Danjel 6:1-28

  • Uffiċjali Persjani jikkonfoffaw kontra Danjel (1-9)

  • Danjel jibqaʼ jitlob (10-15)

  • Danjel jiġi mitfugħ fil-ħofra tal-iljuni (16-24)

  • Ir-Re Darju jonora lill-Alla taʼ Danjel (25-28)

6  Darju għoġbu jinkariga 120 satrapa* fuq is-saltna kollha. 2  Fuqhom kien hemm tliet uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja u wieħed minnhom kont jien, Danjel, u s-satrapi kienu jgħidulna kulma jiġri ħalli r-re ma jmurx minn taħt. 3  Maż-żmien, jien kont qed nuri li kont iktar ikkwalifikat mill-uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja u s-satrapi l-oħra, għax ingħatajt abbiltà* speċjali, u r-re kellu l-ħsieb li jagħtini l-awtorità fuq is-saltna kollha. 4  Dak iż-żmien, l-uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja u s-satrapi kienu qed ifittxu xi ħaġa biex jakkużawni biha rigward kwistjonijiet tas-saltna,* imma ma setgħu jsibu xejn fuqiex jakkużawni jew xi korruzzjoni, għax jien kont taʼ min jafdani u la kont traskurat u lanqas korrott. 5  Imbagħad dawn l-irġiel qalu: “Mhu se nsibu xejn li lil Danjel nistgħu nakkużawh biha, sakemm ma nsibux xi ħaġa li tmur kontra l-liġi tal-Alla tiegħu.” 6  Allura dawn l-uffiċjali għolja u s-satrapi daħlu bħala grupp għand ir-re u qalulu: “Re Darju, jalla tgħix għal dejjem! 7  L-uffiċjali rjali, il-prefetti, is-satrapi, l-uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja, u l-gvernaturi kollha tkellimna flimkien u qbilna li għandek toħroġ liġi li ddaħħal fis-seħħ projbizzjoni: Għal 30 jum, kull min jitlob lil xi alla jew lil xi bniedem ħlief lilek, re, għandu jiġi mitfugħ fil-ħofra tal-iljuni. 8  Issa oħroġ il-liġi u ffirmaha ħalli ma tkunx tistaʼ tinbidel, skont il-liġi tal-Medin u l-Persjani, li ma tistax titħassar.” 9  Allura r-Re Darju ffirma l-liġi dwar il-projbizzjoni. 10  Imma malli sirt naf li l-liġi ġiet iffirmata, jien mort id-dar tiegħi li kellha t-twieqi fil-kamra taʼ fuq miftuħin lejn Ġerusalemm. Hemmhekk, jien kont ninżel għarkopptejja tliet darbiet kuljum biex nitlob u nfaħħar lil Alla, bħalma dejjem kont nagħmel. 11  Dak iż-żmien, dawn l-irġiel daħlu fid-dar tiegħi u sabuni nitlob u nissupplika lill-Alla tiegħi għall-ħniena. 12  Għalhekk, daħlu quddiem ir-Re u fakkruh dwar il-liġi rjali u qalulu: “Re, int iffirmajt il-liġi li tgħid li għal 30 jum kull min jitlob lil xi alla jew lil xi bniedem ħlief lilek, għandu jiġi mitfugħ fil-ħofra tal-iljuni, hux hekk?” Ir-re wieġeb: “Il-kwistjoni hi stabbilita sew skont il-liġi tal-Medin u tal-Persjani, u ma tistax tiġi mħassra.” 13  Huma mill-ewwel qalu lir-re: “Danjel, li hu mill-eżiljati taʼ Ġuda, la wera rispett lejk, Re, u lanqas lejn il-liġi li int iffirmajt, għax qed jitlob tliet darbiet kuljum.” 14  Malli r-re semaʼ dan, hu kien imdejjaq ħafna, u pprova jara kif jistaʼ jeħlisni; u baqaʼ jagħmel sforz biex isalvani sakemm niżlet ix-xemx. 15  Fl-aħħar, dawn l-irġiel daħlu bħala grupp għand ir-re u qalulu: “Ftakar li l-liġi tal-Medin u tal-Persjani hi li kwalunkwe projbizzjoni jew liġi li r-re jkun stabbilixxa ma tistax tinbidel.” 16  Allura r-re ta kmand u lili, Danjel, ħaduni u tefgħuni fil-ħofra tal-iljuni. Ir-re qalli: “L-Alla tiegħek li int il-ħin kollu taqdi, se jeħilsek.” 17  Imbagħad ġabu ġebla u qegħduha fuq id-daħla* tal-ħofra, u r-re ssiġillaha biċ-ċurkett tas-siġill tiegħu u biċ-ċurkett tas-siġill tan-nies importanti tiegħu, ħalli xejn ma jkun jistaʼ jbiddel id-deċiżjoni li ttieħdet kontrija, Danjel. 18  Imbagħad ir-re mar fil-palazz tiegħu. Hu sam il-lejl kollu, u ma riedx li jġibulu lil min idoqqlu l-mużika, u ma setax jorqod.* 19  Malli sebaħ, ir-re għaġġel u mar fejn il-ħofra tal-iljuni. 20  Kif kien qrib il-ħofra, hu għajjatli b’leħnu miksur. Ir-re staqsieni: “Danjel, qaddej tal-Alla l-ħaj, l-Alla tiegħek li dejjem taqdi kien kapaċi jeħilsek mill-iljuni?” 21  Jien mill-ewwel wiġibt lir-re: “Re, jalla tgħix għal dejjem! 22  Alla tiegħi bagħat l-anġlu tiegħu u għalaq ħalq l-iljuni, u huma ma weġġgħunix, għax hu ra li jien kont innoċenti; u jien m’għamiltlek xejn ħażin.” 23  Ir-re tgħidx kemm feraħ, u ta kmand biex itellgħuni mill-ħofra. Meta tellgħuni mill-ħofra, jien lanqas girfa ma kelli, għax fdajt fl-Alla tiegħi. 24  Ir-re ta kmand, u nġiebu l-irġiel li kienu akkużawni,* u huma flimkien mat-tfal u n-nisa tagħhom ġew mitfugħin fil-ħofra tal-iljuni. L-iljuni qabżu fuqhom u farrku l-għadam tagħhom qabel messew il-qiegħ tal-ħofra. 25  Imbagħad ir-Re Darju kiteb lin-nies taʼ popli u lingwi differenti li kienu joqogħdu mad-dinja kollha: “Jalla jkollkom ħafna paċi! 26  Jien qed noħroġ kmand li f’kull territorju tas-saltna tiegħi, in-nies għandhom jitriegħdu bil-biżaʼ quddiem l-Alla taʼ Danjel. Għax hu l-Alla l-ħaj u jibqaʼ għal dejjem. Is-saltna tiegħu qatt mhu se tinqered, u t-tmexxija tiegħu hi għal dejjem. 27  Hu jsalva, jeħles, u jagħmel mirakli u affarijiet tal-għaġeb fis-sema u fuq l-art, għax hu ħeles lil Danjel minn taħt difrejn l-iljuni.” 28  Allura jien, Danjel, irnexxejt matul it-tmexxija taʼ Darju u matul it-tmexxija taʼ Ċiru l-Persjan.

Noti taʼ taħt

Letteralment “spirtu.”
Jew “tal-istat.”
Letteralment “il-bokka.”
Letteralment “tarlu n-ngħas.”
Jew “immalafamawni.”