Danjel 10:1-21

  • Alla jibgħat messaġġier għand Danjel (1-21)

    • Mikiel jgħin lill-anġlu (13)

10  Fit-tielet sena tat-tmexxija tar-Re Ċiru tal-Persja, Danjel li kienu semmewh Beltesassar irċieva messaġġ, u dan kien veru u kien dwar ġlieda kbira. Danjel fehem il-messaġġ u ġie megħjun jifhem dak li kien ra. 2  F’dak iż-żmien, jien, Danjel, kont ilni tliet ġimgħat sħaħ bil-vistu. 3  Ma kiltx ikel mill-aqwa, ma doqtx laħam jew inbid, u lanqas ma ndlikt biż-żejt għal tliet ġimgħat sħaħ. 4  Fl-24 jum tal-ewwel xahar, waqt li kont ħdejn ix-xatt tax-xmara l-kbira, it-Tigri,* 5  ħarist u rajt raġel liebes ħwejjeġ tal-għażel, u madwar qaddu kellu ċinturin tad-deheb minn Ufaż. 6  Ġismu kien qisu ħaġar tal-krisolitu, wiċċu kien ileqq bħall-beraq, għajnejh kienu bħal torċi tan-nar, idejh u saqajh kienu qishom ram ileqq, u l-ħoss taʼ leħnu kien bħall-ħoss taʼ ħafna nies. 7  Jien biss rajt il-viżjoni; l-irġiel li kienu miegħi ma rawhiex. Imma bdew jitriegħdu bil-biżaʼ, u ħarbu u marru jistaħbew. 8  Għalhekk, jien bqajt waħdi, u meta rajt din il-viżjoni impressjonanti, spiċċajt bla saħħa, wiċċi bjad, u ma kienx baqagħli enerġija. 9  Imbagħad smajt lil dak li kien qed ikellimni; imma meta smajtu, jien irqadt fil-fond b’wiċċi mal-art. 10  Wara messitni id, u din qajmitni fuq idejja u rkopptejja. 11  Imbagħad qalli: “Danjel, int raġel prezzjuż* ħafna, agħti kas dak li se ngħidlek. Issa qum bilwieqfa fejn kont, għax jien intbgħatt għandek.” Meta qalli hekk, jien qomt u kont qed nitriegħed. 12  Imbagħad qalli: “Danjel tibżax. It-talb tiegħek instemaʼ minn dakinhar li int kont determinat li tifhem u umiljajt ruħek quddiem l-Alla tiegħek, u jien ġejt għandek għal din ir-raġuni. 13  Imma l-prinċep tat-territorju rjali tal-Persja ħadha kontrija għal 21 ġurnata. Imma mbagħad Mikiel,* wieħed mill-prinċpijiet taʼ pożizzjoni għolja, ġie jgħinni; u jien bqajt maġenb ir-re tal-Persja. 14  Jien ġejt infiehmek x’se jiġri lill-poplu tiegħek fl-aħħar parti tal-jiem, għax din hi viżjoni li trid tiġri fil-futur.” 15  Wara li qalli dan, ħarist ’l isfel lejn l-art u ma flaħtx nitkellem. 16  Imbagħad il-wieħed li kien bħal raġel messli xofftejja, u jien għedt lil dak li kien hemm quddiemi: “Sidi, qed nitriegħed minħabba l-viżjoni, u m’għadx għandi saħħa. 17  Allura jien, il-qaddej tiegħek, kif nistaʼ nitkellem miegħek, sidi? Għax jien m’għadx għandi saħħa u bilkemm nistaʼ nieħu nifs.” 18  Dak li kien jidher bħal raġel reġaʼ messni u saħħaħni. 19  Imbagħad qalli: “Tibżax, raġel prezzjuż* ħafna. Jalla jkollok il-paċi! Agħmel kuraġġ, iva, agħmel kuraġġ!” Hekk kif beda jkellimni ssaħħaħt u għedt: “Tkellem sidi, għax int saħħaħtni.” 20  Imbagħad qal: “Taf għala ġejt għandek? Issa sejjer lura biex niġġieled mal-prinċep tal-Persja. Meta nitlaq, se jiġi l-prinċep tal-Greċja. 21  Imma se ngħidlek l-affarijiet li huma mniżżlin fil-ktieb tal-verità. M’hemm ħadd li qed jappoġġani sew f’dawn l-affarijiet ħlief Mikiel, il-prinċep tagħkom.

Noti taʼ taħt

Letteralment “il-Ħiddekel.”
Jew “maħbub; stmat.”
Ifisser “Min Hu bħal Alla?”
Jew “maħbub; stmat.”