Danjel 11:1-45

  • Ir-rejiet tal-Persja u l-Greċja (1-4)

  • Ir-rejiet tan-Nofsinhar u t-Tramuntana (5-45)

    • Se jilħaq xi ħadd biex jiġbor it-taxxi (20)

    • Il-Mexxej tal-patt se jinqatel (22)

    • L-alla tal-fortizzi jiġi gglorifikat (38)

    • Ġlied bejn ir-re tan-Nofsinhar u r-re tat-Tramuntana (40)

    • Jaslu rapporti taʼ inkwiet mil-Lvant u t-Tramuntana (44)

11  Imbagħad hu qalli: “Fl-ewwel sena tat-tmexxija taʼ Darju l-Medi, jien qomt biex insaħħaħ u nipproteġi* lil Mikiel. 2  Dak li se ngħidlek hu l-verità: “Fis-saltna tal-Persja se jkun hemm* tliet rejiet oħra, u r-rabaʼ wieħed se jikseb iktar ġid mill-oħrajn kollha. U meta jsir b’saħħtu permezz taʼ dan il-ġid, hu se juża kulma jkollu kontra s-saltna tal-Greċja. 3  “U se jkun hemm re b’saħħtu li se jmexxi fuq ħafna pajjiżi u jagħmel dak li jogħġbu. 4  Imma meta jkun fl-aqwa tiegħu, is-saltna tiegħu se titfarrak u tixxerred fl-erbaʼ direzzjonijiet,* imma mhux se tgħaddi għand it-tfal* tiegħu u mhux se jkollha l-istess qawwa li mexxa biha hu. Dan għax is-saltna tiegħu se tiġi maqlugħa mill-għeruq u tingħata lil oħrajn. 5  “U r-re tan-Nofsinhar se jsir b’saħħtu, jiġifieri wieħed mill-ġenerali tiegħu; imma ħa jkun hemm wieħed* li se jegħlbu u jmexxi fuq ħafna pajjiżi, u ħa jkollu iktar awtorità minnu. 6  “Wara xi snin, huma se jagħmlu ftehim u t-tifla tar-re tan-Nofsinhar se tmur* għand ir-re tat-Tramuntana biex tagħmel ftehim. Imma hi se titlef il-qawwa tagħha, u r-re nnifsu se jitlef il-qawwa tiegħu. Hi, dawk li ġabuha, missierha, u dak li għenha f’dawk iż-żminijiet se jingħataw f’idejn ħaddieħor. 7  U membru tal-familja tat-tifla* se jilħaq minfloku, u hu se jiġi kontra l-armata u kontra l-fortizza tar-re tat-Tramuntana, jattakkahom, u jirbħilhom. 8  Hu se jmur l-Eġittu bl-allat tagħhom, bl-istatwi tal-metall* tagħhom, bl-oġġetti prezzjużi tal-fidda u d-deheb, u bl-ilsiera.* Għal xi snin, hu se jżomm ’il bogħod mir-re tat-Tramuntana, 9  li se jattakka s-saltna tar-re tan-Nofsinhar, imma se jmur lura f’pajjiżu stess. 10  “U t-tfal tiegħu* se jippreparaw għall-gwerra u se jgħaqqdu armata kbira immens. Wieħed minnhom* żgur li se javvanza u se jkaxkar kollox bħal dulluvju. Imma se jmur lura u jiggwerra sakemm jasal fil-fortizza tiegħu. 11  “U r-re tan-Nofsinhar se jirrabja ħafna u se joħroġ biex jiġġieled kontrih, jiġifieri kontra r-re tat-Tramuntana. Hu se jiġbor folla kbira, imma l-folla se tingħata f’idejn l-ieħor.* 12  Hu se jieħu l-folla, qalbu se titkabbar, u se jeqred għaxriet t’eluf. Hu se jsir b’saħħtu ħafna, imma mhux se jieħu vantaġġ minn dan. 13  “U r-re tat-Tramuntana se jerġaʼ lura u jiġbor folla akbar minn tal-bidu; u wara xi snin, hu żgur li se jiġi b’armata kbira u b’ħafna riżorsi. 14  F’dak iż-żmien, ħafna se jiħduha kontra r-re tan-Nofsinhar. “U l-uħud vjolenti fost il-poplu tiegħek se jipprovaw jagħmlu l-viżjoni vera, imma se jfallu.* 15  “U r-re tat-Tramuntana se jiġi u jtellaʼ rampa għall-assedju, u jieħu taħt idejh belt iffortifikata. U l-armati* tan-Nofsinhar bl-aqwa rġiel tagħhom mhux se jkunu kapaċi jibqgħu jiġġieldu u mhux se jifilħu għall-attakk. 16  Il-wieħed li jiġi kontrih se jagħmel dak li jogħġbu, u ħadd mhu se jiqaflu. Hu se jmur fl-Art is-Sabiħa* u se jkollu l-qawwa li jeqred għalkollox l-għedewwa tiegħu. 17  Hu se jkun determinat li jiġi bil-qawwa kollha tas-saltna tiegħu u se jagħmel ftehim miegħu; u se jagħmel dak li għandu f’moħħu. Hu se jitħalla jagħmel il-ħsara lit-tifla. Hi mhux se tissaporti u mhux se tkompli tkun tiegħu. 18  Hu se jmur* fl-artijiet taʼ mal-baħar u jieħu f’idejh ħafna minnhom. U kmandant se jwaqqaf l-imġiba arroganti tiegħu, ħalli jwaqqaf din l-umiljazzjoni, u b’hekk l-umiljazzjoni tiġi fuq l-ieħor. 19  Imbagħad imur lura lejn il-fortizzi taʼ pajjiżu stess, jitfixkel u jaqaʼ, u ma jibqax iktar. 20  “U minfloku se jilħaq wieħed li se jġiegħel lil xi ħadd jgħaddi mis-saltna sabiħa biex jiġbor it-taxxi,* imma fi ftit ġranet hu se jmut, iżda mhux għax xi ħadd ikun irrabja miegħu jew għax ikun mar għall-gwerra. 21  “U minfloku se jilħaq wieħed mibgħud,* u mhux se jagħtuh il-kobor tas-saltna; hu se jiġi fi żmien taʼ paċi* u se jieħu s-saltna bil-qerq.* 22  L-armati li qishom dulluvju se jitkaxkru minħabba fih u se jitfarrku. U l-wieħed li ġie inkarigat bħala l-Mexxej tal-patt se jinqatel. 