Danjel 7:1-28

  • Viżjoni tal-erbaʼ bhejjem (1-8)

    • Jitlaʼ qarn żgħir arroganti (8)

  • Ix-Xiħ fil-Jiem (9-14)

  • Tiġi spjegata l-viżjoni lil Danjel (15-28)

    • L-erbaʼ bhejjem huma erbaʼ rejiet (17)

    • Il-qaddisin se jirċievu s-saltna (18)

    • Se joħorġu għaxart iqrun, jew rejiet (24)

7  Fl-ewwel sena tat-tmexxija tar-Re Belsassar taʼ Babilonja, jien kelli ħolma u rajt viżjonijiet hekk kif kont mimdud fuq is-sodda tiegħi. Imbagħad ktibt il-ħolma u rrakkontajt eżatt kif ġraw l-affarijiet. 2  Jien għedt: “Billejl, waqt li kont qed nara l-viżjonijiet, rajt ir-riħ jonfoħ mill-erbaʼ direzzjonijiet* fuq il-baħar vast, u b’hekk kien imqalleb ħafna. 3  U mill-baħar ħarġu erbaʼ bhejjem enormi, u kull waħda kienet differenti mill-oħrajn. 4  “L-ewwel waħda kienet qisha ljun, u kellha ġwienaħ t’ajkla. Bqajt inħares lejha sakemm tqaċċtulha l-ġwienaħ, u din tgħolliet mill-art u ġiet imġiegħla toqgħod fuq żewġ saqajn bħal bniedem, u ngħatat qalb taʼ bniedem. 5  “Imbagħad rajt it-tieni bhima, u din kienet qisha ors. Din tgħolliet fuq naħa waħda, u kellha tliet kustilji f’ħalqha; u ntqalilha, ‘Qum, kul ħafna laħam.’ 6  “Wara dan bqajt inħares u rajt bhima oħra. Din kienet qisha leopard, imma fuq daharha kellha erbaʼ ġwienaħ bħal dawk t’għasfur. U l-bhima kellha erbat irjus, u ngħatat l-awtorità biex tmexxi. 7  “Wara dan bqajt inħares u fil-viżjonijiet li kelli matul il-lejl rajt ir-rabaʼ bhima, li kienet tal-biżaʼ, tat-twerwir, u b’saħħitha iktar min-normal. Hi kellha snien kbar tal-ħadid. Din kienet qed tiblaʼ u tfarrak, u dak li kien jifdal, kienet qed tgħaffġu taħt saqajha. Kienet differenti mit-tliet bhejjem l-oħra taʼ qabilha, u kellha għaxart iqrun. 8  Waqt li kont qed ninnota l-qrun, rajt qarn ieħor żgħir tielaʼ fosthom, u tlieta mill-ewwel qrun tqaċċtu quddiemu. U fuq dan il-qarn, kien hemm għajnejn bħal dawk taʼ bniedem u ħalq li kien qed jitkellem b’mod arroganti.* 9  “Bqajt inħares sakemm tqiegħdu tronijiet u qagħad bilqiegħda x-Xiħ fil-Jiem. Il-ħwejjeġ tiegħu kienu bojod bħas-silġ, u xagħru kien bħas-suf nadif. It-tron tiegħu kien qisu fjammi tan-nar; ir-roti tiegħu kienu qishom qed jaqbdu bin-nar. 10  Minn quddiemu kienet ħierġa xmara tan-nar. Kien hemm jaqduh elf għal elf, u quddiemu kien hemm għaxart elef għal għaxart elef. L-Imħallef* qagħad bilqiegħda u l-kotba nfetħu. 11  “Jien bqajt inħares hekk kif il-qarn kien qed jgħid kliem arroganti;* u bqajt inħares sakemm il-bhima ġiet maqtula u ġisimha nqered billi nħaraq fin-nar. 12  Imma lill-bqija tal-bhejjem itteħditilhom it-tmexxija tagħhom, u ħajjithom ġiet imtawla għal żmien u staġun. 13  “Bqajt inħares u fil-viżjonijiet li kelli matul il-lejl, rajt lil xi ħadd qisu bin il-bniedem ġej mas-sħab. Hu ngħata l-permess jidħol quddiem ix-Xiħ fil-Jiem, u ħaduh viċin dan il-Wieħed. 