Danjel 4:1-37
4 “Dan hu messaġġ mir-Re Nebukadnessar lin-nies kollha taʼ popli u lingwi differenti li qed jgħixu fuq l-art kollha: Jalla jkollkom ħafna paċi!
2 Għandi l-pjaċir ngħidilkom l-affarijiet tal-għaġeb li l-Alla l-Iktar Għoli għamel miegħi.
3 Kemm huma kbar il-mirakli tiegħu, u kemm hu tal-għaġeb dak li jagħmel! Is-saltna tiegħu hi saltna li tibqaʼ għal dejjem, u t-tmexxija tiegħu tibqaʼ minn ġenerazzjoni għal oħra.
4 “Jien, Nebukadnessar, kont komdu u kollox kien sejjer tajjeb fil-palazz tiegħi.
5 Imma darba kelli ħolma li beżżgħetni. Hekk kif kont fuq is-sodda tiegħi, dak li rajt u l-viżjonijiet li kelli beżżgħuni.
6 Allura ħriġt kmand biex iġibuli quddiemi lill-irġiel għorrief kollha taʼ Babilonja ħalli jfissruli l-ħolma.
7 “Imbagħad ġew il-qassisin li jagħmlu l-maġija, dawk li jbassru l-futur, il-Kaldin,* u l-astrologi. Meta għedtilhom xi ħlomt, huma ma setgħux jgħiduli xi tfisser.
8 Fl-aħħar daħal Danjel quddiemi, li ġie msemmi Beltesassar għall-alla tiegħi u li fih għandu l-ispirtu tal-allat qaddisin, u jien għedtlu xi ħlomt:
9 “‘Beltesassar, il-kap tal-qassisin li jagħmlu l-maġija, jien naf sew li l-ispirtu tal-allat qaddisin hu fik u li m’hemm ebda sigriet li hu diffiċli wisq għalik. Allura spjegali l-viżjonijiet li rajt fil-ħolma u xi jfissru.
10 “‘Fil-viżjonijiet li kelli waqt li kont fis-sodda, jien rajt siġra f’nofs l-art, u l-għoli tagħha kien immens.
11 Is-siġra kibret, saret b’saħħitha, laħqet is-sema, u kienet tidher mit-truf tal-art kollha.
12 Kellha weraq sabiħ, ħafna frott, u kien fiha ikel għal kulħadd. L-annimali kienu jmorru taħtha għad-dell, l-għasafar kienu jgħixu fuq il-friegħi tagħha, u l-ħlejjaq kollha kienu jieklu minnha.
13 “‘Hekk kif rajt il-viżjonijiet waqt li kont fis-sodda tiegħi, rajt għassies, messaġġier qaddis, nieżel mis-sema.
14 Hu għajjat b’leħen għoli: “Qaċċtu s-siġra, aqtgħu l-friegħi tagħha, neħħulha l-weraq, u ferrxu l-frott tagħha. Ħa jaħarbu l-annimali minn taħtha, u l-għasafar mill-friegħi tagħha.
15 Imma ħallu z-zokk bl-għeruq fl-art qalb il-ħaxix, u agħmlulu ċirku tal-ħadid u ċirku tar-ram. Ħalluh jixxarrab bin-nida u ħalluh fost l-annimali qalb il-ħaxix.
16 Ħa tinbidel qalbu minn dik taʼ bniedem għal t’annimal, u ħa jgħaddu sebaʼ snin* minn fuqu.
17 Dan hu l-kmand li ħareġ mill-għassiesa, u d-deċiżjoni li qed jgħidu l-messaġġiera qaddisin, ħalli n-nies ikunu jafu li l-Iktar Għoli hu l-Mexxej fis-saltna tal-bnedmin u li jagħtiha lil min irid, anki lill-iktar wieħed mhux importanti.”*
18 “‘Din kienet il-ħolma li jien, ir-Re Nebukadnessar, ħlomt. Issa Beltesassar, għidli xi tfisser, għax l-irġiel għorrief kollha tas-saltna tiegħi ma jistgħux ifissruhieli. Imma int kapaċi, għax għandek l-ispirtu tal-allat qaddisin fik.’
19 “Dak il-ħin, jien, Danjel, li kienu semmewni Beltesassar, għal mument bqajt mistagħġeb u bdejt nibżaʼ.
“Ir-re qalli, ‘Beltesassar, tħallix il-ħolma u t-tifsir tagħha jbeżżgħuk.’
“Jien wiġibtu, ‘Sidi, jalla l-ħolma ma tapplikax għalik imma għal dawk li jobogħduk, u t-tifsir tagħha għall-għedewwa tiegħek.
20 “‘Is-siġra li rajt, li kibret ħafna u saret b’saħħitha, li laħqet is-sema u li kienet tidher mill-art kollha,
21 li kellha weraq sabiħ, ħafna frott, kien fiha ikel għal kulħadd, l-annimali kienu jgħixu taħtha, u l-għasafar kienu jgħixu fuq il-friegħi tagħha,
22 hija int, re, għax int kbirt ħafna u sirt b’saħħtek, u l-kobor tiegħek kiber u laħaq is-sema, u t-tmexxija tiegħek waslet sa truf l-art.
