Ħosea 10:1-15

  • Iżrael hu bħal dielja marida li se tinqered (1-15)

    • Jiżirgħu u jaħsdu (12, 13)

10  “Iżrael hu bħal dielja marida* li tagħti l-frott. Iktar ma jagħmel frott, iktar jagħmel artali;Iktar ma l-art tipproduċi, iktar jagħmel pilastri sagri sbieħ.  2  Huma saru ipokriti;*Issa se jinstabu ħatjin. Hemm xi ħadd li se jkisser l-artali tagħhom u jeqred il-pilastri tagħhom.  3  Daqt se jgħidu, ‘M’għandniex re, għax ma rrispettajniex lil* Ġeħova. U billi jkollna re, x’jistaʼ jagħmlilna?’  4  Huma jitkellmu fil-vojt, jaħilfu falz, u jagħmlu pattijiet;Allura l-inġustizzja nfirxet bħal ħaxix velenuż f’għelieqi li jinħadmu.  5  Dawk li joqogħdu s-Samarija se jinkwetaw dwar l-idolu tal-barri żgħir* li qiegħed f’Bet-awen. In-nies se jibkuh,U anki l-qassisin taʼ dan l-alla barrani li qabel kienu jifirħu bih u bil-glorja tiegħu,Għax se jittieħed ’l hemm.  6  Dan se jintbagħat għand l-Assirja bħala rigal għal re kbir. Efrajm se jkollu jistħi,U Iżrael se jiġi umiljat minħabba l-parir li ħa.  7  Is-Samarija u r-re tagħha żgur se jispiċċaw fix-xejn,*Bħal fergħa żgħira f’wiċċ l-ilma.  8  U l-postijiet għall-qima f’Bet-awen li ġiegħlu lil Iżrael jidneb se jinqerdu. Ix-xewk u l-għollieq se jikbru fuq l-artali tagħhom. In-nies se jgħidu lill-muntanji, ‘Għattuna!’ U lill-għoljiet jgħidulhom, ‘Aħbuna!’  9  Iżrael, ilek tidneb mindu ġara dak li ġara f’Gibegħa. Hemm baqgħu jagħmlu l-ħażen. Il-gwerra f’Gibegħa kontra n-nies inġusti ma qerdithomx għalkollox. 10  Se niddixxiplinahom meta rrid. U meta jkollhom iġorru ż-żewġ żbalji tagħhom bħala kastig,*In-nies se jinġabru kontrihom. 11  Efrajm kien bħal baqra żgħira* mgħallma biex tidres li kienet tieħu pjaċir tagħmel dan,Allura ma tfajtilhiex il-madmad fuq l-għonq sabiħ tagħha. Se nġiegħel lil xi ħadd jirkeb fuq Efrajm. Ġuda se jaħrat; Ġakobb se jwittilu l-ħamrija. 12  Iżirgħu l-ġustizzja u aħsdu l-imħabba u l-lealtà.* Aħdmu l-art li hi tajba għall-ħritWaqt li għad hemm iċ-ċans li tfittxu lil Ġeħova,U hu se jiġi jgħallimkom x’inhu ġust u sewwa. 13  Imma intom ħrattu l-ħażen,Ħsadtu l-inġustizzja,U kiltu l-frott tal-qerq,Għax fdajtu fikom infuskom. Intom fdajtu fil-ħafna gwerriera tagħkom. 14  Se tqum rewwixta kontra l-poplu tiegħek,U l-bliet iffortifikati tiegħek se jinqerdu kollha,Bħalma Salman qered Bet-arbel. Kien f’dak iż-żmien li l-ommijiet u t-tfal tagħhom inqatlu b’mod vjolenti. 15  Hekk se jiġri minnek Betel,Minħabba l-ħażen estrem tiegħek. Sa ma jisbaħ, ir-re t’Iżrael żgur se jkun spiċċa fix-xejn.”*

Noti taʼ taħt

^ Jew forsi “li qed tinfirex.”
^ Jew “qalbhom saret ipokrita.”
^ Letteralment “ma bżajniex minn.”
^ Jew “tal-għoġol.”
^ Letteralment “imsikkta.”
^ Jiġifieri meta jġorru l-kastig tagħhom bħal madmad.
^ Jew “għoġla.”
^ Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “ġie msikket.”