Danjel 5:1-31

  • Il-festa tar-Re Belsassar (1-4)

  • Il-kitba fuq il-ħajt (5-12)

  • Danjel jintalab jgħid xi tfisser il-kitba (13-25)

  • It-tifsira: Babilonja se taqaʼ (26-31)

5  Fiż-żmien meta Belsassar kien re, għamel festa kbira għal elf mill-mexxejja tiegħu, u hu kien qed jixrob l-inbid magħhom. 2  Waqt li kien taħt l-effett tal-inbid, Belsassar ta kmand biex iġibulu t-tazzi tad-deheb u l-fidda li missieru* Nebukadnessar kien ħa mit-tempju taʼ Ġerusalemm, biex b’hekk ir-re, il-mexxejja, in-nisa tiegħu, u l-konkubini tiegħu jixorbu minnhom. 3  Imbagħad ħadu t-tazzi tad-deheb li kienu ttieħdu mit-tempju tad-dar t’Alla li kienet f’Ġerusalemm, u r-re u l-mexxejja tiegħu, in-nisa u l-konkubini tiegħu xorbu minnhom. 4  Huma xorbu l-inbid, u faħħru lill-allat tad-deheb, il-fidda, ir-ram, il-ħadid, l-injam, u l-ġebel. 5  Dak il-ħin stess, dehru swabaʼ t’id taʼ raġel u bdew jiktbu fuq il-ħajt fil-palazz tar-re li kien faċċata tal-gandlier, u r-re setaʼ jara l-id min-naħa taʼ wara waqt li kienet qed tikteb. 6  Dak il-ħin stess, ir-re bjad* u l-ħsibijiet tiegħu bdew ibeżżgħuh ħafna. Ġenbejh bdew jitriegħdu u rkopptejh bdew iħabbtu maʼ xulxin. 7  Ir-re beda jgħajjat b’leħen għoli biex iġibulu lil dawk li jbassru l-futur, lill-Kaldin,* u lill-astrologi. Imbagħad ir-re qal lill-irġiel għorrief taʼ Babilonja: “Ir-raġel li jaqra dan il-kliem u jgħidli xi jfisser se jiġi mlibbes ħwejjeġ taʼ kulur vjola u ġiżirana tad-deheb, u se jkun it-tielet wieħed li jmexxi fis-saltna.” 8  L-irġiel għorrief kollha tar-re daħlu, imma ma setgħux jaqraw il-kitba jew jgħidulu x’kienet tfisser. 9  Għalhekk, ir-Re Belsassar beda jibżaʼ ħafna u wiċċu bjad; u n-nies importanti tiegħu kienu mħawdin. 10  Meta r-reġina saret taf dwar dak li kienu qed jitkellmu r-re u n-nies importanti tiegħu, qaltlu: “Re, jalla tgħix għal dejjem. Tħallix il-ħsibijiet tiegħek iwerwruk u m’għandekx għalfejn tibjad. 11  Hemm raġel* fis-saltna tiegħek li għandu l-ispirtu tal-allat qaddisin. Fi żmien missierek, hu kien magħruf li kellu l-għarfien u kapaċi jifhem, u kellu l-għerf bħall-għerf tal-allat. Missierek, ir-Re Nebukadnessar, għamlu kap fuq il-qassisin li jagħmlu l-maġija, dawk li jbassru l-futur, il-Kaldin,* u l-astrologi. 12  Għax Danjel, li r-re kien tah l-isem Beltesassar, kellu spirtu tal-għaġeb, l-abbiltà li jifhem u l-għarfien biex ifisser il-ħolm, jispjega ħaġa moħġaġa u jsolvi problemi diffiċli.* Issa sejjaħ lil Danjel, u hu jgħidlek xi jfisser dan.” 13  Għalhekk, lili daħħluni quddiem ir-re. Ir-re staqsieni: “Int Danjel, wieħed mill-eżiljati taʼ Ġuda, li missieri r-re ħareġ minn Ġuda? 14  Jien smajt li l-ispirtu tal-allat qiegħed fik, u li int magħruf għall-għarfien u l-abbiltà li tifhem u għall-għerf tal-għaġeb li għandek. 