23 “‘U r-re ra għassies, messaġġier qaddis, nieżel mis-sema, li beda jgħid: “Qaċċtu s-siġra u eqirduha, imma ħallu z-zokk bl-għeruq tagħha fl-art qalb il-ħaxix, u agħmlulu ċirku tal-ħadid u ċirku tar-ram. Ħalluh jixxarrab bin-nida u mal-annimali fost il-ħaxix sakemm jgħaddu sebaʼ snin.”*
24 Re, din hi t-tifsira tal-ħolma; dan hu l-kmand tal-Iktar Għoli dwar dak li għandu jiġri lilek, sidi r-re.
25 Int se titkeċċa minn fost in-nies, se tgħix mal-annimali, u se tingħata tiekol ħaxix bħall-barrin; u int se tixxarrab bin-nida u se jgħaddu minn fuqek sebaʼ snin,* sakemm tkun taf li l-Iktar Għoli hu l-Mexxej fis-saltna tal-bnedmin u li hu jagħtiha lil min irid.
26 “‘Imma minħabba li qalu li għandu jitħalla z-zokk tas-siġra bl-għeruq, is-saltna tiegħek se terġaʼ ssir tiegħek wara li ssir taf li hemm mexxej Wieħed fis-sema.
27 Għalhekk re, jalla taċċetta l-parir tiegħi. Tibqax tagħmel id-dnub, imma agħmel dak li hu sew; u tibqax tagħmel il-ħażen, imma uri l-ħniena mal-foqra. Imbagħad jaf ikollok iktar ġid u paċi.’”
28 Dan kollu ġara lir-Re Nebukadnessar.
29 Sena wara, kien qed jippassiġġa fuq il-bejt tal-palazz irjali taʼ Babilonja.
30 Ir-re kien qed jgħid: “Din mhux Babilonja l-Kbira li jien stess bnejt biex tkun id-dar irjali bis-saħħa u l-qawwa tiegħi, u biex tkun il-glorja tal-kobor tiegħi?”
31 Waqt li r-re kien għadu qed jitkellem, instemaʼ leħen mis-sema: “Re Nebukadnessar, lilek intqallek, ‘Is-saltna m’għadhiex tiegħek,
32 u se tiġi mkeċċi minn fost in-nies. Int se tgħix mal-annimali, se tingħata tiekol ħaxix bħall-barrin, u se jgħaddu minn fuqek sebaʼ snin,* sakemm tkun taf li l-Iktar Għoli hu l-Mexxej fis-saltna tal-bnedmin u li hu jagħtiha lil min irid.’”
33 Dak il-ħin stess, Nebukadnessar ġralu hekk. Hu tkeċċa minn fost in-nies, beda jiekol il-ħaxix bħall-barrin, u beda jixxarrab bin-nida, sakemm xagħru twal bħar-rix tal-ajkli u d-dwiefer tiegħu bħad-dwiefer tal-għasafar.
34 “Meta spiċċaw is-sebaʼ snin,* jien, Nebukadnessar, ħarist lejn is-sema u rġajt ġejt f’sensija; u jien faħħart u tajt glorja lill-Iktar Għoli li jgħix għal dejjem, għax it-tmexxija tiegħu hi waħda li tibqaʼ għal dejjem u s-saltna tiegħu tibqaʼ minn ġenerazzjoni għal oħra.
35 Meta mqabblin m’Alla, in-nies mhuma xejn, u hu jagħmel dak li jrid fost l-anġli* u n-nies. U m’hemm ħadd li jistaʼ jwaqqfu jew jistaqsih x’għamilt.
36 “Dak il-ħin, erġajt ġejt f’sensija, u rġajt ksibt il-glorja tas-saltna tiegħi, il-kobor tiegħi, u s-sbuħija tiegħi. L-uffiċjali taʼ pożizzjoni għolja u n-nies importanti tiegħi bdew iħarsu ’l quddiem biex jikkonsultaw miegħi, u jien erġajt bdejt immexxi u saħansitra kelli iktar unur.
37 “Issa jien, Nebukadnessar, qed infaħħar, nonora, u nigglorifika lir-Re tas-sema, għax dak kollu li għamel hu tajjeb u jaġixxi b’mod ġust, u għax hu kapaċi jumilja lil min hu kburi.”
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri grupp taʼ nies li kienu tas-sengħa f’li jbassru l-futur u l-astroloġija.
^ Letteralment “żminijiet.”
^ Jew “lill-umli.”
^ Letteralment “żminijiet.”
^ Letteralment “żminijiet.”
^ Letteralment “żminijiet.”
^ Letteralment “żminijiet.”
^ Letteralment “l-armata tas-sema.”