23  U minħabba l-ftehim tagħhom mal-wieħed mibgħud, hu se jkompli jqarraq u jsir b’saħħtu permezz tal-għajnuna taʼ grupp żgħir taʼ nies. 24  Matul żmien taʼ paċi,* hu se jmur fl-iktar partijiet sinjuri tal-provinċja u se jagħmel dak li missirijietu u missirijiethom m’għamlux. Hu se jqassam fost il-poplu dak li jinsteraq, li jittieħed, u l-ġid; u se jippjana kontra l-postijiet iffortifikati, imma biss għal perjodu taʼ żmien. 25  “Hu se jagħmel il-kuraġġ u se juża l-qawwa tiegħu kontra r-re tan-Nofsinhar b’armata kbira, u r-re tan-Nofsinhar se jlesti ruħu għall-gwerra b’armata kbira immens u b’saħħitha. Hu* mhux se jibqaʼ fil-poter, għax se jippjanaw kontrih. 26  Se jwaqqgħuh dawk li jieklu mill-ikel mill-aqwa tiegħu. “U l-armata tiegħu se tiġi mkaxkra,* u ħafna se jinqatlu. 27  “Il-qalb taʼ dawn iż-żewġ rejiet hi miġbuda biex tagħmel dak li hu ħażin. Huma se joqogħdu bilqiegħda fuq mejda waħda u jigdbu lil xulxin. Imma xejn mhu se jirnexxi, għax it-tmiem se jiġi fiż-żmien magħżul. 28  “Hu se jmur lura lejn pajjiżu b’ammont kbir taʼ ġid, u qalbu se tkun kontra l-patt qaddis. Hu* se jagħmel dak li jkollu f’moħħu u jmur lura lejn pajjiżu. 29  “Fiż-żmien magħżul, se jiġi lura u jiħodha kontra n-Nofsinhar. Imma din id-darba mhux se jiġri bħal qabel, 30  għax il-vapuri tal-Kittim se jiġu kontrih u se jiġi umiljat. “Hu jmur lura u jisfoga r-rabja tiegħu* kontra l-patt qaddis u jagħmel dak li jkollu f’moħħu; u jmur lura u jitfaʼ l-attenzjoni tiegħu fuq dawk li qed jitilqu l-patt qaddis. 31  U l-armati tiegħu se jaġixxu u jiddiżonoraw is-santwarju, il-fortizza, u jneħħu s-sagrifiċċju taʼ kuljum. “U se jqiegħdu hemm il-ħaġa moqżieża li ġġib ħerba. 32  “B’dak li jgħid,* hu se jqarraq b’dawk li jaġixxu ħażin billi jiħduha kontra l-patt u jġegħelhom jirribellaw kontra Alla. Imma n-nies li jafu l-Alla tagħhom, se jibqgħu sodi u se jirnexxu f’dak li jagħmlu. 33  U dawk li għandhom l-abbiltà li jifhmu fost il-poplu, se jgħallmu lil ħafna. Għal xi żmien, huma se jbatu.* Huma se jsiru vittmi tax-xabla u tal-fjammi, se jsiru lsiera, u se jiħdulhom il-ġid tagħhom. 34  Imma meta jkunu qed ibatu,* huma se jingħataw ftit għajnuna; u ħafna nies se jingħaqdu magħhom permezz taʼ kliem qarrieq.* 35  U xi wħud minn dawk li għandhom l-abbiltà li jifhmu se jiġu mġiegħla jitfixklu biex ikunu f’kundizzjoni nadifa, aħjar, u bla tebgħa saż-żmien tat-tmiem; għax dan se jiġri fiż-żmien magħżul. 36  “Ir-re* se jagħmel dak li jogħġbu, ifaħħar lilu nnifsu, u jitkabbar fuq kull alla; hu se jidgħi* kontra l-Alla tal-allat. Hu se jirnexxi sakemm jasal iż-żmien li Alla jikkastigah, għax dak li ġie deċiż irid iseħħ. 37  Hu mhu se juri l-ebda rispett għall-Alla taʼ missirijietu u lanqas se juri rispett għax-xewqa tan-nisa jew taʼ xi alla ieħor, imma hu se jitkabbar fuq kulħadd. 38  Imma minflok, hu se jagħti glorja lill-alla tal-fortizzi, lill-alla li missirijietu ma kinux jafuh. Hu se jagħtih glorja bid-deheb, il-fidda, il-ħaġar prezzjuż, u affarijiet prezzjużi. 39  Hu se jattakka* l-iktar fortizzi b’saħħithom bl-għajnuna t’alla barrani. Hu se jagħti glorja kbira lil dawk li jappoġġawh* u se jagħmilhom imexxu fost ħafna; u se jkun lest li jagħti* l-art lil min ikun lest li jħallas. 40  “Fiż-żmien tat-tmiem, ir-re tan-Nofsinhar se jiġġieled mar-re tat-Tramuntana,* u r-re tat-Tramuntana se jiġi kontrih bħal riefnu b’karrijiet, b’rikkieba taż-żwiemel, u b’ħafna vapuri; u se jidħol f’ħafna pajjiżi u se jkaxkar kollox bħal dulluvju. 41  Hu se jidħol ukoll fl-Art is-Sabiħa,* u ħafna pajjiżi se jiġu megħlubin. Imma dawn huma dawk li se jeħilsuha minn taħt idejh: Edom, Mowab, u l-iktar nies importanti t’Għammon. 42  U hu se jkompli juża l-qawwa tiegħu kontra l-pajjiżi, u l-art tal-Eġittu mhux se teħlisha. 43  Hu se jkollu kontroll fuq it-teżori moħbijin tad-deheb, tal-fidda, u tal-affarijiet prezzjużi kollha tal-Eġittu. U l-Libjani u l-Etjopjani se jimxu warajh.* 44  “Imma se jinkwetawh rapporti li jiġu mil-Lvant* u mit-Tramuntana, u hu jmur b’rabja kbira biex iġib fix-xejn u jeqred lil ħafna. 45  Hu se jarma t-tinda rjali* tiegħu bejn il-baħar il-kbir u l-muntanja qaddisa tal-Art is-Sabiħa;* u se jiġi fi tmiemu u mhu se jkun hemm ħadd li se jgħinu.