14  U lilu ngħataw tmexxija, unur, u saltna, ħalli nies taʼ popli u lingwi differenti jaqduh. It-tmexxija tiegħu hi tmexxija li tibqaʼ għal dejjem u ma tispiċċa qatt, u s-saltna tiegħu mhux se tinqered. 15  “U jien, Danjel, tgħidx kemm kont* imdejjaq minħabba li l-viżjonijiet li rajt beżżgħuni. 16  Jien mort ħdejn wieħed minn dawk li kienu bilwieqfa u staqsejtu xi jfisser dan kollu. Hu wiġibni u qalli xi jfissru dawn l-affarijiet. 17  “‘Dawn il-bhejjem enormi, li huma erbgħa, huma erbaʼ rejiet li se jiġu mill-art. 18  Imma l-qaddisin tal-Alla Suprem se jirċievu s-saltna, u huma se jkollhom is-saltna għal dejjem, iva, għal dejjem taʼ dejjem.’ 19  “Imbagħad xtaqt inkun naf dwar ir-rabaʼ bhima, li kienet differenti mill-oħrajn kollha. Din kienet veru tal-biżaʼ. Kellha snienha tal-ħadid u d-dwiefer tar-ram, u kienet qed tiblaʼ u tfarrak, u tgħaffeġ b’saqajha dak li jibqaʼ. 20  U xtaqt inkun naf iktar dwar l-għaxart iqrun li kellha fuq rasha, u l-qarn l-ieħor li ħareġ u waqgħu tlieta quddiemu, il-qarn li kellu l-għajnejn u ħalq li jitkellem b’mod arroganti,* u kien jidher ikbar mill-oħrajn. 21  “Bqajt inħares hekk kif il-qarn iggwerra kontra l-qaddisin, u kien qed jirbħilhom, 22  sakemm ġie x-Xiħ fil-Jiem, l-Alla Suprem, u għamel ġudizzju favur il-qaddisin, u wasal iż-żmien magħżul li l-qaddisin jieħdu s-saltna. 23  “Dak li kien qed jispjegali qalli: ‘Ir-rabaʼ bhima hi r-rabaʼ saltna li se jkun hawn fuq l-art. Din se tkun differenti mis-saltniet l-oħrajn kollha, se tiblaʼ l-art kollha, tgħaffiġha, u tfarrakha. 24  L-għaxart iqrun huma għaxar rejiet li se joħorġu minn din is-saltna. Warajhom se jerġaʼ joħroġ ieħor, u dan se jkun differenti minn dawn l-għaxra u se jumilja tliet rejiet. 25  Hu se jitkellem kontra l-Iktar Għoli, u se jippersegwita l-qaddisin tiegħu, tal-Alla Suprem. Hu se jkollu l-ħsieb li jbiddel iż-żminijiet u l-liġi, u dawn se jingħataw f’idejh għal tliet snin u nofs.* 26  Imma l-Imħallef* poġġa, u neħħew is-saltna taʼ dan ir-re, sabiex iġibuh fix-xejn u jeqirduh għalkollox. 27  “‘U s-saltna, it-tmexxija, u l-kobor tas-saltniet taħt is-sema kollha ngħataw lin-nies li huma l-qaddisin tal-Alla Suprem. Is-saltna tagħhom hi saltna li se tibqaʼ għal dejjem, u l-mexxejja kollha se jaqdu u jobdu lilhom.’ 28  “Dan hu dak li rajt fil-ħolma li kelli. U jien, Danjel, tant bżajt li bjadt,* imma bqajt naħseb dwar dak li rajt u smajt.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “l-erbat irjieħ tas-smewwiet.”
Jew “kien qed jiftaħar.”
Letteralment “Il-Qorti.”
Jew “qed jiftaħar.”
Letteralment “l-ispirtu tiegħi kien.”
Jew “li jiftaħar.”
Jew “għal żmien, żminijiet, u nofs żmien.”
Letteralment “il-Qorti.”
Jew “li d-dehra tiegħi nbidlet.”