15  Diġà ġabu lill-irġiel għorrief u lil dawk li jbassru l-futur quddiemi, biex jaqraw din il-kitba u jgħiduli xi tfisser, imma ma kinux kapaċi jgħiduli xi jfisser il-messaġġ. 16  Imma jien smajt li int kapaċi tgħidli xi jfisser u li ssolvi problemi diffiċli.* Jekk int kapaċi taqra l-kliem u tgħidli xi jfisser, se tiġi mlibbes ħwejjeġ taʼ kulur vjola u ġiżirana tad-deheb, u se tkun it-tielet wieħed li tmexxi fis-saltna.” 17  Imbagħad jien, Danjel, għedt lir-re: “Ir-rigali tiegħek żommhom u l-premju agħtih lil oħrajn. Imma jien se naqralek il-kitba u ngħidlek xi tfisser. 18  Re, l-Alla l-Iktar Għoli ta lil missierek Nebukadnessar, is-saltna, il-kobor, l-unur, u l-glorja. 19  Minħabba l-pożizzjoni għolja li tah Alla, nies taʼ popli u lingwi differenti kienu jitriegħdu bil-biżaʼ quddiemu. Hu kien joqtol jew iħalli ħaj lil min ried, u jonora jew jumilja lil min ried hu. 20  Hu aġixxa bi prużunzjoni meta qalbu tkabbret u sar rasu iebsa. Għalhekk, tniżżel mit-tron tas-saltna tiegħu u ttiħditlu d-dinjità tiegħu. 21  U tkeċċa minn fost il-bnedmin, u qalbu saret bħal taʼ bhima, u beda jgħix mal-ħmir slavaġ. Kiel il-ħaxix bħall-barrin u xxarrab bin-nida, sakemm sar jaf li l-Alla l-Iktar Għoli hu l-Mexxej tas-saltna tal-bnedmin u hu jagħtiha lil min irid. 22  “Imma int, it-tifel tiegħu, Belsassar, m’umiljajtx ruħek għalkemm kont taf dan kollu. 23  Minflok, int ħadtha kontra l-Mulej tas-sema, u għedtilhom biex iġibulek it-tazzi tat-tempju tiegħu. Imbagħad int u n-nies importanti tiegħek, il-konkubini u n-nisa l-oħra tiegħek xrobtu l-inbid minnhom u faħħartu allat tal-fidda u d-deheb, tar-ram, tal-ħadid, tal-injam, u tal-ġebel, allat li ma jaraw xejn, ma jisimgħu xejn, u ma jafu xejn. Imma ma gglorifikajtx lill-Alla li ħajtek u dak kollu li tagħmel qegħdin f’idejh. 24  Għalhekk, hu bagħat l-id, u ġiet minquxa din il-kitba. 25  Din hi l-kitba li ġiet miktuba: MENE, MENE, TEKEL, u PARSIN. 26  “Dan hu t-tifsir tal-kliem: MENE: Alla għadd il-ġranet tas-saltna tiegħek u ġabha fi tmiemha. 27  “TEKEL: int ġejt miżun fuq miżien u nstabt bin-nieqes. 28  “PERES:* is-saltna tiegħek ġiet maqsuma u ngħatat lill-Medin u lill-Persjani.” 29  Imbagħad Belsassar ta l-kmand, u lili, Danjel, libbsuni ħwejjeġ taʼ kulur vjola u ġiżirana tad-deheb; u ħabbru li jien se nkun it-tielet wieħed li mmexxi fis-saltna. 30  Dak il-lejl stess, Belsassar, ir-re Kaldew, ġie maqtul. 31  U Darju l-Medi rċieva s-saltna meta kellu madwar 62 sena.

Noti taʼ taħt

Jew “nannuh.”
Jew “id-dehra tar-re tbiddlet.”
Jiġifieri grupp taʼ nies li kienu tas-sengħa f’li jbassru l-futur u l-astroloġija.
Jew “raġel kapaċi.”
Jiġifieri grupp taʼ nies li kienu tas-sengħa f’li jbassru l-futur u l-astroloġija.
Letteralment “iħoll l-għoqiedi.”
Letteralment “tħoll l-għoqiedi.”
Il-kelma bl-Aramajk “Peres” hi s-singular tal-kelma “Parsin.”