Ħosea 6:1-11

  • Jiġu mistiedna biex jerġgħu lura għand Ġeħova (1-3)

  • L-imħabba u l-lealtà tal-poplu jispiċċaw malajr (4-6)

    • L-imħabba u l-lealtà aħjar mis-sagrifiċċji (6)

  • Il-kondotta tal-mistħija tal-poplu (7-11)

6  “Ejja mmorru lura għand Ġeħova,Għax hu qattagħna biċċiet, imma se jfejjaqna. Hu sawwatna, imma se jinfaxxa l-feriti tagħna.  2  Hu se jagħtina s-saħħa wara jumejn. Fit-tielet jum, hu se jqajjimna,U aħna se ngħixu quddiemu.  3  Se nsiru nafu lil Ġeħova, iva, se nagħmlu sforz biex insiru nafuh. Hu żgur li se jiġi għandna daqskemm hu żgur li titlaʼ x-xemx filgħodu;Hu se jiġi għandna bħal xita qawwija,Bħax-xita tar-rebbiegħa li xxarrab l-art.”  4  “X’nagħmel bik, Efrajm? X’nagħmel bik, Ġuda? Għax l-imħabba u l-lealtà* tagħkom huma bħas-sħab taʼ filgħodu,Bħan-nida li tisparixxi malajr.  5  Hu għalhekk li jien se nqattagħkom biċċiet permezz tal-profeti;Se noqtolkom b’dak li ngħid. U l-ġudizzji li għedt kontrikom se jiddu bħad-dawl.  6  Għax jien nieħu pjaċir bl-imħabba u l-lealtà,* u mhux bis-sagrifiċċji,U nieħu pjaċir b’li ssiru tafuni, u mhux bl-offerti tal-ħruq.  7  Imma huma, bħal bnedmin midinbin, kisru l-patt. Huma ttradewni fil-pajjiż tagħhom.  8  Gilegħad hi belt taʼ dawk li jagħmlu l-ħażin;Hi mimlija bid-demm li ġie mxerred.  9  Il-qassisin huma bħal grupp taʼ ħallelin li jistaħbew biex jattakkaw lil xi ħadd. Huma joqtlu fit-triq li tagħti għal Sikem,Għax huma jagħmlu affarijiet tal-mistħija. 10  Qed nara li f’Iżrael qed jagħmlu affarijiet tal-biżaʼ. Efrajm qed jagħmel il-prostituzzjoni. Iżrael iddiżonora lilu nnifsu. 11  Ġuda, hemm ħsad lest għalik,Meta nġib lura l-poplu tiegħi li hu lsir.”

Noti taʼ taħt

Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “bil-ħniena.”