb tfarrku kollha f’daqqa, u saru bħall-qoxra taż-żerriegħa li ttir mill-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali fis-sajf, u r-riħ ġarrhom tant li lanqas farka ma stajt issib minnhom. Imma l-ġebla li laqtet l-istatwa saret muntanja kbira u mliet l-art kollha. 36  “Din hi l-ħolma, u issa se ngħidulek xi tfisser. 37  Re, int ir-re tar-rejiet li Alla tas-sema tak is-saltna, il-qawwa, is-saħħa, u l-glorja, 38  u li tak l-awtorità fuq il-bnedmin, jgħixu fejn jgħixu, kif ukoll fuq l-annimali u l-għasafar, u li għamlek mexxej fuqhom kollha. Int ir-ras tad-deheb. 39  “Imma wara s-saltna tiegħek se jkun hemm saltna li ħa tkun inferjuri għalik. Imbagħad ħa jkun hemm oħra, it-tielet waħda, li se tkun tar-ram, u din se tmexxi fuq l-art kollha. 40  “U r-rabaʼ saltna, se tkun b’saħħitha bħall-ħadid. Bħalma l-ħadid ifarrak u jagħmel trab kull ħaġa oħra, din se tkisser u tfarrak is-saltniet kollha taʼ qabilha. 41  “Kif rajt, il-pali u s-swabaʼ taʼ saqajha kienu parti tat-tafal u parti tal-ħadid. B’hekk, is-saltna se tkun maqsuma, imma parti minnha se tkun iebsa bħall-ħadid, bħalma rajt il-ħadid imħallat mat-tafal artab. 42  U bħalma s-swabaʼ taʼ saqajha kienu parti tal-ħadid u parti tat-tafal, hekk is-saltna se tkun parti b’saħħitha u parti dgħajfa. 43  Bħalma rajt il-ħadid imħallat mat-tafal artab, il-parti b’saħħitha se tkun imħallta man-nies;* imma dawn mhux se jeħlu flimkien, wieħed mal-ieħor, bħalma l-ħadid ma jeħilx mat-tafal. 44  “Fi żmien dawk ir-rejiet, l-Alla tas-sema se jagħmel saltna li qatt ma tinqered. U din is-saltna mhux se tgħaddi għand xi poplu ieħor. Din se tfarrak dawn is-saltniet kollha, u hi biss se tibqaʼ* għal dejjem. 45  Se jiġri bħalma rajt meta mill-muntanja nqatgħet ġebla mhux bl-idejn, u din farrket il-ħadid, ir-ram, it-tafal, il-fidda, u d-deheb. L-Alla Grandjuż qallek x’se jiġri fil-futur. Il-ħolma se sseħħ żgur, u t-tifsira tagħha hi taʼ min jafdaha.” 46  Imbagħad ir-Re Nebukadnessar niżel wiċċu mal-art quddiemi u b’hekk urieni rispett. Hu ta l-kmand biex jagħtuni rigal u jaħarqu l-inċens għalija. 47  Ir-re qalli: “L-Alla tagħkom hu verament l-Alla tal-allat u s-Sid tar-rejiet u Dak li Jikxef is-sigrieti, għax int stajt tgħidli dan is-sigriet.” 48  Imbagħad ir-re, lili, Danjel, tani pożizzjoni għolja u ħafna rigali mill-aqwa, u għamilni l-mexxej fuq il-provinċja kollha taʼ Babilonja u għamilni kap tal-uffiċjali tal-gvern biex nieħu ħsieb l-irġiel għorrief taʼ Babilonja. 49  U bħalma tlabtu, ir-re inkariga lil Sidrak, Mesak, u Għabednego fuq l-amministrazzjoni tal-provinċja taʼ Babilonja, imma jien qdejt fil-palazz tar-re.

Noti taʼ taħt

Letteralment “l-ispirtu tiegħu.”
Jiġifieri grupp taʼ nies li kienu tas-sengħa f’li jbassru l-futur u l-astroloġija.
Letteralment “l-ispirtu tiegħi.”
Danjel 2:4B sa 7:28 oriġinarjament kien miktub bl-Aramajk.
Jew forsi “miżbla.”
Jew “kellek ħsibijiet.”
Jew “xbieha.”
Jew “tat-tafal maħdum.”
Jiġifieri “n-nies komuni.”
Jew “tibqaʼ wieqfa.”