Danjel 8:1-27
8 Jien, Danjel, rajt viżjoni oħra fit-tielet sena tat-tmexxija tar-Re Belsassar.
2 Jien kont fil-palazz* taʼ Susan,* li qiegħed fil-provinċja t’Għelam. Jien rajt il-viżjoni meta kont ħdejn ix-xmara* t’Ulaj.
3 Hekk kif ħarist, kien hemm muntun quddiem ix-xmara, u kellu żewġt iqrun. Iż-żewġt iqrun kienu twal, imma wieħed kien itwal mill-ieħor, u l-itwal wieħed telaʼ iktar tard.
4 Rajt il-muntun jagħti bil-qrun lejn il-Punent, lejn it-Tramuntana, u lejn in-Nofsinhar, u l-ebda annimal salvaġġ ma setaʼ jiħodha kontrih. U ħadd ma setaʼ jeħles lil ħadd mill-qawwa tiegħu.* Kien jagħmel li jrid u kien arroganti.
5 Hekk kif bqajt inħares, rajt bodbod ġej mill-Punent,* u tant kien għaddej b’saħħa minn fuq wiċċ l-art li ma kienx qed imiss l-art. U l-bodbod kellu qarn li jispikka bejn għajnejh.
6 Dan kien ġej jiġri lejn il-muntun li kellu ż-żewġt iqrun, li kont rajt quddiem ix-xmara. Dan kien qed jiġri lejh b’rabja kbira.
7 Jien rajtu sejjer għall-muntun, u kien irrabjat ħafna għalih. Dan attakka lill-muntun u kissirlu ż-żewġt iqrun, u l-muntun ma kellux saħħa biex jiqaflu. Il-bodbod tefaʼ mal-art lill-muntun u għaffġu b’saqajh, u ma kien hemm ħadd li setaʼ jeħles lill-muntun mill-qawwa tiegħu.
8 Imbagħad il-bodbod beda jkun arroganti b’mod estrem, imma malli sar b’saħħtu, il-qarn il-kbir tiegħu nkiser; minfloku telgħu erbat iqrun li jispikkaw, lejn l-erbaʼ direzzjonijiet.*
9 Minn wieħed minnhom ħareġ qarn ieħor, wieħed żgħir, u dan kiber ħafna lejn in-Nofsinhar, lejn il-Lvant,* u lejn l-Art is-Sabiħa.*
10 Dan tant kiber li laħaq l-armata tas-sema, u ġiegħel lil xi wħud mill-armata u mill-istilel biex jaqgħu fuq l-art, u hu għaffiġhom taħt saqajh.
11 Hu kien arroganti saħansitra mal-Prinċep tal-armata, u twaqqfulu* s-sagrifiċċji li kienu jsiru kuljum, u l-post stabbilit tas-santwarju tiegħu ġie mwaqqaʼ.
12 Armata ġiet taħt idejh, u twaqqfu s-sagrifiċċji taʼ kuljum minħabba d-dnub; u dan baqaʼ jitfaʼ l-verità mal-art, u aġixxa u kellu suċċess.
13 U jien smajt lil wieħed qaddis jitkellem, u qaddis ieħor qallu: “Kemm se ddum il-viżjoni tas-sagrifiċċju taʼ kuljum u tad-dnub li qed iġib ħerba, biex jitgħaffġu taħt is-saqajn kemm il-post qaddis u kemm l-armata?”
14 Allura wiġibni: “Sakemm jgħaddu 2,300 ġurnata;* u l-post qaddis żgur li se jerġaʼ jkun fil-kundizzjoni kif suppost.”
15 Waqt li jien, Danjel, kont qed nara l-viżjoni u nipprova nifhem, f’daqqa waħda rajt quddiemi lil xi ħadd li kien jidher qisu raġel.
16 Imbagħad smajt leħen taʼ raġel min-nofs ix-xmara t’Ulaj, u hu għajjat: “Gabrijel, spjega lil dan ir-raġel dak li ra.”
17 Għalhekk, ġie ħdejja fejn kont, u tant twerwirt li nżilt wiċċi mal-art. Hu qalli: “Bin il-bniedem, kun af li l-viżjoni hi għaż-żmien tal-aħħar.”
18 Imma waqt li kien qed ikellimni, irqadt fil-fond b’wiċċi mal-art. Għalhekk, messni u għenni nqum bilwieqfa fejn kont.
19 Imbagħad qal: “Jien se ngħidlek x’se jiġri fl-aħħar parti tal-ġudizzju t’Alla, għax din hi għaż-żmien magħżul, jiġifieri għaż-żmien tal-aħħar.
20 “Il-muntun b’żewġt iqrun li rajt jirrappreżenta lir-rejiet tal-Medja u tal-Persja.
21 Il-bodbod sufi jirrappreżenta lir-re tal-Greċja; u l-qarn il-kbir li kien bejn għajnejh jirrappreżenta lill-ewwel re.
22 L-erbat iqrun li joħorġu minflok il-qarn imkisser, huma erbaʼ saltniet li se joħorġu minn dan ir-re, imma ma jkollhomx il-qawwa tiegħu.
23 “U fl-aħħar parti tat-tmexxija tagħhom, hekk kif dawk li jagħmlu d-dnubiet jaslu fil-limitu tal-ħażen tagħhom, jibda jmexxi re kattiv li jifhem espressjonijiet ikkumplikati.*
24 Hu se jsir b’saħħtu ħafna, imma mhux bil-qawwa tiegħu stess. Hu tant se jeqred affarijiet li se jgħaġġeb lin-nies, u se jirnexxi f’kulma jagħmel. Lil dawk b’saħħithom se jeqridhom, anki lill-poplu qaddis.
25 B’makakkerija, hu se jqarraq biex jirnexxi; u se jitkabbar f’qalbu; u matul żmien taʼ paċi,* se jeqred lil ħafna. Hu se jiħodha saħansitra kontra l-Prinċep tal-prinċpijiet, imma se jitkisser, iżda mhux minn xi bniedem.
26 “Li ntqal fil-viżjoni dwar il-ġranet hu veru, imma int għandek iżżomm din il-viżjoni fis-sigriet, għax din tirreferi għall-futur.”*
27 Jien, Danjel, għal xi ġranet ħassejtni għajjien ħafna u ma niflaħx. Imbagħad qomt u komplejt nagħmel ix-xogħol tar-re; imma kont imbellah b’dak li rajt, u ħadd ma setaʼ jifhem il-viżjoni.
Noti taʼ taħt
^ Jew “fil-fortizza; fiċ-ċittadella.”
^ Jew “Susa.”
^ Jew “il-kanal tal-ilma.”
^ Letteralment “minn idu.”
^ Jew “minn inżul ix-xemx.”
^ Letteralment “l-erbat irjieħ tas-smewwiet.”
^ Jew “lejn tlugħ ix-xemx.”
^ Jew “id-Dekorazzjoni.”
^ Jiġifieri lill-Prinċep tal-armata.
^ Letteralment “filgħaxijiet u filgħodujiet.”
^ Jew “li jilħaqlu biex jippjana.”
^ Jew forsi “f’daqqa waħda.”
^ Letteralment “għad iridu jgħaddu ħafna jiem.”