Noti taʼ taħt

Jew “u nkun bħala fortizza għalih.”
Letteralment “se jqumu.”
Letteralment “fl-erbat irjieħ tas-smewwiet.”
Jew “id-dixxendenti.”
Milli jidher qed jirreferi għar-re tat-Tramuntana.
Jew “tiżżewweġ.”
Letteralment “rimja minn għeruqha.”
Jew “bl-istatwi minn metall imdewweb.”
Jistaʼ jkun qed jirreferi għal nies, statwi, u oġġetti oħra.
Milli jidher qed jirreferi għar-re tat-Tramuntana.
Letteralment “Hu.”
Milli jidher qed jirreferi għar-re tan-Nofsinhar.
Letteralment “se jitfixklu.”
Letteralment “l-idejn.”
Jew “fid-Dekorazzjoni.”
Letteralment “idawwar wiċċu.”
Jew tistaʼ tirreferi wkoll għal xi ħadd li jirreġistra l-irġiel għall-armata.
Jew “b’konfoffa.”
Jew “immaqdar.”
Jew forsi “hu se jiġi bla mistenni.”
Jew forsi “Bla mistenni.”
Milli jidher qed jirreferi għar-re tat-Tramuntana.
Jew “mgħarrqa.”
Milli jidher qed jirreferi għar-re tat-Tramuntana.
Jew “jagħmel akkużi.”
Jew “Bi kliem mhux sinċier; Billi jfaħħar biex jingħoġob.”
Letteralment “se jitfixklu.”
Letteralment “jitfixklu.”
Jew “mhux sinċier.”
Milli jidher qed jirreferi għar-re tat-Tramuntana.
Jew “se jaġixxi b’mod effettiv kontra.”
Jew forsi “lil kull min jappoġġja hu.”
Jew “li jqassam.”
Letteralment “se jagħti bil-qrun miegħu.”
Jew “fid-Dekorazzjoni.”
Jew “se jagħmlu dak li jgħidilhom.”
Jew “minn tlugħ ix-xemx.”
Jew “tal-palazz.”
Jew “tad-Dekorazzjoni.”